Il-Ġudizzju Esegwit f’Wied is-Sentenza
“Ħa . . . jmorru [l-ġnus] fil-Wied taʼ Ġosafat! Għax hemm se noqgħod biex nagħmel ħaqq mill-ġnus kollha.”—ĠOEL 4:12 [ĠOEL 3:12, NW].
1. Ġoel għala jara rassa bla qjies miġbura “f’wied is-sentenza”?
“RASSA bla qjies f’wied is-sentenza!” Dan il-kliem eċċitanti naqrawh f’Ġoel 4:14 [Ġoel 3:14, NW]. Għala nġabret flimkien din ir-rassa bla qjies? Ġoel iwieġeb: “Jum il-Mulej fil-qrib.” Huwa l-jum il-kbir tal-vindikazzjoni taʼ Jehovah—il-jum biex isir ħaqq mill-kotriet li ċaħdu s-Saltna stabbilita t’Alla f’idejn Kristu Ġesù. Sa fl-aħħar, l-“erbaʼ anġli” t’Apokalissi kapitlu 7 se jerħu l-qabda soda tagħhom fuq “l-erbat irjieħ taʼ l-art,” li jirriżulta f’“diqa [“tribulazzjoni,” NW] kbira li mill-bidu tad-dinja sa issa għadu qatt ma kien hawn bħalha u anqas ikun hawn.”—Apokalissi 7:1; Mattew 24:21.
2. (a) Il-post fejn kellha ssir l-esekuzzjoni tal-ħaqq taʼ Jehovah għala bix-xieraq kien jissejjaħ il-“Wied taʼ Ġosafat”? (b) Ġosafat kif irreaġixxa bil-għaqal meta kien qed jiġi attakkat?
2 F’Ġoel 4:12 [Ġoel 3:12, NW], il-post fejn kellha ssir l-esekuzzjoni tal-ħaqq jissejjaħ il-“Wied taʼ Ġosafat.” B’mod xieraq, matul perijodu mqalleb fl-istorja taʼ Ġuda, Jehovah esegwixxa ħaqq hemmhekk f’isem is-Sultan twajjeb Ġosafat, li ismu jfisser “Jehovah Hu Mħallef.” Jekk nikkunsidraw x’ġara dakinhar inkunu nistgħu napprezzaw iktar dak li dalwaqt se jseħħ fi żmienna. Dan jinsab iddokumentat fit-2 Kronaki kapitlu 20. Fl-ewwel vers taʼ dak il-kapitlu, naqraw li “ġew għal Ġosafat biex jitqabdu miegħu wlied Mowab u wlied Għammon flimkien maʼ xi wħud mill-Megħunin.” Ġosafat kif irreaġixxa? Hu għamel dak li dejjem jagħmlu l-qaddejja leali taʼ Jehovah f’xi kriżi. Dar lejn Jehovah għall-gwida, waqt li talab b’mod ferventi: “Alla tagħna, ma tagħmilx int ħaqq minnhom? Għax aħna ma għandniex saħħa quddiem din il-kotra hekk kbira li ġejja kontra tagħna, u aħna ma nafux x’għandna nagħmlu; imma għajnejna huma fik!”—2 Kronaki 20:12.
Jehovah Jwieġeb it-Talba
3. Jehovah liema istruzzjonijiet ta lil Ġuda meta ffaċċjaw l-attakk mill-ġnus taʼ madwarhom?
3 Waqt li “Ġuda kollu kienu weqfin quddiem il-Mulej bit-trabi tagħhom, u n-nisa tagħhom, u wliedhom,” Jehovah ta t-tweġiba tiegħu. (2 Kronaki 20:13) Sewwa sew bħalma llum juża lill-“irsir leali u diskret” tiegħu, hekk ukoll is-Semmiegħ il-kbir tat-talb ta l-qawwa lill-profeta Levita Ġaħżijel biex jagħti t-tweġiba Tiegħu lil dawk li kienu miġburin. (Mattew 24:45, NW) Naqraw: “Dan jgħid il-Mulej: Tibżgħux! Titwerwrux quddiem din il-kotra kollha, għaliex it-taqbida m’hijiex tagħkom, imma taʼ Alla. . . . Intom ma tiġġildux f’din il-battalja; oqogħdu f’postkom, tiċċaqilqux, u taraw ir-rebħa tal-Mulej għalikom. . . . Tibżgħux, titwerwrux; għada oħorġu għalihom, u l-Mulej ikun magħkom.”—2 Kronaki 20:15-17.
4. Jehovah b’liema mod irrikjeda li n-nies tiegħu jkunu attivi u mhux passivi, meta ffaċċjaw l-isfida taʼ l-għedewwa?
4 Jehovah rrikjeda iktar mis-Sultan Ġosafat u mill-poplu tiegħu milli sempliċement joqogħdu b’idejhom fuq żaqqhom, u jistennew xi ħelsien mirakoluż. Huma kellhom jieħdu l-inizjattiva billi jilqgħu l-isfida taʼ l-għadu. Is-sultan u ‘Ġuda kollu bit-trabi tagħhom, u n-nisa tagħhom, u wliedhom,’ esprimew fidi qawwija billi obdew u qamu kmieni fil-għodu u mmarċjaw biex jiltaqgħu mal-qtajjaʼ li kienu ġejjin għalihom. Fit-triq, is-sultan kompla jipprovdi inkuraġġiment u istruzzjonijiet teokratiċi, billi ħeġġiġhom: “Emmnu fil-Mulej, Alla tagħkom, u titwettqu; emmnu fil-profeti tiegħu u tirbħu.” (2 Kronaki 20:20) Fidi f’Jehovah! Fidi fil-profeti tiegħu! Dak kien is-sigriet għas-suċċess. Bl-istess mod illum, hekk kif nibqgħu attivi fis-servizz taʼ Jehovah, jalla qatt ma niddubitaw li hu se jġiegħel il-fidi tagħna toħroġ rebbieħa!
5. Ix-Xhieda taʼ Jehovah llum kif inhuma attivi hekk kif ifaħħru lil Jehovah?
5 Bħall-Ġudeani taʼ żmien Ġosafat, irridu ‘nfaħħru lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.’ Kif se nagħtuh dan it-tifħir? Bl-ippridkar żeluż tagħna dwar is-Saltna! Bħalma dawk il-Ġudeani “bdew jgħannu u jfaħħru lil Alla,” l-istess aħna nżidu l-għemejjel mal-fidi tagħna. (2 Kronaki 20:21, 22) Iva, ejjew nuru fidi impekkabbli bħal din hekk kif Jehovah jħejji biex jidħol fl-azzjoni kontra l-għedewwa tiegħu! Għalkemm it-triq tistaʼ tidher twila, ejjew inkunu ddeterminati li nissaportu, attivi fil-fidi, saħansitra bħalma l-poplu rebbieħ tiegħu qed jagħmel illum fi nħawi kollhom inkwiet fid-dinja. F’xi pajjiżi milqutin bl-ikrah mill-persekuzzjoni, mill-vjolenza, mill-ġuħ, u minn kundizzjonijiet ekonomiċi estremi, qaddejja leali t’Alla qegħdin jesperjenzaw riżultati rimarkevoli, bħalma jirrapporta n-1998 Yearbook of Jehovah’s Witnesses.
Jehovah Jsalva lill-Poplu Tiegħu
6. Fidi soda kif tgħinna nibqgħu leali llum?
6 Il-ġnus ħżiena taʼ madwar Ġuda pprovaw jibilgħuh lill-poplu t’Alla, imma b’fidi eżemplari l-qaddejja taʼ Jehovah rreaġixxew billi kantawlu tifħir. Aħna nistgħu nesprimu l-istess fidi llum. Billi nimlew ħajjitna b’xogħlijiet taʼ tifħir lil Jehovah, inkunu qegħdin insaħħu l-armar spiritwali tagħna, u b’hekk ma nħallu l-ebda spazju għall-makakkeriji taʼ Satana biex jinfdu. (Efesin 6:11) Fidi qawwija se toħnoq it-tentazzjoni li niġu aljenati minħabba d-divertiment degradanti, il-materjaliżmu, u l-apatija li jikkaratterizzaw lid-dinja moribonda taʼ madwarna. Din il-fidi invinċibbli se żżommna naqdu lealment flimkien maʼ l-“irsir leali u diskret” hekk kif niġu sostnuti kontinwament bid-dieta taʼ ikel spiritwali pprovduta “fiż-żmien xieraq.”—Mattew 24:45, NW.
7. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif wieġbu għad-diversi attakki li saru kontriehom?
7 Il-fidi tagħna bbażata fuq il-Bibbja se ssaħħaħna biex nieqfu sodi kontra kampanji taʼ mibegħda li jqajmu dawk li għandhom l-ispirtu tal-“qaddej ħażin” taʼ Mattew 24:48-51. Billi jwettqu din il-profezija b’mod rimarkevoli, l-apostati llum qegħdin jiżirgħu gideb u propaganda f’ħafna pajjiżi, saħansitra billi jikkonfoffaw maʼ xi wħud f’pożizzjoni t’awtorità fost il-ġnus. Fejn kien xieraq, ix-Xhieda taʼ Jehovah rreaġixxew, kif deskritt f’Filippin 1:7, billi ‘ddefendew u wettqu l-Evanġelju.’ Per eżempju, fis-26 taʼ Settembru, 1996, f’każ imqajjem mill-Greċja, id-disaʼ mħallfin tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fi Strasbourg, b’mod unanimu affermaw mill-ġdid li “x-Xhieda taʼ Jehovah jaqgħu taħt id-definizzjoni taʼ ‘reliġjon rikonoxxuta,’” intitolati li jgawdu l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, u tat-twemmin, u d-dritt li jxandru l-fidi tagħhom. Inkwantu għall-apostati, il-ġudizzju t’Alla jistqarr: “Ġralhom kif jgħid sewwa l-proverbju: ‘Il-kelb idur għall-vomtu tiegħu’, u ‘Il-ħanżira l-maħsula titmiegħek fit-tajn.’”—2 Pietru 2:22.
8. Fi żmien Ġosafat, Jehovah kif esegwixxa ġudizzju kontra l-għedewwa tal-poplu Tiegħu?
8 Lura fi żmien Ġosafat, Jehovah esegwixxa ġudizzju kontra dawk li riedu jagħmlu l-ħsara lill-poplu Tiegħu. Naqraw: “Il-Mulej qiegħed nasba għal ulied Għammon u Mowab u għal dawk li jgħammru fuq il-muntanja taʼ Xegħir, li ġew għal Ġuda; u sfaw mirbuħa. Għaliex in-nies taʼ Għammon u taʼ Mowab qamu għan-nies li jgħammru fuq il-muntanja taʼ Xegħir, u qerduhom għalkollox. Wara li qerdu lin-nies taʼ Xegħir, għenu lil xulxin biex jeqirdu wieħed lil ieħor.” (2 Kronaki 20:22, 23) Il-Ġudeani semmew dak il-post Wied Berakah, għax Berakah tfisser “Barka.” Fi żminijiet moderni wkoll, l-esekuzzjoni taʼ ġudizzju minn Jehovah fuq l-għedewwa tiegħu se tirriżulta f’barkiet għall-poplu tiegħu stess.
9, 10. Min kienu dawk li wrew li jistħoqqilhom il-ġudizzju avvers taʼ Jehovah?
9 Forsi nistaqsu, Min fiż-żmien modern se jirċievi ġudizzju avvers mingħand Jehovah? Biex ikollna t-tweġiba għal dik il-mistoqsija, irridu nerġgħu mmorru għall-profezija taʼ Ġoel. Ġoel 4:3 [Ġoel 3:3, NW] jitkellem dwar l-għedewwa tal-poplu tiegħu bħala dawk li lil “uliedhom subjien bidluhom man-nisa żienja, u ’l uliedhom bniet bigħuhom għall-inbid.” Iva, huma jqisu lill-qaddejja t’Alla bħala li huma inferjuri ħafna għalihom, bħal li kieku wliedhom ma jiswewx iktar minn kirja taʼ prostituta jew mill-prezz taʼ buqar inbid. Se jkollhom jagħtu kont għal dan.
10 Dawk li jikkommettu prostituzzjoni spiritwali ħaqqhom l-istess ġudizzju. (Apokalissi 17:3-6) U l-iktar li ħaqqhom il-kundanna huma dawk li jinfluwenzaw lill-qawwiet politiċi biex jippersegwitaw lix-Xhieda taʼ Jehovah u jfixklu l-attività tagħhom, bħalma kienu qegħdin jagħmlu dan l-aħħar xi mexxejja reliġjużi xewwiexa fl-Ewropa tal-Lvant. Jehovah jesprimi d-determinazzjoni tiegħu biex jaġixxi kontra dawn li tant iħobbu jagħmlu l-ħażin.—Ġoel 4:4-8 [Ġoel 3:4-8, NW].
“Ħejju għall-Gwerra Qaddisa!”
11. Jehovah kif jisfida lill-għedewwa tiegħu għall-gwerra?
11 Imbagħad, Jehovah jsejjaħ lill-poplu tiegħu biex jipproklama din l-isfida fost il-ġnus: “Ħejju għall-gwerra qaddisa! Qajjmu l-qalbenin! Ħa jersqu, ħa jitilgħu l-irġiel kollha tal-gwerra!” (Ġoel 4:9 [Ġoel 3:9, NW]) Din hija dikjarazzjoni taʼ gwerra mhux tas-soltu—gwerra taʼ tjieba. Ix-Xhieda leali taʼ Jehovah jistrieħu fuq armi spiritwali hekk kif iwieġbu għall-propaganda qarrieqa, billi jirribattu l-gideb bil-verità. (2 Korintin 10:4; Efesin 6:17) Dalwaqt, Alla se jqaddes il-“gwerra taʼ nhar il-Jum il-Kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox.” Din se teħles lill-art minn dawk kollha li jopponu lis-sovranità t’Alla. Il-poplu tiegħu fuq l-art m’huwiex se jieħu sehem b’mod fiżiku f’dan. B’mod litterali u figurattiv, huma ‘bidlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel.” (Isaija 2:4) B’kuntrast, Jehovah jisfida lill-ġnus li jopponu biex jagħmlu l-kontra: “Is-sikek tagħkom dewwbuhom fi sjuf, l-imnieġel tagħkom f’lanez.” (Ġoel 4:10 [Ġoel 3:10, NW]) Hu jistedin-hom biex jużaw il-ħażna kollha li għandhom taʼ inġenji tal-gwerra u armamenti moderni f’din il-battalja. Imma ma jistgħux jirnexxu, għax it-taqbida u r-rebħa huma taʼ Jehovah!
12, 13. (a) Għalkemm il-Gwerra Bierda kienet spiċċat, ħafna ġnus kif urew li huma għadhom armati għall-gwerra? (b) Il-ġnus m’humiex ippreparati għal liema ħaġa?
12 Fil-bidu tas-snin 90, il-ġnus iddikjaraw li l-Gwerra Bierda kienet spiċċat. B’dan quddiem għajnejna, nistgħu ngħidu li l-Ġnus Magħquda laħqet il-mira primarja għall-paċi u s-sigurtà? Ma tantx! X’jgħidulna l-ġrajjiet fil-Burundi, f’dik li qabel kienet il-Jugoslavja, fl-Iraq, fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fl-Irwanda, fis-Somalja, u fil-Liberja? Fi kliem Ġeremija 6:14, qegħdin jgħidu: “‘Sliem, Sliem’ u m’huwa sliem xejn.”
13 Avolja waqfu l-gwerer diretti f’xi postijiet, nazzjonijiet membri tal-ĠM xorta għadhom jikkompetu bejniethom fil-manifattura taʼ armi tal-gwerra sofistikati. Xi wħud għadhom iżommu ħażniet kbar t’armi nukleari. Oħrajn jiżviluppaw armamenti kimiċi jew batterjoloġiċi għall-qerda tal-massa. Hekk kif dawk il-ġnus jinġabru lejn il-post simboliku msejjaħ Armageddon, hu jisfidahom: “Ħa jgħid id-dgħajjef: ‘Jien qalbieni!’ Ħaffu u ejjew, intom ġnus kollha taʼ madwar, u nġabru hemm!” Ġoel imbagħad jinterrompi bl-appell tiegħu stess: “Niżżel, Mulej, il-qalbieni [“il-qalbenin,” KŻ] tiegħek!” (Korsiv tagħna.)—Ġoel 4:10, 11 [Ġoel 3:10, 11, NW].
Jehovah Jipproteġi lil Tiegħu
14. Min huma l-qalbenin taʼ Jehovah?
14 Min huma l-qalbenin taʼ Jehovah? Għal xi 280 darba fil-Bibbja, dak Alla veru jissejjaħ “il-Mulej taʼ l-eżerċti.” Dawn l-eżerċti huma l-qtajjaʼ anġeliċi tas-sema li jinsabu lesti biex jagħmlu dak li jikkmandahom Jehovah. Meta s-Sirjani fittxew li jaħtfu lil Eliżew, Jehovah fl-aħħar fetaħ għajnejn il-qaddej t’Eliżew biex jara għala ma kienx se jirnexxilhom: “Dan ra l-għolja mimlija żwiemel u karrijiet tan-nar madwar Eliżew.” (2 Slaten 6:17) Ġesù qal li hu setaʼ kieku ried talab lil Missieru għal “aktar minn tnax-il leġjun taʼ anġli.” (Mattew 26:53) Waqt li jiddeskrivi lil Ġesù riekeb biex jesegwixxi ġudizzju f’Armageddon, Apokalissi jistqarr: “Mexjin warajh, fuq żwiemel bojod, kien hemm l-eżerċti tas-sema, lebsin l-għażel abjad bla nikta. Minn fommu ħierġa xabla misnuna, biex joqtol il-ġnus, u jmexxihom b’xettru tal-ħadid. Huwa jisħaq l-inbid ibaqbaq fil-magħsra tal-korla taʼ Alla li jistaʼ kollox.” (Apokalissi 19:14, 15) Dik il-magħsra simbolika hija deskritta b’mod vivaċi bħala l-“magħsra l-kbira tal-korla taʼ Alla.”—Apokalissi 14:17-20.
15. Ġoel kif jiddeskrivi l-gwerra taʼ Jehovah kontra l-ġnus?
15 Mela, Jehovah kif iwieġeb il-petizzjoni taʼ Ġoel biex iniżżel il-qalbenin t’Alla stess? Dan narawh permezz taʼ dan il-kliem mimli ħajja: “Ħa jitqanqlu il-ġnus u jmorru fil-Wied taʼ Ġosafat! Għax hemm se noqgħod biex nagħmel ħaqq mill-ġnus kollha taʼ madwar. Ressqu l-minġel; għax laħaq il-ħsad! Ejjew, isħqu b’riġlejkom, għax mimli l-magħsar; il-btieti mfawwrin, għax kbira ħżunithom! Rassa bla qjies f’wied is-sentenza! Għax Jum il-Mulej fil-qrib f’wied is-sentenza. Ix-xemx u l-qamar jiddallmu, u l-kwiekeb jitilfu dijiethom. Il-Mulej iriegħed minn Sijon, isammaʼ leħnu minn Ġerusalemm; u s-smewwiet u l-art jitriegħdu!”—Ġoel 4:12-16 [Ġoel 3:12-16, NW].
16. Min se jkun inkluż fost dawk li kontriehom Jehovah se jesegwixxi ġudizzju?
16 Daqs kemm hu veru li l-isem Ġosafat ifisser “Jehovah Hu Mħallef,” daqstant hu veru li Alla tagħna, Jehovah, se jivvindika bis-sħiħ is-sovranità tiegħu meta hu nnifsu jesegwixxi ġudizzju. Il-profezija tiddeskrivi lil dawk li jirċievu ġudizzju avvers bħala “rassa bla qjies f’wied is-sentenza.” Xi difensuri li jkun għad fadal tar-reliġjon falza se jkunu f’dik ir-rassa. Inklużi wkoll se jkun hemm dawk deskritti fit-tieni Salm—il-ġnus, il-popli, is-slaten taʼ l-art u l-kbarat—li ppreferew is-sistema korrotta taʼ din id-dinja milli ‘jaqdu lill-Mulej bil-biżaʼ.’ Dawn jonqsu li ‘jbusu lill-iben.’ (Salm 2:1, 2, 11, 12) Ma jirrikonoxxux lil Ġesù bħala s-Sultan imsieħeb maʼ Jehovah. Iżjed minn hekk, il-folol immarkati għall-qerda se jinkludu lin-nies kollha li dak is-Sultan glorjuż se jiġġudikahom bħala li huma “mogħoż.” (Mattew 25:33, 41) Fiż-żmien maħtur taʼ Jehovah biex isammaʼ leħnu minn Ġerusalemm tas-sema, is-Sultan tas-slaten maħtur se jimxi ’l quddiem biex jesegwixxi dak il-ġudizzju. Is-smewwiet u l-art ċertament li se jitriegħdu! Madankollu, aħna aċċertati li “l-Mulej ikun għall-poplu tiegħu kenn, ikun fortizza għal ulied Iżrael!”—Ġoel 4:16 [Ġoel 3:16, NW].
17, 18. Min huma dawk li jiġu identifikati bħala dawk li jibqgħu ħajjin wara t-tribulazzjoni l-kbira, u liema kundizzjonijiet se jgawdu?
17 Apokalissi 7:9-17 jidentifika lil dawk li jibqgħu ħajjin wara t-tribulazzjoni l-kbira bħala “kotra kbira” magħmula minn dawk li jeżerċitaw fidi fil-qawwa li tifdi li għandu d-demm taʼ Ġesù. Dawn se jsibu protezzjoni fil-jum taʼ Jehovah, meta dik ir-rassa kbira tal-profezija taʼ Ġoel tiffaċċja ġudizzju avvers. Ġoel jgħid lil dawk li jibqgħu ħajjin: “Mbagħad tagħrfu li jien il-Mulej, Alla tagħkom, li ngħammar f’Sijon, il-muntanja mqaddsa tiegħi,” il-post fis-sema fejn jgħammar Jehovah.—Ġoel 4:17a [Ġoel 3:17a, NW].
18 Il-profezija mbagħad tinformana li d-dominju tas-Saltna tas-sema t’Alla ‘jrid isir post qaddis, u qatt iżjed ma jgħaddu minnu l-barranin!’ (Ġoel 4:17b [Ġoel 3:17b NW]) Fis-smewwiet u fil-qasam taʼ l-art taʼ dik is-Saltna tas-sema, mhux se jkun hemm barranin, għax ilkoll se jkunu magħqudin fil-qima pura.
19. L-hena li ma bħalu tan-nies t’Alla llum kif inhu deskritt minn Ġoel?
19 Anki llum, tirrenja abbundanza taʼ paċi fost il-poplu taʼ Jehovah hawn fuq l-art. Magħqudin, dawn qegħdin jipproklamaw il-ġudizzji tiegħu f’iktar minn 230 pajjiż u f’iktar minn 300 lingwa differenti. Il-prosperità tagħhom hija deskritta profetikament b’mod mill-isbaħ minn Ġoel: “U jiġri dakinhar, il-muntanji jqattru l-inbid ġdid, l-għoljiet inixxu l-ħalib, u l-widien kollha taʼ Ġuda ifuru bl-ilmijiet.” (Ġoel 4:18 [Ġoel 3:18, NW]) Iva, Jehovah se jkompli jferraʼ fuq dawk li qegħdin ifaħħruh fuq l-art, abbundanza taʼ prosperità u barkiet mimlijin ferħ u nixxiegħa li dejjem tikber taʼ veritajiet prezzjużi. Is-sovranità taʼ Jehovah se tkun ġiet ivvindikata bis-sħiħ f’wied is-sentenza, u se joktor il-ferħ hekk kif hu jgħammar għal dejjem fost il-poplu mifdi tiegħu.—Apokalissi 21:3, 4.
Tiftakar Int?
◻ Jehovah kif ħeles lill-poplu tiegħu fi żmien Ġosafat?
◻ Jehovah lil min jiġġudika bħala li jistħoqqlu l-qerda f’“wied is-sentenza”?
◻ Min huma l-qalbenin t’Alla u x’parti se jkollhom fil-konflitt finali?
◻ Liema hena jgawdu adoraturi leali llum?
[Stampa f’paġna 21]
Lil Ġuda ntqalilhom: ‘It-taqbida m’hijiex tagħkom imma t’Alla’
[Stampa f’paġna 23]
Jehovah jisfida lill-għedewwa tiegħu biex ‘is-sikek tagħhom idewbuhom fi sjuf’
[Stampa f’paġna 24]
Il-Bibbja tidentifika folla kbira taʼ wħud li jibqgħu ħajjin wara t-tribulazzjoni kbira