Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Kotba taʼ Ġoel u Għamos
KULMA jgħidilna dwaru nnifsu hu li kien “Ġoel bin Petwel.” (Ġoel 1:1) Fil-ktieb li jġib ismu, Ġoel ftit li xejn jitkellem dwar affarijiet oħrajn ħlief dwar il-messaġġ tiegħu, tant li anki ż-żmien tal-profezija tiegħu jistaʼ biss jiġi kalkulat—madwar is-sena 820 Q.E.K., disaʼ snin wara li Għużżija sar sultan fuq Ġuda. Ġoel għala joqgħod daqshekk lura milli jitkellem dwaru nnifsu? Ir-raġuni x’aktarx hi li hu jrid jenfasizza l-messaġġ u mhux il-messaġġier.
Ukoll, fi żmien Għużżija, Għamos, resident taʼ Ġuda li hu ‘ragħaj u jiżbor il-ġummajż,’ jiġi inkarigat biex ikun profeta. (Għamos 7:14) Kuntrarju għal Ġoel, li jipprofetizza f’Ġuda, Għamos jintbagħat fit-tramuntana lejn is-Saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet. Il-ktieb t’Għamos jitlesta bejn wieħed u ieħor fis-sena 804 Q.E.K. wara li l-profeta jirritorna Ġuda, u hu miktub b’lingwa li hija sempliċi imma ħajja.
“AH, X’JUM DAN!”—GĦALA?
(Ġoel 1:1–4:21 [1:1–3:21, NW])
Invażjoni mill-ġrad qattiegħ, mill-ġrad gerriem, u mill-ġrad qerried hu dak li jara Ġoel fil-viżjoni. Hu jirreferi għall-invażuri bħala “poplu kotran u qawwi” u bħala “nies qalbiena.” (Ġoel 1:4; 2:2-7) “Ah, x’jum dan! Għax fil-qrib jum il-Mulej, jasal bħal riefnu mingħand Xaddaj,” jitniehed Ġoel. (Ġoel 1:15) Ġeħova jagħti l-parir lill-abitanti taʼ Sijon: “Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha.” Jekk jagħmlu dan, Ġeħova se ‘jagħder il-poplu tiegħu’ u se ‘jbiegħed minnhom lil tat-tramuntana’—l-invażjoni mill-insetti. Però, qabel ma jiġi l-jum il-kbir tiegħu, Ġeħova se ‘jsawwab l-ispirtu tiegħu fuq il-ħlejjaq kollha’ u ‘fis-sema u l-art juri sinjali.’—Ġoel 2:12, 18-20; 3:1-4 (2:28-31, NW).
Il-ġnus jiġu sfidati: “Is-sikek tagħkom dewwbuhom fi sjuf, l-imnieġel tagħkom f’lanez” u ppreparaw għall-gwerra. Huma jiġu ordnati biex “imorru fil-Wied taʼ Ġosafat,” fejn se jiġu ġudikati u meqrudin. “Imma l-art taʼ Ġuda tkun mgħammra għal dejjem.”—Ġoel 4:10, 12, 20 (3:10, 12, 20, NW).
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
1:15; 2:1, 11; 3:4 (2:31, NW); 4:14 (3:14, NW)—X’inhu “jum il-Mulej”? Il-jum taʼ Ġeħova huwa ż-żmien meta Ġeħova se jesegwixxi ġudizzju fuq l-għedewwa tiegħu, li se jirriżulta f’qerda għalihom imma salvazzjoni għall-aduraturi veri. Per eżempju, jum bħal dan wasal fuq Babilonja tal-qedem fis-sena 539 Q.E.K. meta ntrebħet mill-Medi u l-Persjani. (Isaija 13:1, 6) “Jum il-Mulej” ieħor jinsab fil-qrib, meta Ġeħova se jesegwixxi ġudizzju divin fuq “Babilonja l-Kbira”—l-imperu dinji taʼ reliġjon falza.—Rivelazzjoni 18:1-4, 21.
2:1-10; 3:1 (2:28, NW)—Kif twettqet il-profezija dwar l-invażjoni mill-insetti? M’hemm ebda rakkont imniżżel fil-Bibbja dwar invażjoni kbira mill-insetti fuq l-art taʼ Kangħan bħalma hu deskritt fil-ktieb taʼ Ġoel. Għalhekk, l-attakk li jiddeskrivi Ġoel milli jidher huwa profezija dwar iż-żmien fis-sena 33 E.K. meta Ġeħova beda jferraʼ l-ispirtu tiegħu fuq l-ewwel segwaċi taʼ Kristu u dawn bdew jippridkaw il-messaġġ li tturmenta lill-mexxejja reliġjużi foloz. (Atti 2:1, 14-21; 5:27-33) Huwa l-privileġġ tagħna li nieħdu sehem f’xogħol simili llum.
3:5 (2:32, NW)—Xi jfisser li wieħed “isejjaħ isem il-Mulej”? Li wieħed isejjaħ isem Alla jfisser li jkun jaf dak l-isem, li jirrispettah profondament, u li jistrieħ fuq dak li jġorr dan l-isem u jafda fih.—Rumani 10:13, 14.
4:14 (3:14, NW)—X’inhu “wied is-sentenza”? Huwa post simboliku fejn Alla jesegwixxi ġudizzju. Fi żmien is-Sultan Ġosafat taʼ Ġuda, li ismu jfisser “Ġeħova hu Mħallef,” Alla ħeles lil Ġuda mill-ġnus taʼ madwarha billi ħawwad il-qawwiet militari tagħhom. Għalhekk, il-post jissejjaħ ukoll “il-Wied taʼ Ġosafat.” (Ġoel 4:2, 12 [Ġoel 3:2, 12, NW]) Fi żmienna, dan jirrappreżenta post simboliku li fih il-ġnus se jingħasru bħall-għeneb f’magħsar.—Rivelazzjoni 19:15.
Lezzjonijiet Għalina:
1:13, 14. Biex insalvaw huwa essenzjali li nindmu sinċerament u nirrikonoxxu lil Ġeħova bħala l-Alla l-veru.
2:12, 13. L-indiema ġenwina tiġi mill-qalb. Din tinvolvi li ‘tiċċarrat il-qalb,’ mhux li ‘jiċċarrat l-ilbies’ biex jarawna l-oħrajn.
2:28–3:5 (2:28-32, NW). Dak biss li “jsejjaħ isem il-Mulej jinħeles” f’“Jum il-Mulej, kbir u tal-biżaʼ.” Kemm għandna għalxiex inkunu grati li Ġeħova jferraʼ l-ispirtu tiegħu fuq kulħadd u għandu kemm kbar u kemm żgħar, kemm irġiel u kemm nisa li jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ipprofetizzar, jiġifieri, li jiddikjaraw “l-affarijiet grandjużi t’Alla”! (Atti 2:11) Hekk kif joqrob il-jum taʼ Ġeħova, m’għandniex aħna jkollna ħafna “atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla”?—2 Pietru 3:10-12.
4:4-8, 19 (3:4-8, 19, NW). Ġoel ipprofetizza li l-ġnus madwar Ġuda kellhom jiġu msejħin biex jagħtu kont talli ttrattaw ħażin lill-poplu magħżul t’Alla. Bħalma kienet tgħid il-profezija, il-belt prinċipali taʼ Tir ġiet meqruda mis-Sultan Babiloniż Nabukodonosor. Iktar tard, meta l-belt taʼ Tir li tinsab fuq gżira ġiet f’idejn Alessandru l-Kbir, inqatlu eluf mill-irġiel militari u n-nies prominenti tagħha u 30,000 mill-abitanti tagħha nbiegħu fil-jasar. Il-Filistin ġew trattati bl-istess mod f’idejn Alessandru u s-suċċessuri tiegħu. Sar-rabaʼ seklu Q.E.K., Edom kienet għadha ħerba. (Malakija 1:3) Dawn il-profeziji mwettqin isaħħu l-fidi tagħna f’Ġeħova bħala l-Wieħed li jwettaq il-wegħdi tiegħu. Juru wkoll kif Ġeħova se jittratta mal-ġnus li jippersegwitaw lill-aduraturi tiegħu llum.
4:16-21 (3:16-21, NW). “Is-smewwiet u l-art [se] jitriegħdu,” u l-ġnus se jesperjenzaw il-ġudizzji taʼ Ġeħova kontrihom. “Iżda l-Mulej ikun għall-poplu tiegħu kenn,” għaliex se jagħtihom ħajja f’kundizzjoni taʼ ġenna taʼ l-art. M’għandniex aħna nkunu determinati b’mod sod li nibqgħu qrib tiegħu hekk kif qed joqrob il-jum tiegħu biex jesegwixxi ġudizzju fuq id-dinja mill-agħar?
“ĦEJJI RUĦEK, BIEX TILTAQAʼ MAʼ ALLA TIEGĦEK”
Għamos għandu messaġġ għall-ġnus għedewwa taʼ madwar Iżrael u għal Ġuda u Iżrael. Hemm il-qerda ġejja fuq is-Sirja, Filistja, Tir, Edom, u Mowab minħabba li ttrattaw b’mod kiefer lill-poplu t’Alla. L-abitanti taʼ Ġuda se jesperjenzaw qerda minħabba li “telqu l-liġi tal-Mulej.” (Għamos 2:4) Xi ngħidu għas-saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet? Dnubietha jinkludu moħqrija bir-regħba fuq il-foqra, l-immoralità, u t-trattament nieqes mir-rispett lejn il-profeti t’Alla. Għamos iwissi li Ġeħova se ‘jikkastiga l-artali taʼ Betel’ u se ‘jaħbat għad-dar tax-xitwa u għad-dar tas-sajf.’—Għamos 3:14, 15.
Minkejja d-diversi kastigi li diġà ngħataw, l-Iżraelin idolatrużi jibqgħu rashom iebsa. Għamos jgħidilhom: “Ħejji ruħek, biex tiltaqaʼ maʼ Alla tiegħek.” (Għamos 4:12) Għall-Iżraelin, il-jum taʼ Ġeħova se jkun ifisser li se ‘jiġu eżiljati ’l hemm minn Damasku,’ jiġifieri, lejn l-Assirja. (Għamos 5:27) Għamos jiffaċċja oppożizzjoni minn qassis taʼ Betel imma ma jibżax. “Wasal it-tmiem għall-poplu tiegħi Iżrael,” jgħid Ġeħova lil Għamos. “Ma naħfirlux iżjed.” (Għamos 8:2) La Qiegħ l-Art u lanqas il-muntanji għoljin ma jistgħu jipproteġuhom mill-ġudizzji t’Alla. (Għamos 9:2, 3) Madankollu, hemm wegħda taʼ restawrazzjoni. “Nreġġaʼ l-poplu tiegħi Iżrael għal li kien,” jgħid Ġeħova, “jibnu l-ibliet meqruda u jgħammru fihom; iħawwlu d-dwieli u jixorbu l-inbid tagħhom; u jxettlu ġonna u jieklu mill-frott tagħhom.”—Għamos 9:14.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin :
4:1—X’jissimbolizzaw il-“baqar taʼ Basan”? Il-biċċa art fuq għolja fejn kienet Basan, post fil-lvant tal-Baħar tal-Galilija, kienet magħrufa għar-razez eċċellenti t’annimali, inkluż il-baqar. Il-mergħat abbundanti tagħha kkontribwew għal dan. Għamos xebbah lin-nisa tas-Samarija li kienu jħobbu l-lussu mal-baqar taʼ Basan. Dawn in-nisa żgur li għamlu pressjoni fuq ‘żwieġhom’ biex jgħakksu lill-imsejknin ħalli jkunu jistgħu jiksbu l-għana iktar faċilment.
4:6—Xi tfisser l-espressjoni “naddaftilkom snienkom”? Użata bħala parallel maʼ li individwu jkun ‘nieqes mill-ħobż,’ din il-frażi setgħet tirreferi għal żmien taʼ ġuħ meta s-snien kienu jibqgħu nodfa minħabba n-nuqqas taʼ ikel.
5:5—Iżrael b’liema mod kellu ‘ma jfittixx lil Betel’? Ġerobogħam kien beda l-qima taʼ l-għoġol f’Betel. Minn dakinhar, il-belt kienet saret ċentru taʼ qima falza. X’aktarx li Gilgal u Birsaba wkoll kienu postijiet taʼ qima apostata. Biex jaħrab mill-gwaj imbassar, Iżrael kellu bżonn iwaqqaf il-pellegrinaġġi reliġjużi lejn dawn il-postijiet u jibda jfittex lil Ġeħova.
7:1—Għal xiex jirreferi “l-ħaxix imwaħħar wara l-ħsad tas-sultan”? X’aktarx li jirreferi għat-taxxa li s-sultan impona sabiex imantni ż-żwiemel u l-annimali tiegħu. Din it-taxxa kellha titħallas “meta beda jinbet il-ħaxix imwaħħar.” Wara dan, in-nies setgħu jaħsdu r-rabaʼ tagħhom. Madankollu, qabel ma setgħu jagħmlu dan, issawret qatgħa ġradijiet u belgħet ir-rabaʼ tagħhom flimkien maʼ ħxejjex oħrajn.
8:1, 2—X’kienet tfisser il-“qoffa bil-frott tas-sajf”? Din kienet tfisser li l-jum taʼ Ġeħova kien fil-qrib. Il-frott tas-sajf jinġabar fi tmiem l-istaġun tal-ħsad, jiġifieri, lejn l-aħħar tas-sena agrikola. Meta Ġeħova ġiegħel lil Għamos jara “qoffa bil-frott tas-sajf,” din kienet tfisser li t-tmiem kien fil-qrib għal Iżrael. Għalhekk, Alla qal lil Għamos: “Wasal it-tmiem għall-poplu tiegħi Iżrael. Ma naħfirlux iżjed.”
Lezzjonijiet Għalina:
1:3, 6, 9, 11, 13; 2:1, 4, 6. Dwar ir-rabja tiegħu għal Iżrael, Ġuda, u s-sitt ġnus taʼ madwarhom Ġeħova qal: “Ma nreġġax lura kelmti.” M’huwiex possibbli taħrab il-ġudizzji taʼ Ġeħova.—Għamos 9:2-5.
2:12. M’għandniex niskuraġġixxu pijunieri, indokraturi li jivvjaġġaw, missjunarji, jew membri tal-familja taʼ Betel li jaħdmu iebes billi nħeġġuhom jieqfu mis-servizz full-time biex minflok jgħixu l-hekk imsejħa ħajja normali. Għall-kuntrarju, aħna għandna ninkuraġġuhom biex jibqgħu sejrin fix-xogħol tajjeb tagħhom.
3:8. Sewwasew bħalma dak li jkun jibżaʼ jekk jismaʼ ljun jgħajjat, Għamos ħassu mqanqal biex jippriedka meta semaʼ lil Ġeħova jgħid: “Mur, ħabbar lill-poplu tiegħi.” (Għamos 7:15) Il-biżaʼ t’Alla għandu jqanqalna nkunu predikaturi żelużi tal-messaġġ tas-Saltna.
3:13-15; 5:11. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, ir-ragħaj umli Għamos irnexxielu ‘jagħti xiehda’ lil nies li kienu għonja, u għalhekk, apatetiċi. Ġeħova jistaʼ jħejjina b’mod simili ħalli niddikjaraw il-messaġġ tas-Saltna minkejja kemm jistaʼ jkun taʼ sfida t-territorju.
4:6-11; 5:4, 6, 14. Minkejja li l-Iżraelin naqsu ripetutament li ‘jerġgħu lura’ għand Ġeħova, huma ġew imħeġġin biex ‘ifittxu lil [Ġeħova] u jgħixu.’ Sakemm Ġeħova jippermetti bis-sabar li din is-sistema mill-agħar tibqaʼ għaddejja, aħna għandna nħeġġu lil dawk li jinsabu fiha biex iduru lejn Alla.
5:18, 19. Hija bluha għal individwu li ‘jixtieq jum il-Mulej’ imma ma jkunx lest għalih. Is-sitwazzjoni taʼ min jagħmel dan tkun bħal dik taʼ xi ħadd li jaħrab minn iljun imma jiltaqaʼ m’ors, u mbagħad jaħrab mill-ors imma jispiċċa migdum minn serp. Aħna nkunu għaqlin jekk ‘nibqgħu mqajmin’ spiritwalment u nibqgħu attenti.—Luqa 21:36.
7:12-17. Aħna għandna niddikjaraw il-messaġġ t’Alla bla biżaʼ u b’mod qalbieni.
9:7-10. Il-fatt li kienu dixxendenti tal-patrijarki leali u taʼ dawk li nħelsu mill-Eġittu bħala l-poplu magħżul t’Alla ma żammx lura lill-Iżraelin żleali milli jkollhom reputazzjoni ħażina m’Alla, bħal dik taʼ wlied Kus. Il-fatt li dak li jkun ikollu reputazzjoni tajba maʼ l-Alla imparzjali ma jiddependix mil-linja tar-razza tiegħu, imma milli “jibżaʼ minnu u jagħmel is-sewwa.”—Atti 10:34, 35.
Dak li Għandna Nagħmlu
Il-jum meta se jsir ġudizzju fuq id-dinja taʼ Satana jinsab fil-qrib. Alla ferraʼ l-ispirtu tiegħu fuq l-aduraturi tiegħu, billi ħejjiehom biex iwissu lill-umanità dwar il-miġja tal-jum tiegħu. M’għandniex aħna nieħdu sehem bis-sħiħ f’li ngħinu lil oħrajn isiru jafu lil Ġeħova u ‘jsejħu ismu’?—Ġoel 3:4, 5 (Ġoel 2:31, 32, NW).
Għamos iħeġġeġ: “Obogħdu d-deni u ħobbu l-ġid, saħħu l-ġustizzja f’bieb il-belt.” (Għamos 5:15) Hekk kif qed joqrob il-jum taʼ Ġeħova, ikun għaqli li nersqu qrib lejn Alla u nżommu ruħna separati mid-dinja mill-agħar u s-sħubija immorali li toffri. Għal din ir-raġuni, kemm huma f’waqthom il-lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu mill-kotba Bibliċi taʼ Ġoel u Għamos!—Ebrej 4:12.
[Stampa f’paġna 12]
Ġoel ipprofetizza: “Fil-qrib jum il-Mulej”!
[Stampi f’paġna 15]
Bħal Għamos, aħna għandna nkunu bla biżaʼ u qalbenin bħala proklamaturi tal-messaġġ t’Alla