Il-Ġudizzju taʼ Ġeħova Ġej Kontra l-Ħżiena
“Ħejji ruħek, biex tiltaqaʼ maʼ Alla tiegħek.”—Għamos 4:12.
1, 2. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li Alla se jtemm il-ħażen?
SEJJER Ġeħova xi darba jtemm il-ħażen u s-sofferenza li hawn fuq l-art? Hekk kif ninsabu fil-bidu tas-seklu 21, din hija mistoqsija tassew f’waqtha. Donnu li kulfejn indawru wiċċna, naraw bnedmin li qed jaġixxu bla qalb maʼ bnedmin oħra. Kemm nixtiequ li jkun hawn dinja ħielsa mill-vjolenza, mit-terroriżmu, u mill-korruzzjoni!
2 L-aħbar tajba hi li aħna jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa li Ġeħova se jtemm il-ħażen. Il-kwalitajiet t’Alla jassigurawna li hu se jieħu azzjoni kontra l-ħżiena. Ġeħova hu ġust u sewwa. F’Salm 33:5, il-Kelma tiegħu tgħidilna: “Hu jħobb id-dritt u s-sewwa.” Salm ieħor jgħid: “[Ġeħova] jobgħod ’il min iħobb id-dnewwa.” (Salm 11:5) Żgur li Ġeħova, li hu Alla mimli qawwa, li jħobb id-dritt u s-sewwa, m’huwiex se jittollera għal dejjem dak li jobgħod hu.
3. X’se jiġi enfasizzat aħna u nkomplu nikkunsidraw il-profezija t’Għamos?
3 Ikkunsidra raġuni oħra għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jneħħi l-ħażen. Il-mod kif hu aġixxa fil-passat huwa garanzija taʼ dan. Eżempji impressjonanti taʼ kif Ġeħova aġixxa dejjem bl-istess mod maʼ wħud ħżiena jinsabu fil-ktieb Bibliku t’Għamos. Jekk inkomplu nikkunsidraw il-profezija t’Għamos, se jiġu enfasizzati tliet affarijiet dwar il-ġudizzju divin. L-ewwel, dan huwa dejjem mistħoqq. It-tieni, ħadd ma jistaʼ jaħrab minnu. U t-tielet, huwa selettiv, għaliex Ġeħova jagħmel ġudizzju mill-ħżiena imma juri ħniena maʼ dawk li jindmu u li għandhom attitudni xierqa.—Rumani 9:17-26.
Il-Ġudizzju Divin Dejjem Mistħoqq
4. Ġeħova fejn bagħat lil Għamos u għal liema skop?
4 Fi żmien Għamos, l-Iżraelin kienu diġà maqsumin f’żewġ saltniet. Waħda kienet is-saltna taʼ Ġuda b’żewġ tribujiet fin-nofsinhar. L-oħra kienet is-saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet fit-tramuntana. Ġeħova inkariga lil Għamos biex jaqdi bħala profeta u minn daru f’Ġuda bagħtu f’Iżrael. Hemmhekk, Għamos kellu jintuża minn Alla biex ixandar ġudizzju divin.
5. Għall-ewwel, Għamos kontra liema ġnus ipprofetizza, u x’kienet raġuni waħda għala kien jistħoqqilhom ġudizzju divin kontrihom?
5 Għamos ma bediex xogħlu billi ħabbar il-ġudizzju taʼ Ġeħova kontra s-saltna ribelluża taʼ Iżrael fit-tramuntana. Minflok, hu beda billi ddikjara l-ġudizzju divin li kien ġej kontra sitt iġnus fil-qrib. Dawn kienu s-Sirja, il-Filistja, Tir, Edom, Għammon, u Mowab. Imma dawn il-ġnus tassew kien jistħoqqilhom il-ġudizzju t’Alla kontrihom? Dażgur li kien! Raġuni waħda hi li huma kienu għedewwa ħorox tal-poplu taʼ Ġeħova.
6. Alla għala kien se jġib gwaj fuq is-Sirja, il-Filistja, u Tir?
6 Per eżempju, Ġeħova kkundanna lis-Sirjani “għax dirsu lil Gilgħad.” (Għamos 1:3) Is-Sirjani ħadu territorju minn Gilgħad—reġjun taʼ Iżrael fil-lvant tax-Xmara Ġordan—u hemmhekk għamlu ħsara kbira lill-poplu t’Alla. Xi ngħidu għall-Filistja u Tir? Il-Filistin kienu ħatja li ħadu eżiljati, jew priġunieri, Iżraelin, u bigħuhom lill-Edumin, u xi Iżraelin ġew f’idejn negozjanti minn Tir li kienu jbigħu l-ilsiera. (Għamos 1:6, 9) X’għarukaża—bigħu lin-nies t’Alla bħala lsiera! Mela, mhux taʼ b’xejn li Ġeħova kien se jġib gwaj kbir fuq is-Sirja, il-Filistja, u Tir.
7. Edom, Għammon, u Mowab x’kellhom komuni maʼ Iżrael, imma kif ittrattaw lill-Iżraelin?
7 Edom, Għammon, u Mowab kellhom xi ħaġa komuni bejniethom u maʼ Iżrael. It-tlieta li huma kienu qraba taʼ l-Iżraelin. L-Edumin kienu dixxendenti t’Abraham permezz t’Għesaw, it-tewmi taʼ Ġakobb. Allura, f’ċertu sens, huma kienu ħut Iżrael. L-Għammonin u l-Mowabin kienu dixxendenti taʼ Lot, in-neputi t’Abraham. Madankollu, ittrattawhom bħal aħwa l-Edumin, l-Għammonin, u l-Mowabin lil qrabathom l-Iżraelin? Lanqas xejn! Edom uża bla ħniena s-sejf kontra “ħuh,” u l-Għammonin kienu sadisti bil-mod kif ittrattaw lill-priġunieri Iżraelin. (Għamos 1:11, 13) Għalkemm Għamos ma jsemmix b’mod dirett kif Mowab ittratta b’mod ħażin lill-poplu t’Alla, il-Mowabin kienu ilhom żmien twil jopponu lil Iżrael. Il-kastig għal dawn it-tlett iġnus qraba kien se jkun wieħed aħrax. Ġeħova kien se jibgħat fuqhom qerda taħraq.
Ħadd Ma Jistaʼ Jaħrab mill-Ġudizzju Divin
8. Is-sitt iġnus madwar Iżrael għala ma setgħux jaħarbu mill-ġudizzji t’Alla?
8 Mingħajr ebda dubju, is-sitt iġnus li jissemmew iktar kmieni fil-profezija t’Għamos kien jistħoqqilhom ġudizzju divin kontrihom. Iktar minn hekk, ma setgħu jaħarbu minnu b’ebda mod. Minn Għamos kapitlu 1, vers 3 sa kapitlu 2, vers 1, Ġeħova sitt darbiet jgħid: “Ma nreġġax lura kelmti.” Hu żamm kelmtu u ma qagħadx lura milli jwettaq il-ġudizzju tiegħu kontra dawk il-ġnus. Huwa fatt storiku li iktar tard kull wieħed minn dawn il-ġnus sofra gwaj kbir. Biss biss, minn taʼ l-inqas erbgħa minnhom—il-Filistja, Mowab, Għammon, u Edom—eventwalment lanqas baqgħu jeżistu!
9. X’kien jistħoqqilhom l-abitanti taʼ Ġuda, u għala?
9 Il-profezija t’Għamos imbagħad tiffoka fuq is-sebaʼ ġens—it-territorju fejn kien jgħix hu, Ġuda. Għandu mnejn li s-semmiegħa t’Għamos fis-saltna taʼ Iżrael fit-tramuntana baqgħu skantati jisimgħuh iħabbar ġudizzju kontra s-saltna taʼ Ġuda. L-abitanti taʼ Ġuda għala kien jistħoqqilhom ġudizzju kontrihom? “Għax huma telqu l-liġi tal-Mulej,” jgħid Għamos 2:4. Ġeħova ma injorax il-fatt li huma minn jeddhom ma tawx kas il-Liġi tiegħu. Skond Għamos 2:5, hu jbassar: “Għalhekk jien nibgħat nar fuq Ġuda, u naħraq il-palazzi taʼ Ġerusalemm.”
10. Ġuda għala ma setgħetx taħrab mill-gwaj?
10 Is-saltna żleali taʼ Ġuda ma setgħetx taħrab il-gwaj li kien ġej fuqha. Għas-sebaʼ darba, Ġeħova qal: “Ma nreġġax lura kelmti.” (Għamos 2:4) Ġuda rċiviet il-kastig imbassar meta nqerdet mill-Babiloniżi fis-sena 607 Q.E.K. Għal darb’oħra naraw li l-ħżiena ma jistgħux jaħarbu mill-ġudizzju divin.
11-13. Għamos kontra liema ġens ipprofetizza l-ewwel, u x’tip taʼ moħqrija kienet qed issir fih?
11 Il-profeta Għamos kien għadu kif iddikjara l-ġudizzju taʼ Ġeħova kontra sebat iġnus. Però, kulmin kien qed jaħseb li Għamos kien lesta mill-profeziji tiegħu, kellu żball. Għamos kien fadallu ħafna x’jgħid! Primarjament, hu kien ġie mqabbad jiddikjara messaġġ aħrax taʼ ġudizzju kontra s-saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet fit-tramuntana. U Iżrael kien jistħoqqlu ġudizzju divin kontrih għax it-taħsir morali u spiritwali tal-ġens kien xi ħaġa tal-biki.
12 L-ipprofetizzar taʼ Għamos kixef il-moħqrija li kienet saret komuni fis-saltna taʼ Iżrael. Dwar dan f’Għamos 2:6, 7 naqraw: “Dan jgħid il-Mulej: ‘Għal tliet dnubiet taʼ Iżrael, erbgħa anzi, ma nreġġax lura kelmti, għax huma biegħu l-bniedem ġust għall-fidda, u l-fqir għal żewġt iqrieq; saħqu ras l-imsejkna mat-trab taʼ l-art, u għawwġu t-triq taʼ l-umli.’”
13 L-uħud ġusti kienu qed jinbiegħu “għall-fidda,” li possibbilment kien ifisser li l-imħallfin kienu qed jaċċettaw il-fidda bħala tixħim, u mbagħad jikkastigaw lill-innoċenti. Il-kredituri kienu qed ibigħu lill-fqar fl-iskjavitù għall-prezz taʼ “żewġt iqrieq,” forsi biex iħallsu xi dejn żgħir. Nies bla ħniena tant kellhom ħerqa li ‘jisħqu’ u jumiljaw iktar lill-“imsejkna” li dawn il-povri nies kienu jitfgħu t-trab fuq rashom, b’turija taʼ niket, vistu, jew umiljazzjoni. Tant kien hemm korruzzjoni tiġri mas-saqajn li n-nies “umli” ma kellhom ebda tama li jsibu ġustizzja.
14. Min kien qed jiġi trattat ħażin fis-saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet?
14 Innota min kien qed jiġi trattat ħażin. Kienu l-ġusti, il-foqra, l-imsejkna, u l-umli li kienu jgħixu f’dik l-art. Il-patt tal-Liġi li Ġeħova kien għamel maʼ Iżrael kien jitlob li tintwera mogħdrija maʼ min kien dgħajjef u fil-bżonn. Madankollu, għal dawn l-uħud fis-saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet il-kundizzjonijiet ma setgħux ikunu agħar milli kienu.
“Ħejji Ruħek, biex Tiltaqaʼ maʼ Alla Tiegħek”
15, 16. (a) L-Iżraelin għala ngħataw it-twissija: “Ħejji ruħek biex tiltaqaʼ maʼ Alla tiegħek”? (b) Għamos 9: 1, 2 kif juri li l-ħżiena ma setgħux jaħarbu mill-ġudizzju divin? (ċ) Xi ġralha s-saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet fis-sena 740 Q.E.K.?
15 Peress li l-immoralità u dnubiet oħra kienu tkattru f’Iżrael, mhux taʼ b’xejn li l-profeta Għamos wissa lill-ġens ribelluż: “Ħejji ruħek, biex tiltaqaʼ maʼ Alla tiegħek.” (Għamos 4:12) Iżrael żleali ma setax jaħrab millġudizzju divin li kien ġej fuqu għaliex Ġeħova ddikjara għat-tmien darba: “Ma nreġġax lura kelmti.” (Għamos 2:6) U għall-midinbin li forsi jipprovaw jinħbew, Alla qal: “Ħadd minnhom ma jaħrab, ħadd minnhom ma jeħles. Jekk iħaffru f’Qiegħ l-Art, minn hemm taħtafhom idi; jekk jitilgħu fis-smewwiet, minn hemm inniżżilhom.”—Għamos 9:1, 2.
16 Il-ħżiena ma setgħux jaħarbu mit-twettiq tal-ġudizzju taʼ Ġeħova kontrihom billi jħaffru “f’Qiegħ l-Art,” li b’mod figurattiv ifisser li jipprovaw jinħbew fl-iktar partijiet baxxi taʼ l-art. Lanqas ma setgħu jaħarbu mill-ġudizzju divin billi “jitilgħu fis-smewwiet,” jiġifieri, li jipprovaw isibu kenn fuq muntanji għoljin. It-twissija taʼ Ġeħova kienet ċara: M’hemmx moħba li hu ma jistax isib. Il-ġustizzja divina kienet titlob li s-saltna taʼ Iżrael tinżamm responsabbli għall-aġir mill-agħar tagħha. U dak iż-żmien wasal tassew. Fis-sena 740 Q.E.K.—madwar 60 sena wara li Għamos kiteb il-profezija tiegħu—is-saltna taʼ Iżrael waqgħet f’idejn l-Assirjani.
Il-Ġudizzju Divin Huwa Selettiv
17, 18. Għamos kapitlu 9 x’jikxef dwar il-ħniena t’Alla?
17 Il-profezija t’Għamos għenitna naraw li l-ġudizzju divin huwa dejjem mistħoqq u ħadd ma jistaʼ jaħrab minnu. Imma l-ktieb t’Għamos jurina wkoll li l-ġudizzju taʼ Ġeħova huwa selettiv. Jistaħbew fejn jistaħbew, Alla jistaʼ jsib lill-ħżiena u jagħmel ġudizzju minnhom. Hu jistaʼ wkoll isib lil uħud niedma u ġusti—dawk li jagħżel li jurihom ħniena. Din il-lezzjoni tiġi enfasizzata b’mod mill-isbaħ fl-aħħar kapitlu t’Għamos.
18 Skond Għamos kapitlu 9, vers 8, Ġeħova qal: “Ma neqridx għalkollox lil dar Ġakobb.” Bħalma ninnotaw fil-versi 13 sa 15, Ġeħova wiegħed li hu se ‘jreġġaʼ l-poplu tiegħu għal li kien.’ Dawn l-uħud kellhom jintwerew ħniena u jgawdu sigurtà u prosperità. “Min jaħrat jilħaq fuq min jaħsad,” wiegħed Ġeħova. Immaġina ftit—il-ħsad tant kellu jkun abbundanti li ftit minnu kellu jkun għadu ma nġabarx sa ma jiġi ż-żmien li jerġgħu jaħartu u jiżirgħu!
19. Xi ġralu l-fdal minn Iżrael u Ġuda?
19 Nistgħu ngħidu li l-ġudizzju taʼ Ġeħova kontra l-ħżiena kemm f’Ġuda u kemm f’Iżrael kien selettiv fil-mod kif in-niedma u dawk b’attitudni xierqa ntwerew ħniena. Bħala twettiq taʼ din il-wegħda taʼ restawr imniżżla f’Għamos kapitlu 9, fdal niedem minn Iżrael u Ġuda eventwalment irritorna mill-jasar f’Babilonja fis-sena 537 Q.E.K. Lura f’arthom l-għażiża, dawn l-uħud irrestawraw il-qima pura. Fis-sigurtà, reġgħu wkoll bnew id-djar tagħhom u ħawlu dwieli u ġonna.
Ġej il-Ġudizzju taʼ Ġeħova Kontra l-Ħżiena!
20. Minn xiex għandna nħossuna ċerti issa li kkunsidrajna l-messaġġi taʼ ġudizzju dikjarati minn Għamos?
20 Din il-ħarsa li tajna lejn il-messaġġi taʼ ġudizzju divin li ħabbar Għamos għandha taċċertana li Ġeħova se jtemm il-ħażen fi żmienna. Għala nistgħu nemmnuh dan? Lewwelnett, dawn il-ġrajjiet taʼ kif Alla mexa mal-ħżiena fil-passat jindikaw kif se jaġixxi fi żmienna. It-tieninett, it-twettiq tal-ġudizzju divin fuq is-saltna apostata taʼ Iżrael jiżgurana li Alla se jġib qerda fuq il-Kristjaneżmu, il-parti dominanti taʼ “Babilonja l-Kbira,” l-imperu dinji taʼ reliġjon falza.—Rivelazzjoni 18:2.
21. Il-Kristjaneżmu għala jistħoqqlu l-ġudizzju t’Alla kontrih?
21 M’hemmx dubju li l-Kristjaneżmu jistħoqqlu ġudizzju divin kontrih. Il-fatti jitkellmu waħedhom meta naraw il-qagħda reliġjuża u morali tal-biki li jinsab fiha. Il-ġudizzju taʼ Ġeħova kontra l-Kristjaneżmu—u l-bqija tad-dinja taʼ Satana—huwa mistħoqq. Ukoll, ħadd ma jistaʼ jaħrab minnu, għax meta jkun il-waqt li jsir ġudizzju, se jkun jgħodd il-kliem f’Għamos kapitlu 9, il-vers 1: “Ħadd minnhom ma jaħrab, ħadd minnhom ma jeħles.” Iva, jistaħbew fejn jistaħbew, Ġeħova se jsibhom.
22. Liema punti dwar il-ġudizzju divin joħorġu ċar mit-2 Tessalonikin 1:6-8?
22 Il-ġudizzju divin huwa dejjem mistħoqq, ħadd ma jistaʼ jaħrab minnu, u huwa selettiv. Dan nistgħu narawh mill-kliem taʼ l-appostlu Pawlu: “Hu ġust min-naħa t’Alla li jpatti bi tribulazzjoni lil dawk li jaqilgħulkom it-tribulazzjoni, imma lilkom li ssofru t-tribulazzjoni, serħan flimkien magħna fir-rivelazzjoni tal-Mulej Ġesù mis-sema maʼ l-anġli setgħana tiegħu f’nar iħeġġeġ, hekk kif iġib vendetta fuq dawk li ma jafux lil Alla u dawk li ma jobdux l-aħbar tajba dwar il-Mulej tagħna Ġesù.” (2 Tessalonikin 1:6-8) “Hu ġust min-naħa t’Alla” li jħallas lil dawk li jistħoqqilhom ġudizzju kontrihom talli ppersegwitaw lill-midlukin tiegħu. Dan il-ġudizzju ħadd ma se jkun jistaʼ jaħrab minnu, għaliex il-ħżiena mhux se jsalvaw mir-“rivelazzjoni tal-Mulej Ġesù mis-sema maʼ l-anġli setgħana tiegħu f’nar iħeġġeġ.” Il-ġudizzju divin se jkun ukoll selettiv għaliex Ġesù se jġib vendetta “fuq dawk li ma jafux lil Alla u dawk li ma jobdux l-aħbar tajba.” U t-twettiq tal-ġudizzju divin se jfarraġ lil dawk li għandhom il-biżaʼ minn Alla u li qed ibatu t-tribulazzjoni.
Tama għall-Ġusti
23. Liema tama u faraġ nistgħu niksbu mill-ktieb t’Għamos?
23 Il-profezija t’Għamos fiha messaġġ mill-isbaħ taʼ faraġ u tama għal dawk li għandhom attitudni xierqa. Bħalma ġie mbassar fil-ktieb t’Għamos, Ġeħova ma qeridx għalkollox lill-poplu tiegħu taʼ żmien il-qedem. Hu eventwalment reġaʼ ġabar lil uħud minn Iżrael u minn Ġuda li kienu nqabdu lsiera, ħadhom lura f’arthom, u berikhom b’sigurtà u bi prosperità abbundanti. Dan xi jfisser għal żmienna? Dan jiżgurana li waqt it-twettiq tal-ġudizzju divin, Ġeħova se jsib lill-ħżiena jistaħbew fejn jistaħbew u se jsib ukoll lil dawk li jħoss li jistħoqqilhom il-ħniena tiegħu, jgħixu fejn jgħixu fuq din l-art.
24. Il-qaddejja taʼ Ġeħova taʼ llum b’liema modi ġew imbierka?
24 Waqt li nistennew il-mument biex iseħħ il-ġudizzju taʼ Ġeħova kontra l-ħżiena, x’qed nesperjenzaw bħala l-qaddejja leali tiegħu? Iva, Ġeħova qed iberikna bi prosperità spiritwali abbundanti ħafna! Aħna ngawdu mod taʼ qima li huwa ħieles mill-gideb u t-tgħawwiġ li ġab miegħu t-tagħlim falz tal-Kristjaneżmu. Ġeħova berikna wkoll b’abbundanza taʼ ikel spiritwali. Ftakar iżda li maʼ dawn il-barkiet abbundanti mingħand Ġeħova taqaʼ responsabbiltà kbira fuqna. Alla jistenna li aħna nwissu lil oħrajn dwar il-ġudizzju li ġej. Aħna nixtiequ nagħmlu dak kollu li nistgħu biex infittxu lil dawk li għandhom “attitudni xierqa lejn il-ħajja taʼ dejjem.” (Atti 13:48) Iva, nixtiequ ngħinu lil kemm nistgħu nies biex jibbenefikaw mill-prosperità spiritwali li qed ingawdu bħalissa. U rriduhom isalvaw fit-twettiq tal-ġudizzju divin li ġej fuq il-ħżiena. M’għandniex xi ngħidu, biex ingawdu dawn il-barkiet, irid ikollna kundizzjoni xierqa tal-qalb. Bħalma se naraw fl-artiklu li jmiss, dan ukoll jiġi enfasizzat fil-profezija t’Għamos.
Int Kif Twieġeb?
• Il-profezija t’Għamos kif turi li l-ġudizzju taʼ Ġeħova jkun dejjem mistħoqq?
• Għamos liema prova jagħti biex juri li ħadd ma jistaʼ jaħrab mill-ġudizzju divin?
• Il-ktieb t’Għamos kif juri li l-qerda mill-ġudizzju t’Alla hija selettiva?
[Stampa f’paġna 17]
Is-saltna taʼ Iżrael ma ħarbitx mill-ġudizzju divin
[Stampa f’paġna 18]
Fis-sena 537 Q.E.K., fdal minn Iżrael u Ġuda rritorna mill-jasar f’Babilonja