Ħu Bħala Mudell lill-Profeti—Għamos
1. L-eżempju t’Għamos għala jistaʼ jkun sors taʼ inkuraġġiment għalina?
1 Qatt ħassejt li m’intix kwalifikat biex tipprietka għax int taʼ ftit skola jew għax ġej minn familja fqira? Jekk iva, tistaʼ tikseb il-kuraġġ mill-eżempju t’Għamos. Kien irabbi n-nagħaġ u kien ħaddiem fl-għelieqi skont l-istaġuni, imma Ġeħova tah il-qawwa biex ixandar messaġġ importanti. (Għam. 1:1; 7:14, 15) B’mod simili, fi żmienna Ġeħova juża lil dawk li huma umli u modesti. (1 Kor. 1:27-29) X’lezzjonijiet oħra nistgħu nitgħallmu mill-profeta Għamos rigward il-ministeru tagħna?
2. Għala nistgħu nibqgħu sodi meta niffaċċjaw l-oppożizzjoni fil-ministeru?
2 Ibqaʼ Sod Meta Tiffaċċja l-Oppożizzjoni: Meta Amażija, qassis fis-saltna tat-Tramuntana tal-għaxar tribujiet taʼ Iżrael li kien iqim lill-għoġol, semaʼ l-ipprofetizzar t’Għamos, kien bħallikieku wieġeb bil-kliem: ‘Itlaq lura d-dar! Ħallina bi kwietna! Diġà għandna r-reliġjon tagħna!’ (Għam. 7:12, 13) Amażija għawweġ il-kliem tal-profeta meta appella lis-Sultan Ġerobogħam biex jipprojbixxi x-xogħol t’Għamos. (Għam. 7:7-11) Imma Għamos ma beżax. Illum il-ġurnata, xi membri tal-kleru jipprovaw jiksbu appoġġ politiku fl-isforzi tagħhom biex jippersegwitaw lin-nies taʼ Ġeħova. Madanakollu, Ġeħova jassigurana li l-ebda arma li tissawwar kontrina mhi se tirnexxi.—Is. 54:17.
3. X’inhuma żewġ aspetti tal-messaġġ tagħna llum?
3 Iddikjara l-Ġudizzju t’Alla u l-Barkiet Futuri: Għalkemm Għamos ipprofetizza l-ġudizzju kontra s-saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet, hu għalaq il-ktieb Bibliku li jġorr ismu bil-wegħda taʼ Ġeħova taʼ tiġdid u taʼ barkiet abbundanti. (Għam. 9:13-15) Aħna wkoll nitkellmu dwar “jum il-ġudizzju” t’Alla li riesaq, imma dan hu biss parti mill-“aħbar tajba tas-saltna” li għandna nxandru. (2 Pt. 3:7; Mt. 24:14) Ġeħova se jwitti t-triq għall-ġenna tal-art meta jeqred lin-nies ħżiena f’Armageddon.—Salm 37:34.
4. Liema assiguranza għandna li nistgħu nwettqu r-rieda taʼ Ġeħova?
4 Aħna nippritkaw l-aħbar tas-Saltna f’dinja fejn ħafna jopponuna. Dan żgur li jgħaddi minn prova d-dedikazzjoni tagħna lil Ġeħova u d-determinazzjoni tagħna li nagħmlu r-rieda tiegħu. (Ġw. 15:19) Minkejja dan, ninsabu ċerti li Ġeħova se jkompli jagħtina dak li neħtieġu biex inwettqu r-rieda tiegħu, kif għamel m’Għamos.—2 Kor. 3:5.