LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 12/15 pp. 3-4
  • Kristu Sparixxa mill-Milied?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kristu Sparixxa mill-Milied?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Materjal Simili
  • Id-Drawwiet tal-Milied—Huma Kristjani?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Żmien il-Milied—Fuq Xiex Jiffoka?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Il-Milied Xi Jfisser Għalik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Ix-Xhieda ta’ Ġeħova Għala Ma Jiċċelebrawx il-Milied?
    Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 12/15 pp. 3-4

Kristu Sparixxa mill-​Milied?

“Għadni qatt ma rnexxieli naċċetta l-​briju taʼ żmien il-​Milied. Għalija jidher tassew inkonsistenti mal-​ħajja u t-​tagħlim taʼ Ġesù.”—Mohandas K. Gandhi.

ĦAFNA nies xejn ma jaqblu maʼ dak li qal Gandhi. Għandhom mnejn jaħsbu, ‘Statista Ħindu fejn jifhem fil-​btajjel Kristjani?’ Irridu nammettu, iżda, li l-​Milied infirex mad-​dinja kollha, u jeffettwa lil kull tip taʼ kultura. Kull Diċembru, din il-​btala tkun tidher li daħlet kullimkien.

Per eżempju, madwar 145 miljun persuna fl-​Asja jiċċelebraw il-​Milied, 40 miljun iktar mill-​figura t’għaxar snin ilu. U jekk bil-​kelma “briju” Gandhi ried ifisser l-​aspett sekulari tal-​Milied fi żmienna, ix-​xiri sfrenat li lkoll kemm aħna nosservaw, ma tistax tiċħad li dan l-​aspett taċ-​ċelebrazzjoni taʼ spiss ikun l-​iktar wieħed prominenti. Ir-​rivista Asiaweek tinnota: “Il-​Milied fl-​Asja​—mid-​dwal festivi f’Hong Kong sas-​siġar m’ogħla hawn tal-​Yuletide fil-​lukandi taʼ Beijing sa presepju fil-​qalba taʼ Singapor—​huwa okkażjoni fil-​biċċa l-​kbira sekulari (aktarx kummerċjali).”

Tassew li ċ-​ċelebrazzjoni tal-​Milied fi żmienna ħallietu barra lil Kristu? Uffiċjalment, il-​25 taʼ Diċembru ilu jiġi osservat sa mir-​rabaʼ seklu E.K., meta l-​Knisja Kattolika Rumana għażlet dan il-​jum għall-​osservanza reliġjuża tat-​twelid taʼ Ġesù. Imma skond stħarriġ reċenti li sar fl-​Istati Uniti, 33 fil-​mija biss taʼ dawk li ħadu sehem fl-​istħarriġ ħassew li t-​twelid taʼ Kristu huwa l-​iktar aspett importanti tal-​Milied.

Int x’taħseb? Taħseb xi kultant li fost l-​irreklamar insistenti li jsir, il-​ġiri u t-​taħbit biex in-​nies jixtru r-​rigali, it-​tiżjin tas-​siġar, l-​organizzar u l-​attendenza għall-​pàrtis, u l-​għoti tal-​kartolini​—Ġesù b’mod jew ieħor tħalla barra mix-​xena?

Ħafna donnhom iħossu li mod wieħed biex Kristu jerġaʼ jsib postu fil-​Milied huwa billi jarmaw xena tat-​Twelid taʼ Ġesù, jew aħjar, presepju. X’aktarx li ġie li rajt pasturi bħal dawn, li jirrappreżentaw lil Ġesù tarbija f’maxtura, imdawwar minn Marija, Ġużeppi, xi rgħajja, “tliet għorrief,” jew “tliet slaten maġi,” xi bhejjem, u xi nies iħarsu. Ħafna jħossu li dawn il-​presepji jservu biex ifakkru lin-​nies dwar is-​sinjifikat veru tal-​Milied. Skond ir-​rivista U.S. Catholic, “presepju jagħti stampa iktar ċara minn dik li jistaʼ jagħti kwalunkwe wieħed mill-​vanġeli, għalkemm jenfasizza wkoll l-​impressjoni li dawn ir-​rakkonti fir-​realtà ma seħħewx.”

Kif, iżda, tistaʼ xena tat-​Twelid taʼ Ġesù tissuġġerixxi li dawn ir-​rakkonti tal-​Vanġeli fil-​Bibbja fir-​realtà ma seħħewx? Sewwa, irridu nammettu li skulturi ċkejknin miżbugħin b’ċerta finezza jagħmlu t-​twelid taʼ Ġesù jidher donnu xi leġġenda jew ħrafa. Għall-​ewwel li saru popolari, meta introduċiehom wieħed patri fis-​seklu 13, ix-​xena tat-​Twelid taʼ Ġesù ma kinitx xi ħaġa elaborata. Illum, bħal bosta affarijiet oħrajn li huma assoċjati maʼ din il-​btala, ix-​xeni tat-​Twelid taʼ Ġesù saru sinonimi mal-​kummerċ. Ġewwa Napli, fl-​Italja, ringieli sħaħ taʼ ħwienet ibigħu l-​pasturi għax-​xeni tat-​Twelid taʼ Ġesù, jew presepji, is-​sena kollha. Xi wħud mill-​pasturi li l-​iżjed jinbiegħu jirrappreżentaw, mhux karattri mir-​rakkonti tal-​Vanġeli, imma nies ċelebri taʼ żmienna, bħall-​Prinċipessa Diana, Madre Tereża, u d-​disinjatur tal-​ħwejjeġ Gianni Versace. F’postijiet oħrajn, il-​presepji jintgħamlu miċ-​ċikkulata, mill-​għaġin, saħansitra mill-​arzell tal-​baħar. Tistaʼ tifhem għala huwa diffiċli li temmen li din hija ġrajja li seħħet tassew meta tara wirjiet bħal dawn.

Kif, allura, jistgħu dawn ix-​xeni tat-​Twelid taʼ Ġesù jagħtu “stampa iktar ċara minn dik li jistaʼ jagħti kwalunkwe wieħed mill-​vanġeli”? Ir-​rakkonti tal-​Vanġeli mhux veru li seħħew fir-​realtà? Saħansitra nies mill-​iktar xettiċi jkollhom jammettu li Ġesù kien persuna vera, li għex tassew. Għalhekk, xi darba bilfors li kien tarbija taʼ veru, u twieled f’post li veru jeżisti. Għandu jkun hemm mod aħjar kif jistaʼ jkollna stampa ċara tal-​ġrajjiet marbutin mat-​twelid tiegħu milli sempliċement noqogħdu nħarsu lejn xi xena tat-​Twelid taʼ Ġesù!

Fil-fatt, hemm. Żewġ storjografi kitbu rakkonti indipendenti tat-​twelid taʼ Ġesù. Jekk xi drabi tħoss li Ġesù fil-​biċċa l-​kbira jiġi injorat fi żmien il-​Milied, għala ma teżaminax int stess dawn ir-​rakkonti? Fihom se ssib, mhux leġġendi jew ħrejjef, imma storja li taffaxxinak​—l-​istorja vera tat-​twelid taʼ Ġesù.

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 3]

Bordura fil-​paġni 3-6, 8 u 9: Fifty Years of Soviet Art

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja