Għajnuna Vera għall-Familja
“Nistgħu bl-onestà kollha ngħidu li fl-Amerka hemm kriżi tal-familja. Din hi l-unika konklużjoni possibbli meta wieħed iqis ir-rata tad-divorzju, l-istatistiċi taʼ trabi mweldin barra miż-żwieġ, [u] l-każi t’abbuż miż-żgħażagħ u bejn koppji miżżewġin.”
DAN il-kliem, li ntqal mill-kummentatur tat-televixin Amerikan Tom Brokaw, jistaʼ japplika għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi. Xi tfisser din il-kriżi?
Il-familja, f’ħafna aspetti, hija l-pedament tas-soċjetà. Jekk il-familja tinsab fl-inkwiet, is-soċjetà wkoll tkun tinsab fl-inkwiet. Iżjed minn hekk, il-familja hija s-sors t’appoġġ emozzjonali u finanzjarju għat-tfal. Hija l-post fejn huma jitgħallmu l-ewwel u l-iktar lezzjonijiet importanti tal-ħajja. Jekk il-familja tinsab fl-inkwiet, mela x’qegħdin jitgħallmu t-tfal? Fejn se jsibu s-sigurtà? Liema tip t’adulti se jsiru?
Teżisti xi għajnuna għall-familja f’dan iż-żmien taʼ kriżi? Iva. Il-familja hija istituzzjoni li stabbilixxa Alla nnifsu. (Ġenesi 1:27, 28) U hu pprovda gwida indispensabbli għall-familja fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. (Kolossin 3:18-21) Veru, aħna ma nistgħux inbiddlu lis-soċjetà kollha kemm hi, imma nistgħu napplikaw il-pariri tal-Bibbja fil-familja tagħna stess. Nixtiequ nirrakkontawlek dwar xi nies li għamlu dan u dwar ir-riżultati tajbin li kisbu.
Nevitaw id-Divorzju
F’għadd taʼ pajjiżi, madwar 50 fil-mija taż-żwiġijiet kollha jispiċċaw f’divorzju. Dan huwa falliment enormi fil-qasam tar-relazzjonijiet umani! Veru, ħafna ġenituri li għal din ir-raġuni jispiċċaw irabbu lit-tfal waħedhom iwettqu biċċa xogħol tassew nobbli f’li jrabbu lil uliedhom. Imma l-maġġuranza żgur jaqblu li jkun aħjar meta koppja jistgħu jsolvu l-problemi tagħhom u jibqgħu flimkien.
Iż-żwieġ taʼ koppja fil-Gżejjer Solomon kien wasal biex jisfaxxa fix-xejn. Ir-raġel, li kellu missieru mlaħħaq, kien vjolenti u kellu ħafna vizzji ħżiena. Il-ħajja tant kienet diffiċli għal martu li din saħansitra pprovat tagħmel suwiċidju. Imbagħad, ir-raġel aċċetta li jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Tgħallem li kulmin irid jogħġob lil Alla mhux biss irid ikun jaf x’inhu ħażin imma wkoll “jobgħod il-ħażen.” (Salm 97:10) Dan jinkludi li jobgħod affarijiet bħall-gideb, is-serq, il-vjolenza, u s-sokor. Hu applika dan il-parir u malajr għeleb il-vizzji ħżiena tiegħu u t-tempra vjolenti li kellu. Martu baqgħet imbellha bil-bidla li għamel, u ż-żwieġ tagħhom tjieb bil-bosta, grazzi għall-influwenza tal-Kelma t’Alla.
Fl-Afrika t’Isfel, mara li hija waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah semgħet li dik li kienet timpjegaha u żewġha kienu qed jaħsbu biex jiddivorzjaw. Ix-Xhud tkellmet magħha dwar il-ħarsa t’Alla lejn iż-żwieġ u wrietha ktieb jismu Is-Sigriet Taʼ L-Hena Fil-Familja. Dan il-ktieb, li huwa ppubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah, jenfasizza l-prinċipji tal-Bibbja li japplikaw għaż-żwieġ, u jagħmel enfasi partikulari fuq kif il-Bibbja tgħin lill-koppji jsolvu l-problemi. Kemm dik li kienet timpjegaha u kemm żewġha qraw il-ktieb u pprovaw sinċerament japplikaw il-pariri Bibliċi li sabu fih. Bħala riżultat, iddeċidew li ma jiddivorzjawx—żwieġ ieħor salvat minħabba li ġew applikati l-prinċipji tal-Bibbja.
Reliġjonijiet Differenti
Xi ngħidu għal żwieġ fejn il-miżżewġin ikollhom reliġjonijiet differenti? Il-Bibbja b’mod realistiku tagħti parir lill-Kristjani biex jiżżewġu “basta fil-Mulej.” (1 Korintin 7:39) Iżda xi kultant, wieħed mill-imseħbin fiż-żwieġ jibdel ir-reliġjon. Għandu dan għalfejn ikun it-tmiem taż-żwieġ? Xejn affattu.
Fil-Botswana, mara li ma kinitx ilha wisq li saret waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah staqsewha b’liema mod il-fidi ġdida tagħha kienet biddlitha. Hi talbet lil żewġha jwieġeb hu għaliha, u dan hu dak li qal: “Minn mindu marti saret waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah, rajt ħafna bidliet pożittivi fiha. Hi issa għandha ċerta kalma u għaqal li qabel ma kellhiex. Kellha rieda qawwija u konvinzjoni biżżejjed biex tieqaf mit-tipjip, vizzju li jien għadni ma nistax negħlbu. Marti saret turi iktar imħabba u affezzjoni lejja u lejn uliedi, kif ukoll lejn oħrajn. Saret iktar tolleranti, speċjalment mat-tfal. Ninnotaha tqattaʼ ammont taʼ ħin fil-ministeru tagħha, tipprova tgħin lil oħrajn itejbu ħajjithom. Rajt ukoll bidliet pożittivi fija nnifsi. Nemmen li dan huwa kollu minħabba l-eżempju tagħha.” X’effett mill-aħjar kellhom il-prinċipji tal-Bibbja fuq dan iż-żwieġ! Ħafna wħud li m’humiex Xhieda għamlu kummenti simili dwar is-sieħeb jew sieħba tagħhom li huma Xhieda.
Meta l-Missier Jittraskura r-Responsabbiltajiet Tiegħu
Ir-relazzjoni taʼ bejn missier u wliedu hija fundamentali biex il-familji jkunu b’saħħithom. L-appostlu Pawlu ta l-parir: “Intom il-missirijiet, iġġarbuhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.” (Efesin 6:4) Mela mhux taʼ b’xejn li artiklu fir-rivista The Wilson Quarterly tafaʼ l-ħtija taʼ ħafna mill-problemi soċjali fuq il-missirijiet li ma jwettqux l-irwol tagħhom. L-artiklu qal: “Bejn l-1960 u l-1990, il-persentaġġ taʼ tfal li ma jgħixux mal-missier bijoloġiku tagħhom żdied iktar mid-doppju . . . In-nuqqas taʼ gwida taʼ missier hija l-forza ewlenija wara ħafna mill-iktar problemi inkwetanti li hija mgħobbija bihom is-soċjetà Amerikana.”
Ifisser dan li tfal li m’għandhomx il-gwida taʼ missierhom m’għandhomx ċans li jirnexxu? Le. Is-salmista tal-qedem qal: “Għalkemm telquni missieri u ommi, il-Mulej jilqagħni għandu.” (Salm 27:10) Tifel taʼ disaʼ snin mit-Tajlandja sab kemm dan huwa minnu. Hu tilef lil ommu meta kien għadu tarbija, u billi missieru ma ridux, tah lil nanntu biex trabbih hi. Peress li kien iħoss li ħadd ma kien iridu jew iħobbu, it-tifel sar ribelluż u ħa l-fama taʼ búli. Hu saħansitra kien jhedded lil nanntu. Żewġ evanġelizzaturi full-time tax-Xhieda taʼ Jehovah, billi nnotaw li hu taʼ spiss kien ikun ħdejn is-Sala tas-Saltna lokali, darba minnhom stednuh imur id-dar tagħhom.
Huma qagħdu jkellmuh dwar Alla—li Hu, bħal missier, iħobb lil uliedu. Kellmuh ukoll dwar il-Ġenna taʼ l-art li Alla wiegħed lill-bnedmin leali. (Apokalissi 21:3, 4) Dan kollu tgħidx kemm għoġbu lit-tifel, u kuljum kien imur lura għandhom biex jitgħallem iktar. Ix-Xhieda qalulu li ma setax jibqaʼ jkun búli jekk verament ried li Alla jkun Missieru. Dan kien fi qbil mal-kliem taʼ Pawlu lir-Rumani: “Jekk jistaʼ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi maʼ kulħadd.” (Rumani 12:18) Kien hemm bżonn ukoll li lil nanntu jittrattaha bil-ħlewwa. (1 Timotju 5:1, 2) Malajr beda jpoġġi l-prinċipji tal-Bibbja fil-prattika—u bla dubju dan tejjeb il-ħajja tal-familja tiegħu maʼ nanntu. (Galatin 5:22, 23) Il-ġirien tant baqgħu impressjonati bil-bidliet li osservaw fih, li riedu li wliedhom ukoll jistudjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah!
Spirtu taʼ Paċi
L-appostlu Pawlu kiteb lill-Kolossin: “U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni [“rabta perfetta t’unjoni,” New World Translation]. Ħalli s-sliem taʼ Kristu jsaltan fi qlubkom.” (Kolossin 3:14, 15) Spirtu taʼ paċi u mħabba mill-qalb ma jistgħux ma jgħaqqdux il-familja. U dawn jistgħu jsewwu firdiet fil-familja li jkunu ilhom jeżistu s-snin. Rukia, li tgħix fl-Albanija, kienet ilha 17-il sena li kisritha maʼ ħuha minħabba nuqqas taʼ qbil fil-familja. Meta bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah, tgħallmet li kull qaddej t’Alla huwa mħeġġeġ jikkultiva l-paċi m’oħrajn. ‘Ħa jfittex is-sliem u jqis li jiksbu.’—1 Pietru 3:11.
Rukia rrealizzat li kellha tagħmel paċi maʼ ħuha. Talbet il-lejl kollu, u l-għada fil-għodu, b’qalbha tħabbat sitta sitta, imxietha s’għand ħuha. Fetħitilha n-neputija tagħha, u mistagħġba din staqsietha: “X’qed tagħmel hawn?” Rukia bil-kalma staqsietha jekk setgħetx tkellem lil ħuha, u spjegat li riedet tagħmel paċi miegħu. Għala? Għaliex issa rrealizzat li Alla hekk ried. Ħuha rreaġixxa b’mod favorevoli, u hekk kif għamlu paċi, tgħidx kemm tgħannqu u bkew bil-ferħ—familja ngħaqdet mill-ġdid minħabba li ġew applikati l-prinċipji tal-Bibbja.
Sħubijiet Ħżiena
“Illum, it-tfal normalment iqattgħu sebaʼ sigħat kuljum jaraw it-televixin. Sakemm ikunu spiċċaw l-iskola primarja jkunu raw iktar minn tmint elef każ taʼ qtil u mitt elf att taʼ vjolenza.” Hekk jgħid il-ktieb The 7 Habits of Highly Effective Families. X’effett iħalli dan fuq it-tfal? L-“esperti” ma jaqblux bejniethom dwar dan, imma l-Bibbja tagħti twissijiet ibsin kontra sħubijiet ħżiena. Per eżempju, din tgħid: “Min imur mal-boloh, jaqaʼ fl-hemm.” (Proverbji 13:20) Tgħid ukoll: “La titqarrqux: il-ħbiberija ħażina tħassar id-drawwiet tajba.” (1 Korintin 15:33) Il-ħajja tal-familja tistaʼ titjieb jekk aħna bi prudenza nqisu li dan il-prinċipju jgħodd sew jekk is-sħubijiet ħżiena jiġu min-nies li nagħmluha magħhom u sew jekk jiġu minn xi programm tat-televixin.
Fil-Lussemburgu, omm kienet qed tistudja l-Bibbja maʼ waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Darba minnhom qalet lix-Xhud li fil-għaxijiet iż-żewġt ibniet tagħha taʼ sebaʼ u tmien snin tgħidx kemm kienu jiġġieldu, u kemm kienu aggressivi. Ix-Xhud staqsiet x’kienu jagħmlu t-tfal fil-għaxijiet. L-omm qalet li kienu joqogħdu jaraw it-televixin waqt li hi kienet tnaddaf il-kċina. Xi programmi kienu jaraw? “Xi kartuns,” wieġbet l-omm. Meta l-oħt li kienet qed iżżurha semmiet li dawn il-programmi taʼ spiss ikun fihom il-vjolenza, omm it-tfal wegħditha li tiċċekkja x’kienu qed jaraw.
L-għada stess, l-omm qaltilha li kienet ixxokkjata meta rat liema kartuns kienu qed jaraw uliedha. Dawn kienu dwar mostri immaġinarji mill-ispazju li kienu jeqirdu brutalment dak kollu li jiġi quddiemhom. Hi spjegat lil uliedha li Jehovah jobgħod il-vjolenza u ma jiħux pjaċir meta aħna noqogħdu naraw krudeltà bħal din. (Salm 11:5) Billi riedu jogħġbu lil Jehovah, it-tfal qablu li minflok jaraw it-televixin, joqogħdu jpinġu. Immedjatament, il-kondotta aggressiva tagħhom inbidlet, u l-atmosfera tal-familja tjiebet.
Dawn huma biss ftit eżempji li juru li l-applikar taʼ prinċipji tal-Bibbja jtejjeb il-ħajja tal-familja. Il-pariri tal-Bibbja huma tajbin għal kull tip taʼ sitwazzjoni. Huma awtentiċi u għandhom effett qawwi għat-tajjeb. (Lhud 4:12) Meta n-nies jistudjaw il-Bibbja u jipprovaw sinċerament japplikaw dak li tgħid, il-familji jissaħħu, il-personalitajiet jitjiebu, u l-iżbalji jiġu evitati. Saħansitra jekk membru wieħed biss tal-familja jsegwi l-pariri tal-Bibbja, l-affarijiet imorru għall-aħjar. Verament, fl-oqsma kollha tal-ħajja, għandna nqisu l-Kelma t’Alla bl-istess mod li kien iqisha s-salmista, li kiteb: “Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi.”—Salm 119:105.
[Stampa f’paġna 5]
Problemi tal-familja ġew solvuti bl-applikar tal-prinċipji tal-Bibbja