LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 3/1 pp. 8-13
  • “Ixħet Qalbek Fuq” it-Tempju t’Alla!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Ixħet Qalbek Fuq” it-Tempju t’Alla!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Tempju Rrestawrat
  • Is-​Saċerdozju u l-​Prinċep
  • L-​Art
  • Il-​Viżjoni meta Se Titwettaq?
  • Il-​Viżjoni Tiffoka fuq Żmienna Stess
  • It-“Tempju” u l-“Prinċep” Illum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb t’Eżekjel—II
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Il-Barka taʼ Jehovah Fuq l-“Art” Tagħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Ġeħova Kif Jgħinna fix-Xogħol tal-Ippritkar?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 3/1 pp. 8-13

“Ixħet Qalbek Fuq” it-​Tempju t’Alla!

“O bniedem, . . . żomm f’moħħok kull ma se nurik. . . Ħabbar kull ma tara lil dar Iżrael.”—EŻEKJEl 40:4.

1. F’liema kundizzjoni sab ruħu fiha l-​poplu t’Alla fis-​sena 593 Q.E.K.?

KIENET is-​sena 539 Q.E.K. Iżrael kien ilu 14-il sena fl-​eżilju. Għal-​Lhud li kienu jgħixu f’Babilonja, art twelidhom min jaf kemm dehret ’il bogħod. L-​aħħar darba li raw lil Ġerusalemm, il-​biċċa l-​kbira minnhom rawha ħuġġieġa waħda, bis-​swar setgħana tagħha mfarrkin, bil-​bini grandjuż tagħha f’rovina. It-​tempju taʼ Jehovah​—li darba kien iżejjen il-​belt bil-​glorja tiegħu, l-​uniku ċentru għall-​qima pura fl-​art kollha—​kien sar borġ ġebel. Issa Iżrael kien għad fadallu ħafna iktar snin fl-​eżilju milli kien diġà għamel. Kellhom jgħaddu 56 sena oħra qabel ma jiġi l-​ħelsien imwiegħed.—Ġeremija 29:10.

2. Eżekjel għala kien iħossu tant imnikket kulmeta kien jiftakar fit-​tempju t’Alla f’Ġerusalemm?

2 Min jaf kemm kien isewwed qalbu l-​profeta leali Eżekjel x’ħin kien jaħseb dwar it-​tempju t’Alla mitluq u mħarbat, mijiet taʼ kilometri ’l bogħod, post żdingat fejn iħufu l-​annimali salvaġġi. (Ġeremija 9:11) Missieru stess, li kien jismu Bużi, kien qeda bħala qassis hemmhekk. (Eżekjel 1:3) Eżekjel kieku kien igawdi l-​istess privileġġ, imma ttieħed fl-​eżilju man-​nobbiltà taʼ Ġerusalemm fis-​sena 617 Q.E.K., meta kien għadu żgħir. Issa taʼ madwar 50 sena, Eżekjel x’aktarx li kien jaf li qatt ma kien se jerġaʼ jara lil Ġerusalemm u lanqas ma kien se jkollu sehem fil-​bini mill-​ġdid tat-​tempju tagħha. Immaġina, allura, x’ħass Eżekjel meta ngħatatlu viżjoni taʼ tempju glorjuż!

3. (a) X’kien l-​iskop tal-​viżjoni t’Eżekjel dwar it-​tempju? (b) Liema huma l-​erbaʼ aspetti prinċipali tal-​viżjoni?

3 Din il-​viżjoni estensiva, li tieħu disaʼ kapitli mill-​ktieb t’Eżekjel, lill-​Ġudeani eżiljati pprovditilhom wegħda li saħħitilhom il-​fidi. Il-​qima pura kellha tiġi rrestawrata! Matul is-​sekli minn dak iż-​żmien ’l hawn, saħansitra sa żmienna, din il-​viżjoni kienet u għadha sors taʼ inkuraġġiment għal dawk li jħobbu lil Jehovah. Dan kif? Ejja neżaminaw x’kienet tfisser il-​viżjoni profetika t’Eżekjel għall-​Iżraeliti fl-​eżilju. Din għandha erbaʼ aspetti prinċipali: it-​tempju, is-​saċerdozju, il-​prinċep, u l-​art.

It-​Tempju Rrestawrat

4. Eżekjel fejn jittieħed malli tibda l-​viżjoni, x’jara hemmhekk, u min idawru mal-​post?

4 L-​ewwel, Eżekjel jinġab lejn “muntanja għolja ħafna.” Fuq il-​muntanja lejn in-​nofsinhar hemm tempju enormi, bħal belt imdawra bis-​swar. Anġlu li “fid-​dehra tiegħu qisu tal-​bronż” jieħu lill-​profeta biex idawru mal-​post kollu. (Eżekjel 40:2, 3) Hekk kif il-​viżjoni tkompli, Eżekjel jara l-​anġlu li bir-​reqqa kollha kien qed jieħu l-​qisien tat-​tliet pari bibien pariġġ li kienu jagħtu għall-​kmamar taʼ l-​għassiesa, il-​bitħa taʼ barra, il-​bitħa taʼ ġewwa, il-​kmamar taʼ l-​ikel, l-​artal, u s-​santwarju tat-​tempju bit-​taqsimiet tiegħu tal-​Post Qaddis u l-​Post l-​Iktar Qaddis.

5. (a) Jehovah liema assiguranza jagħtih lil Eżekjel? (b) X’kienu “l-​iġsma tas-​slaten tagħhom” li kellhom jitneħħew mit-​tempju, u dan għala kien importanti?

5 Imbagħad, Jehovah nnifsu jidher fil-​viżjoni. Hu jidħol fit-​tempju u jaċċerta lil Eżekjel li Hu se jgħammar hemmhekk. Imma Hu jesiġi li ssir tindifa tad-​dar tiegħu billi jgħid: “Ħa jwarrbu issa ’l bogħod minni ż-​żína tagħhom u l-​iġsma tas-​slaten tagħhom, u jien ngħammar f’nofshom għal dejjem.” (Eżekjel 43:2-4, 7, 9) Dawn “l-​iġsma tas-​slaten tagħhom” evidentement kienu jirreferu għall-​idoli. Il-​ħakkiema ribellużi u n-​nies taʼ Ġerusalemm kienu niġġsu t-​tempju t’Alla bl-​idoli, u fil-​fatt, kienu għamluhom slaten. (Qabbel Għamos 5:26.) Dawn mhux talli ma kinux allat jew slaten ħajjin, imma talli kienu affarijiet bla ħajja u maħmuġin f’għajnejn Jehovah. Kien hemm bżonn li jitneħħew min-​nofs.—Levitiku 26:30; Ġeremija 16:18.

6. X’kien jissinjifika l-​fatt li tkejjel it-​tempju?

6 X’kien l-​iskop taʼ din il-​parti tal-​viżjoni? Din aċċertat lil dawk eżiljati mir-​restawr komplet tal-​qima pura fit-​tempju t’Alla. Iżjed minn hekk, il-​kejl tat-​tempju pprovda garanzija divina li l-​viżjoni żgur li kienet assolutament se titwettaq. (Qabbel Ġeremija 31:39, 40; Żakkarija 2:2-8.) L-​idolatrija kollha kellha tiġi mnaddfa għalkollox. Jehovah kien se jbierek id-​dar tiegħu għal darb’oħra.

Is-​Saċerdozju u l-​Prinċep

7. Liema informazzjoni tingħata rigward il-​Leviti u l-​qassisin?

7 Is-​saċerdozju kellu jgħaddi wkoll minn proċess taʼ tindif, jew raffinar. Il-​Leviti kellhom jiġu mċanfrin talli ċedew għall-​idolatrija, waqt li l-​ulied saċerdotali taʼ Sadok kellhom jiġu mfaħħrin u ppremjati talli baqgħu nodfa.a Xorta waħda, iż-​żewġ gruppi kien se jkollhom pożizzjonijiet taʼ servizz fid-​dar irrestawrata t’Alla​—jiddependi, bla ebda dubju taʼ xejn, fuq il-​fedeltà tagħhom bħala individwi. Iżjed minn hekk, Jehovah kkmanda: “Għandhom juru lill-​poplu tiegħi kif jagħżel dak li hu sagru minn dak li hu profan, u jgħallmuhom jagħżlu bejn dak li hu mniġġes u dak li hu nadif.” (Eżekjel 44:10:16, 23) Mela s-​saċerdozju kellu jiġi rrestawrat, u s-​sabar leali tal-​qassisin kien se jiġi ppremjat.

8. (a) Min kienu l-​prinċpijiet f’Iżrael tal-​qedem? (b) Il-​prinċep tal-​viżjoni t’Eżekjel b’liema modi hu attiv fil-​qima pura?

8 Il-​viżjoni tirreferi wkoll għal dak li jissejjaħ il-​prinċep. Sa minn żmien Mosè, il-​ġens minn dejjem kellu l-​prinċpijiet. Il-​kelma Ebrajka għal prinċep, na·siʼʹ, tistaʼ tirreferi għal kap taʼ dar paterna, tribù, jew saħansitra nazzjon. Fil-​viżjoni t’Eżekjel, il-​ħakkiema taʼ Iżrael bħala klassi jiġu mċanfrin talli ħaqru lill-​poplu u jiġu mwissijin biex ikunu imparzjali u ġusti. Għalkemm mhux mill-​klassi saċerdotali, il-​prinċep, hu attiv b’mod prominenti fil-​qima pura. Hu jidħol u joħroġ mill-​bitħa taʼ barra mat-​tribujiet li ma kinux mil-​linja tal-​qassisin, joqgħod bil-​qegħda fil-​portiku tal-​Bieb tal-​Lvant, u jipprovdi xi wħud mis-​sagrifiċċji biex in-​nies ikollhom x’joffru. (Eżekjel 44:2, 3; 45:8-12, 17) Il-​viżjoni b’hekk aċċertat lill-​poplu t’Eżekjel li l-​ġens irrestawrat kien se jitbierek b’mexxejja eżemplari, irġiel li kienu se jappoġġaw lis-​saċerdozju f’li jorganizzaw lill-​poplu t’Alla u jkunu eżempji mill-​aħjar fejn jidħlu affarijiet spiritwali.

L-​Art

9. (a) L-art kif kellha titqassam, imma min ma kienx se jirċievi wirt? (b) X’kienet il-​kontribuzzjoni qaddisa, u x’kien hemm ġo fiha?

9 Fl-​aħħarnett, il-​viżjoni t’Eżekjel kienet tinkludi deskrizzjoni ġenerali taʼ l-​art taʼ Iżrael. Din kellha titqassam u kull tribù kellu jieħu sehmu. Il-​prinċep ukoll kien se jkollu wirt. Il-​qassisin, madankollu, ma kienx se jkollhom, għax Jehovah qal, “Jiena wirthom.” (Eżekjel 44:10, 28; Numri 18:20) Il-​viżjoni wriet li sehem il-​prinċep mill-​art kellu jkun fuq kull naħa taʼ lok speċjali msejjaħ il-​kontribuzzjoni qaddisa. Dan kien biċċa art kwadra maqsuma fi tliet strippi​—in-​naħa taʼ fuq għal-​Leviti nedmin, tan-​nofs għall-​qassisin, u taʼ taħt għall-​belt u l-​art produttiva tagħha. It-​tempju taʼ Jehovah kellu jkun fl-​istrippa taʼ l-​art tal-​qassisin, fiċ-​ċentru tal-​kontribuzzjoni kwadra.—Eżekjel 45:1-7.

10. Il-​profezija dwar il-​qsim taʼ l-​art x’kienet tfisser għall-​Ġudeani leali fl-​eżilju?

10 Min jaf kemm dawk l-​eżiljati għamlu l-​qalb x’ħin semgħu dan! Kull familja ġiet aċċertata li kien se jkollha wirt fl-​art. (Qabbel Mikea 4:4.) Il-​qima pura kienet se tokkupa post eżaltat u ċentrali hemmhekk. U innota fil-​viżjoni t’Eżekjel li l-​prinċep, bħall-​qassisin, kellu jgħix fuq art li kkontribwixxa l-​poplu. (Eżekjel 45:16) Għalhekk, fl-​art irrestawrata, in-​nies kienu fi dmir li jikkontribwixxu għax-​xogħol taʼ dawk li Jehovah ħatar biex jieħdu t-​tmexxija, u jappoġġawhom billi jikkooperaw mad-​direzzjoni tagħhom. Kollox maʼ kollox, din l-​art kienet ix-​xempju taʼ organizzazzjoni, kooperazzjoni, u sigurtà.

11, 12. (a) Jehovah kif jaċċerta profetikament lill-​poplu tiegħu li kien se jbierek lil art twelidhom irrestawrata? (b) Is-​siġar matul ix-​xtut tax-​xmara x’kienu jirrappreżentaw?

11 Kien Jehovah se jberikhielhom l-​art? Il-​profezija twieġeb din il-​mistoqsija b’deskrizzjoni li tqanqal il-​qalb. Kurrent taʼ ilma ġieri qiegħed igelgel mit-​tempju, jinfirex iktar waqt li għaddej, u jsir torrent sa ma jasal ġol-​Baħar il-​Mejjet. Hemmhekk jerġaʼ jagħti l-​ħajja lill-​ilmijiet bla ħajja, u tiffjorixxi industrija tas-​sajd fuq medda tax-​xatt. Tul ix-​xtut tax-​xmara hemm ħafna siġar li jagħtu l-​frott is-​sena kollha, waqt li jagħtu nutriment u fejqan.—Eżekjel 47:1-12.

12 Għall-​eżiljati, din il-​wegħda tenniet u kkonfermat il-​profeziji taʼ restawr preċedenti li huma tant kienu jgħożżu. Kemm-il darba, il-​profeti mnebbħin taʼ Jehovah kienu ddeskrivew lil Iżrael irrestawrat u ppopolat mill-​ġdid b’termini bħal taʼ ġenna. Tema profetika li ġiet imfakkra ripetutament kienet dik dwar reġjuni mejtin li jerġgħu jieħdu l-​ħajja. (Isaija 35:1, 6, 7; 51:3; Eżekjel 36:35; 37:1-14) Mela n-​nies setgħu jistennew li l-​barkiet taʼ Jehovah li jagħtu l-​ħajja kienu se jgelglu bħal xmara mit-​tempju rrestawrat. B’riżultat taʼ dan, ġens mejjet spiritwalment kellu jerġaʼ jirkupra. Il-​poplu rrestawrat kellu jitbierek b’irġiel spiritwali notevoli​—irġiel li kienu twajbin u sodi daqs is-​siġar matul ix-​xtut tax-​xmara fil-​viżjoni, irġiel li kienu se jieħdu t-​tmexxija f’li jerġgħu jibnu mill-​ġdid pajjiż irrovinat. Anki Isaija kien kiteb dwar il-​“ballut tas-​sewwa” li “mill-​ġdid għad jibnu l-​ħerbiet tal-​qedem.”—Isaija 61:3, 4.

Il-​Viżjoni meta Se Titwettaq?

13. (a) Jehovah f’liema sens bierek lill-​poplu rrestawrat tiegħu b’“ballut tas-​sewwa”? (b) Il-​profezija dwar il-​Baħar il-​Mejjet kif twettqet?

13 Kienu l-​eżiljati li rritornaw iddiżappuntati? Ċertament li le! Fdal irrestawrat irritorna lejn il-​maħbuba art twelidu fis-​sena 537 Q.E.K. Maż-​żmien, taħt il-​gwida taʼ dan il-​“ballut tas-​sewwa”​—bħalma kienu Esdra l-​iskrib, il-​profeti Ħaggaj u Żakkarija, u l-​qassis il-​kbir Ġożwè—​il-postijiet li kienu ilhom ħerba reġgħu nbnew. Il-​prinċpijiet, bħal per eżempju Neħemija u Żerubbabel, ħakmu bla preġudizzju u bil-​ġustizzja fil-​pajjiż. It-​tempju taʼ Jehovah ġie rrestawrat, u l-​provvedimenti tiegħu għall-​ħajja​—il-​barkiet taʼ li wieħed jgħix fi qbil mal-​patt tiegħu—​reġgħu bdew igelglu. (Dewteronomju 30:19; Isaija 48:17-20) Barka waħda kienet l-​għarfien. Is-​saċerdozju reġaʼ beda jopera, u l-​qassisin istruwew lill-​poplu fil-​Liġi. (Malakija 2:7) Bħala riżultat, in-​nies irkupraw spiritwalment u saru mill-​ġdid qaddejja produttivi taʼ Jehovah, bħalma kien iffigurat mill-​Baħar il-​Mejjet li tfejjaq u li ġġenera industrija tas-​sajd produttiva.

14. Għala kellu jkun hemm twettiq tal-​viżjoni t’Eżekjel li jisboq lil dak li ġara wara li l-​Lhud irritornaw mill-​eżilju f’Babilonja?

14 Kienu dawn il-​ġrajjiet l-​uniku twettiq tal-​viżjoni t’Eżekjel? Le; xi ħaġa bil-​wisq akbar hija indikata. Ikkunsidra: It-​tempju li ra Eżekjel ma setax fir-​realtà jinbena kif ġie deskritt. Veru li l-​Lhud ħaduha bis-​serjetà dik il-​viżjoni u saħansitra applikaw xi dettalji litteralment.b Madankollu, it-​tempju tal-​viżjoni fih innifsu kien tant kbir li saħansitra lanqas biss setaʼ jesaʼ fuq il-​Muntanja Morija, is-​sît fejn kien hemm it-​tempju taʼ qabel. Barra minn hekk, it-​tempju t’Eżekjel ma kienx fil-​belt imma ftit tad-​distanza ’l bogħod fuq biċċa art separata, mentri t-​tieni tempju nbena fil-​lok taʼ dak taʼ qablu, fil-​belt taʼ Ġerusalemm. (Esdra 1:1, 2) Iżjed minn hekk, l-​ebda xmara litterali qatt ma ħarġet mit-​tempju taʼ Ġerusalemm. Għalhekk, Iżrael tal-​qedem ra biss twettiq ċkejken tal-​profezija t’Eżekjel. Dan jimplika li bilfors irid ikun hemm twettiq spiritwali akbar taʼ din il-​viżjoni.

15. (a) It-​tempju spiritwali taʼ Jehovah meta beda jopera? (b) Liema ħaġa tindika li l-​viżjoni t’Eżekjel ma kellhiex titwettaq matul il-​ħajja taʼ Kristu fuq l-​art?

15 Jidher ċar li rridu nfittxu għat-​twettiq prinċipali tal-​viżjoni t’Eżekjel dwar it-​tempju spiritwali kbir taʼ Jehovah, li l-​appostlu Pawlu jiddiskutih fit-​tul fil-​ktieb taʼ Lhud. Dan it-​tempju sar realtà meta Ġesù Kristu ġie midluk bħala l-​Qassis il-​Kbir tiegħu fis-​sena 29 E.K. Imma twettqet din il-​viżjoni t’Eżekjel fi żmien Ġesù? Evidentement ma twettqitx. Ġesù, bħala l-​Qassis il-​Kbir, wettaq is-​sinjifikat profetiku taʼ Jum l-​Espjazzjoni permezz tal-​magħmudija tiegħu, il-​mewt sagrifikali tiegħu, u d-​dħul tiegħu fil-​Post l-​Iktar Qaddis, is-​sema nnifsu. (Lhud 9:24) Huwa interessanti, iżda, li l-​viżjoni t’Eżekjel lanqas darba ma ssemmi la l-​qassis il-​kbir u lanqas Jum l-​Espjazzjoni. Għalhekk, jidher li huwa improbabbli li din il-​viżjoni kienet qegħda tipponta lejn l-​ewwel seklu E.K. Allura, f’liema perijodu taʼ żmien tapplika?

16. L-​isfond tal-​viżjoni t’Eżekjel ifakkarna f’liema profezija oħra, u din kif tgħinna nindunaw liema kien iż-​żmien tat-​twettiq prinċipali tal-​viżjoni t’Eżekjel?

16 Biex nieħdu t-​tweġiba, ejja mmorru lura għall-​viżjoni nfisha. Eżekjel kiteb: “F’dehra taʼ Alla ħadni fl-​art taʼ Iżrael, u qegħedni fuq muntanja għolja ħafna, u fin-​naħa tan-​nofsinhar tagħha kien hemm qisha belt mibnija.” (Eżekjel 40:2) L-​isfond għal din il-​viżjoni, il-​“muntanja għolja ħafna,” ifakkarna f’Mikea 4:1: “Għad jiġri fl-​aħħar jiem li l-​għolja taʼ dar il-​Mulej togħla ’l fuq mill-​qċaċet tal-​muntanji, u tintrefaʼ ’l fuq mill-​għoljiet. Lejha għad jiġu l-​popli kollha.” Din il-​profezija meta se sseħħ? Mikea 4:5 juri li dan jibda waqt li l-​ġnus ikunu għadhom iqimu lill-​allat foloz. Fil-​fatt kien fi żmienna stess, “fl-​aħħar jiem,” li l-​qima pura ġiet mgħollija, irrestawrata għall-​post xieraq tagħha fil-​ħajjiet tal-​qaddejja t’Alla.

17. Il-​profezija taʼ Malakija 3:1-5 kif tgħinna niddeterminaw meta tnaddaf it-​tempju tal-​viżjoni t’Eżekjel?

17 X’kien li għamel dan ir-​restawr possibbli? Ftakar, fl-​iktar ġrajja sinjifikanti tal-​viżjoni t’Eżekjel, Jehovah jidħol fit-​tempju u jinsisti li d-​dar tiegħu titnaddaf mill-​idolatrija. It-​tempju spiritwali t’Alla meta tnaddaf? F’Malakija 3:1-5, Jehovah jbassar żmien meta hu se “jidħol fit-​tempju tiegħu,” akkumpanjat mill-​“anġlu tal-​patt” tiegħu, Ġesù Kristu. B’liema skop? “Għax hu bħan-​nar taʼ wieħed li jsaffi [“raffinatur,” New World Translation] u bħas-​sapun tal-​ħassiela.” Dan ir-​raffinar beda matul l-​ewwel gwerra dinjija. B’liema riżultat? Jehovah mar joqgħod fid-​dar tiegħu u bierek il-​pajjiż spiritwali tal-​poplu tiegħu mill-​1919 ’il quddiem. (Isaija 66:8) Allura nistgħu nikkonkludu li l-​profezija t’Eżekjel dwar it-​tempju se jkollha twettiq importanti matul l-​aħħar jiem.

18. Il-​viżjoni tat-​tempju meta se jkollha t-​twettiq finali tagħha?

18 Bħal profeziji taʼ restawr oħrajn, il-​viżjoni t’Eżekjel, għandha twettiq ieħor, wieħed finali, fil-​Ġenna taʼ l-​art. Huwa biss f’dak iż-​żmien li dawk il-​bnedmin li jħobbu s-​sewwa se jirċievu l-​benefiċċji kollha taʼ l-​arranġament t’Alla għat-​tempju. Kristu mbagħad se jamministra l-​valur tas-​sagrifiċċju tiegħu bħala prezz tal-​fidwa, fil-​kumpanija tal-​144,000, is-​saċerdozju tiegħu tas-​sema. Is-​sudditi umani kollha li jkunu ubbidjenti lejn il-​ħakma taʼ Kristu se jitgħollew għall-​perfezzjoni. (Apokalissi 20:5, 6) Madankollu, iż-​żmien prinċipali tat-​twettiq tal-​viżjoni t’Eżekjel ma jistax ikun il-​Ġenna taʼ l-​art. Għala le?

Il-​Viżjoni Tiffoka fuq Żmienna Stess

19, 20. It-​twettiq prinċipali tal-​viżjoni għala jrid bilfors iseħħ illum u mhux fil-​Ġenna taʼ l-​art?

19 Eżekjel ra tempju li kellu bżonn jitnaddaf mill-​idolatrija u miż-​żína spiritwali. (Eżekjel 43:7-9) Dan żgur li ma jistax japplika għall-​qima taʼ Jehovah fil-​Ġenna taʼ l-​art. Iżjed minn hekk, il-​qassisin fil-​viżjoni jagħtu stampa tal-​klassi saċerdotali midluka waqt li jkunu għadhom fuq l-​art, mhux wara l-​irxoxt tagħhom għas-​sema jew matul il-​Millennju. Għala? Innota li l-​qassisin huma ffigurati bħala li qed jaqdu fil-​bitħa taʼ ġewwa. Xi artikli fil-​ħarġiet taʼ qabel tat-​Torri taʼ l-​Għassa wrew li din il-​bitħa tagħti stampa tal-​waqfa spiritwali unika tas-​sotto-qassisin taʼ Kristu waqt li jkunu għadhom fuq l-​art.c Osserva wkoll li l-​viżjoni tenfasizza l-​imperfezzjoni tal-​qassisin. Lilhom jintqalilhom biex joffru sagrifiċċji għal dnubiethom stess. Huma jiġu mwissijin dwar il-​periklu li ma jibqgħux nodfa​—spiritwalment u moralment. Mela dawn ma jagħtux stampa tal-​midlukin irxoxtati, li dwarhom l-​appostlu Pawlu kiteb: “Maʼ l-​aħħar tromba, u l-​mejtin iqumu biex ma jitħassrux aktar.” (Korsiv tagħna.)(1 Korintin 15:52; Eżekjel 44:21, 22, 25, 27) Il-​qassisin fil-​viżjoni jitħalltu man-​nies u jaqduhom direttament. Dan mhux se jkun hekk fil-​Ġenna taʼ l-​art, meta l-​klassi saċerdotali se tkun fis-​sema. Għalhekk, il-​viżjoni tipprovdi stampa eċċellenti tal-​mod kif il-​midlukin jaħdmu mill-​qrib mal-​“kotra kbira” li hawn fuq l-​art illum.—Apokalissi 7:9; Eżekjel 42:14.

20 B’hekk, il-​viżjoni t’Eżekjel dwar it-​tempju tawgura l-​effetti bnien taʼ tindif spiritwali li qed jitwettaq illum. Imma dan x’ifisser għalik? Din m’hijiex sempliċement xi taħbila teoloġika astratta. Din il-​viżjoni għandha x’taqsam ferm maʼ kif int stess tqim kuljum lill-​uniku veru Alla, Jehovah. Fl-​artiklu li jmiss, se naraw kif.

[Noti taʼ taħt]

a Lil Eżekjel, dan għandu mnejn effettwah personalment, għax jingħad li hu nnifsu kien mill-​familja saċerdotali taʼ Sadok.

b Per eżempju, il-​Mixna tal-​qedem tissuġġerixxi li fit-​tempju rrestawrat, l-​artal, il-​bibien taʼ bi tnejn tat-​tempju, u l-​postijiet fejn kien isir it-​tisjir inbnew skond il-​viżjoni t’Eżekjel.

c Ara It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Lulju, 1996, paġna 23; u The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Diċembru, 1972, paġna 718.

Tiftakar Int?

◻ X’kien l-​ewwel twettiq tal-​viżjoni t’Eżekjel dwar it-​tempju u s-​saċerdozju?

◻ Il-​viżjoni t’Eżekjel dwar it-​tqassim taʼ l-​art kif kellha twettiq bikri?

◻ Fir-​restawr taʼ Iżrael tal-​qedem, min aġixxa bħala prinċpijiet, u min aġixxa bħala “ballut tas-​sewwa”?

◻ Il-​viżjoni t’Eżekjel dwar it-​tempju għala trid bilfors titwettaq matul l-​aħħar jiem?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja