Il-Familji tar-Rispett Jistaʼ Jkollhom Suċċess
HUWA POSSIBBLI LI FAMILJI TAR-RISPETT IKOLLHOM SUĊĊESS? IVA, SPEĊJALMENT JEKK DAWK kollha involuti jiftakru li “l-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa.” (2 Timotju 3:16) Meta kulħadd japplika l-prinċipji tal-Bibbja, is-suċċess ikun kważi assigurat.
Il-Kwalità Bażika
Il-Bibbja tagħti biss ftit liġijiet attwali biex jiggvernaw ir-relazzjonijiet umani. L-iktar li tinkuraġġixxi huwa li jiġu kkultivati kwalitajiet u attitudnijiet tajbin li jiggwidawna biex naġixxu b’mod għaqli. Attitudnijiet u kwalitajiet tajbin bħal dawn huma l-bażi taʼ ħajja tal-familja ferħana.
Dan jistaʼ jkun ovvju, imma minkejja dan, tajjeb ngħidu li l-kwalità bażika meħtieġa biex kwalunkwe familja jkollha suċċess hija l-imħabba. L-appostlu Pawlu qal: “Qisu li l-imħabba tagħkom ma tkunx wiċċ b’ieħor; . . . Ħobbu lil xulxin bħal aħwa.” (Rumani 12:9, 10) Il-kelma “mħabba” tintuża ħafna drabi b’mod ħażin, imma l-kwalità li Pawlu rrefera għaliha hawnhekk hija partikulari. Hija l-imħabba t’Alla, u din “ma tintemm qatt.” (1 Korintin 13:8) Il-Bibbja tiddeskriviha bħala mhix egoista u lesta li taqdi. Taħdem b’mod attiv għall-ġid taʼ l-oħrajn. Hija paċenzjuża u ħanina, qatt ma tgħir, tiftaħar, jew titkabbar. Ma tfittixx dak li jaqblilha. Dejjem lesta li tagħder, tafda, tittama, tissaporti kollox.—1 Korintin 13:4-7.
L-imħabba ġenwina tgħin biex iċċekken id-differenzi u tgħaqqad lin-nies taʼ trobbija u personalitajiet ferm differenti. U tgħin ukoll biex iġġib fix-xejn l-effetti devastanti tad-divorzju jew tal-mewt taʼ ġenitur naturali. Wieħed raġel li sar missier tar-rispett jiddeskrivi l-problemi tassew reali tiegħu: “Taʼ spiss tant kont inkun ikkonċernat dwar is-sentimenti tiegħi stess li ma kontx nanalizza l-emozzjonijiet t’uliedi tar-rispett jew saħansitra taʼ marti. Kelli nitgħallem inkun inqas sensittiv. L-iktar ħaġa importanti, kelli nitgħallem inkun umli.” L-imħabba għenitu jagħmel il-bidliet meħtiġin.
Il-Ġenitur Naturali
L-imħabba tistaʼ tgħin biex tittratta r-relazzjoni tat-tfal mal-ġenitur naturali tagħhom li issa m’għadux magħhom. Wieħed missier tar-rispett jgħid: “Ridt inkun l-ewwel post fl-affezzjoni t’uliedi tar-rispett. Meta kienu jżuru lil missierhom naturali, kont insibha diffiċli biex nirreżisti t-tentazzjoni li nikkritikah. Meta kienu jiġu lura wara ġurnata pjaċevoli miegħu, kont inħossni mdejjaq ħafna. Meta kien ikollhom ġurnata ħażina, kont nifraħ. Tassew, kont nibżaʼ li se nitlef l-affezzjoni tagħhom. Waħda mill-iktar affarijiet diffiċli kienet li naċċetta l-importanza taʼ l-irwol tal-missier naturali fil-ħajjiet t’uliedi tar-rispett.”
L-imħabba ġenwina għenet lil dan il-missier tar-rispett biex jiffaċċja l-fatt li ma kinitx xi ħaġa realistika li jippretendi mħabba “fil-pront.” Ma kellux għalfejn iħossu miċħud meta t-tfal m’aċċettawhx mill-ewwel. Hu beda jirrealizza li qatt ma setaʼ jieħu kompletament post il-missier naturali fi qlub uliedu. It-tfal kienu ilhom jafu lil missierhom naturali mindu twieldu, waqt li l-missier tar-rispett kien għadu ġdid u jkollu jistinka biex jakkwista l-imħabba tat-tfal. Ir-riċerkatriċi Elizabeth Einstein tirrifletti l-esperjenza taʼ ħafna meta tgħid: “Lill-ġenitur naturali qatt ma jistgħu jiħdulu postu—qatt. Anki ġenitur li hu mejjet jew dak li jkun abbanduna lil uliedu jżomm post importanti fil-ħajjiet tat-tfal.”
Id-Dixxiplina—Suġġett Delikat
Il-Bibbja tindika li dixxiplina bl-imħabba hija essenzjali għaż-żgħażagħ, u dan jinkludi lit-tfal tar-rispett. (Proverbji 8:33) Numru taʼ professjonisti qed jibdew jaqblu maʼ dak li tgħid il-Bibbja dwar dan. Il-professur Ceres Alves de Araújo stqarr: “Min-natura, ħadd ma jieħu gost bil-limiti, imma huma neċessarji. ‘Le’ hija kelma protettiva.”
Madankollu, ġewwa familja tar-rispett, l-opinjonijiet dwar dixxiplina jistgħu jwasslu għal firdiet serji. It-tfal tar-rispett kienu diġà xi ftit ifformati minn adult li issa m’għadux magħhom. X’aktarx li għandhom imġiba jew drawwiet li jistgħu jirritaw lill-ġenitur tar-rispett. U huma probabbilment ma jifhmux għala l-ġenitur tar-rispett huwa daqshekk deċiż dwar ċerti kwistjonijiet. Kif tistaʼ tittratta b’suċċess mas-sitwazzjoni? Pawlu jħeġġeġ lill-Kristjani: ‘Fittxu l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa.’ (1 Timotju 6:11) L-imħabba Kristjana tgħin kemm lill-ġenitur tar-rispett u kemm lit-tfal biex ikunu ħelwin u paċenzjużi hekk kif jitgħallmu jifhmu lil xulxin. Jekk il-ġenitur tar-rispett ma jkollux paċenzja, is-‘saħna, il-korla, u l-għajat’ jistgħu malajr jirrovinaw kwalunkwe relazzjoni li setgħet żviluppat.—Efesin 4:31.
Id-dehen li jistaʼ jgħin f’din il-kwistjoni ġie pprovdut mill-profeta Mikea. Hu qal: “X’jistenna minnek il-Mulej: li tagħmel dak li hu ġust, li tħobb u tkun ħanin, u li tkun umli fl-imġiba tiegħek maʼ Alla tiegħek.” (Mikea 6:8) Il-ġustizzja hija vitali meta wieħed jamministra d-dixxiplina. Imma xi ngħidu dwar il-qalb tajba? Anzjan Kristjan jirrakkonta li taʼ spiss kien ikun diffiċli biex iqajjem lit-tfal tiegħu tar-rispett il-Ħadd fil-għodu ħalli jieħdu sehem fil-qima fil-kongregazzjoni. Minflok ma kien iċanfarhom, hu pprova juri l-qalb tajba. Kien iqum kmieni, jipprepara l-kolazzjon, u mbagħad lil kull wieħed minnhom kien jiħdilhom xarba sħuna. B’riżultat taʼ dan, kienu jkunu iktar inklinati li jagħtu kas l-appell tiegħu biex iqumu.
Il-professoressa Ana Luisa Vieira de Mattos għamlet dan il-kumment interessanti: “L-importanti m’huwiex it-tip taʼ familja imma l-kwalità tar-relazzjoni. Fl-istħarriġ tiegħi, jien osservajt li ż-żgħażagħ li għandhom problemi fl-imġiba kważi dejjem kienu minn familji fejn hemm superviżjoni dgħajfa mill-ġenituri, nuqqas taʼ regoli u komunikazzjoni.” Hi qalet ukoll: “Qatt ma nistgħu nenfasizzaw biżżejjed il-fatt li t-trobbija tat-tfal timplika l-bżonn li tgħid le.” Iktar minn hekk, Dr. Emily u Dr. John Visher stqarrew: “Bażikament, id-dixxiplina taħdem biss meta min jirċievi d-dixxiplina jimpurtah mir-reazzjonijiet taʼ dak li jkun qed jagħtih id-dixxiplina u mir-relazzjoni tiegħu miegħu.”
Dawn ir-rimarki jalludu ħafif ħafif għall-mistoqsija dwar min għandu jamministra d-dixxiplina fil-familji tar-rispett. Min għandu jkun dak li jgħid le? Wara li ddiskutew bejniethom, xi ġenituri ddeċidew li jibdew billi l-ġenitur naturali jkun dak li prinċipalment jiddixxiplina, biex b’hekk jagħti żmien biżżejjed lill-ġenitur tar-rispett jibni relazzjoni eqreb mat-tfal. Ħalli lit-tfal jitgħallmu jkollhom fiduċja fl-imħabba li l-ġenitur tar-rispett għandu għalihom qabel ma hu jew hi jibdew jiddixxiplinaw.
Xi ngħidu jekk il-ġenitur tar-rispett huwa l-missier? Il-Bibbja ma tgħidx li l-missier hu l-kap tal-familja? Iva. (Efesin 5:22, 23; 6:1, 2) Madankollu, missier tar-rispett forsi jkun jixtieq li għal xi żmien ma jiħux f’idejh il-kwistjoni tad-dixxiplina, speċjalment jekk din tinvolvi xi kastig. Hu għandu mnejn jippermetti li t-tfal jobdu ‘tagħlim ommhom’ waqt li hu jlesti pedament għalihom biex ‘jisimgħu kliem missierhom [il-ġdid].’ (Proverbji 1:8; 6:20; 31:1) L-evidenza turi li, fl-aħħar mill-aħħar, dan ma jmurx kontra l-prinċipju taʼ min għandu jkun il-kap. Iktar minn hekk, wieħed missier tar-rispett jgħid: “Jien ftakart li d-dixxiplina tinkludi twissija, korrezzjoni, u twiddiba. Meta din tingħata b’mod ġust, bl-imħabba, u bil-mogħdrija u tkun appoġġata mill-eżempju tal-ġenituri, normalment din tirnexxi.”
Il-Ġenituri Għandhom Bżonn Jikkomunikaw
Proverbji 15:22 jgħid: “Tifsil taʼ xogħol bla ħsieb jisfaʼ fix-xejn.” Ġewwa familja tar-rispett, diskors kunfidenzjali bil-miftuħ u b’mod kalm huwa vitali bejn il-ġenituri. Waħda li tikteb fil-gazzetta O Estado de S. Paulo osservat: “It-tfal dejjem għandhom it-tendenza li jittestjaw il-limiti stabbiliti mill-ġenituri.” Dan jistaʼ jkun veru d-doppju ġewwa familji tar-rispett. Għaldaqstant, il-ġenituri għandhom bżonn jaqblu dwar kwistjonijiet differenti sabiex it-tfal jaraw li huma magħqudin. Iżda, xi ngħidu jekk ġenitur tar-rispett jaġixxi b’mod li l-ġenitur naturali jħoss li m’huwiex ġust? Imbagħad, huma t-tnejn għandhom jissetiljaw il-kwistjoni fil-privat, u mhux quddiem it-tfal.
Waħda omm li reġgħet iżżewġet tirrakkonta: “L-iktar ħaġa diffiċli għal omm hi dik li tara lill-missier tar-rispett jiddixxiplina lil uliedha, speċjalment jekk tħoss li hu qed jaġixxi bl-għaġla jew li m’huwiex qed ikun tassew ġust. Tħoss qalbha tinqasam, u tkun trid tiddefendi lil uliedha. F’mumenti bħal dawn, ikun diffiċli li tibqaʼ sottomessa lejn ir-raġel u tappoġġah.
“Darba minnhom, iż-żewġ uliedi subjien, li għandhom 12 u 14-il sena, talbu permess lil missierhom tar-rispett biex jagħmlu xi ħaġa. Hu immedjatament irrifjuta u telaq mill-kamra mingħajr lanqas biss tahom opportunità biex jispjegaw għala t-talba li għamlu kienet importanti għalihom. Is-subjien kienu se jinfaqgħu jibku, u jien bqajt imbellha. It-tifel il-kbir ħares lejja u qalli: ‘Ma, rajtu x’għamel?’ Jien weġibtu: ‘Iva, rajtu. Imma hu xorta jibqaʼ l-kap tad-dar, u l-Bibbja tgħidilna biex nirrispettaw l-istat taʼ kap.’ Huma kienu tfal bravi u qablu miegħi, u kkalmaw ftit. Dik il-lejla stess, spjegajt l-affarijiet lil żewġi, u hu rrealizza li kien awtorevoli żżejjed. Hu kien pront u mar fil-kamra tas-subjien u talabhom skuża.
“Aħna tgħallimna ħafna minn dak l-inċident. Żewġi tgħallem jismaʼ qabel ma jieħu xi deċiżjoni. Jien tgħallimt nappoġġa l-prinċipju taʼ l-istat taʼ kap, saħansitra meta dan iweġġagħni. Is-subjien tgħallmu l-importanza taʼ li jkunu sottomessi. (Kolossin 3:18, 19) U l-apoloġija mill-qalb taʼ żewġi għallmitna lkoll lezzjoni importanti fl-umiltà. (Proverbji 29:23) Illum, iż-żewġ uliedi jaqdu bħala anzjani Kristjani.”
Żbalji se jsiru. It-tfal se jgħidu jew jagħmlu affarijiet li jweġġgħu. Il-pressjonijiet taʼ dak il-mument se jġagħlu lill-ġenituri tar-rispett jaġixxu b’mod irraġunevoli. Madankollu, dawk il-kelmiet sempliċi, “Jiddispjaċini, jekk jogħġbok aħfirli,” jistgħu jiswew ħafna biex ifejqu l-feriti.
Insaħħu l-Unità tal-Familja
Jeħtieġ iż-żmien biex tibni relazzjoni kordjali ġewwa familja tar-rispett. Jekk int ġenitur tar-rispett, għandek bżonn turi l-empatija. Kun komprensiv, lest li tqattaʼ ħin mat-tfal. Ilgħab mat-tfal iż-żgħar. Kun ippreparat li titkellem mat-tfal il-kbar. Fittex opportunitajiet biex tqattgħu ħin flimkien—per eżempju, stieden lit-tfal biex jgħinu fix-xogħol tad-dar, bħal li jippreparaw l-ikel jew jaħslu l-karozza. Stedinhom jiġu miegħek u jgħinuk meta tmur is-supermarkit. Barra minn hekk, ġesti żgħar bl-affezzjoni jistgħu juru l-imħabba li int għandek għalihom. (M’għandniex xi ngħidu, missirijiet tar-rispett għandhom joqogħdu attenti li josservaw sew il-limiti fejn jidħlu wliedhom il-bniet tar-rispett u ma jġagħluhomx iħossuhom skomdi. U l-ommijiet tar-rispett għandhom jiftakru li s-subjien ukoll għandhom il-limiti tagħhom.)
Il-familji tar-rispett jistaʼ jkollhom suċċess. Ħafna qed ikollhom. L-iktar li għandhom suċċess huma l-familji fejn dawk kollha involuti, speċjalment il-ġenituri, jikkultivaw attitudnijiet xierqa u stennijiet realistiċi. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Għeżież, ejjew inħobbu ’l xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla.” (1 Ġwann 4:7) Iva, l-imħabba mill-qalb hija l-vera sigriet taʼ l-hena fil-familja tar-rispett.
[Stampi f’paġna 7]
FAMILJI TAR-RISPETT FERĦANIN
iqattgħu ħin flimkien. . .
jistudjaw il-Kelma t’Alla flimkien. . .
jitkellmu flimkien. . .
jaħdmu flimkien. . .