Il-Problemi Partikulari tal-Familji tar-Rispett
FAMILJI TAR-RISPETT FERĦANIN HUMA POSSIBBLI! KIF?
Il-familja tar-rispett saret ħaġa komuni f’ħafna partijiet tad-dinja. Madankollu, il-familji tar-rispett għandhom problemi partikulari. L-iktar waħda diffiċli mingħajr dubju hi t-trobbija tat-tfal. Madankollu, bħalma se jipprovaw juru dawn iż-żewġ artikli li ġejjin, humwa possibbli li trabbi lit-tfal b’suċċess f’ambjent ġewwa familja tar-rispett.
SKOND IT-TRADIZZJONI, IL-MISSIRIJIET U L-OMMIJIET TAR-RISPETT DEJJEM KELLHOM tikketta ħażina. Meta konna żgħar, ħafna minna smajna xi verżjoni tal-ħrafa taʼ Cinderella, li tant sofriet minħabba ommha tar-rispett li kienet kattiva. It-tfal fl-Ewropa jitgħallmu wkoll il-ħrafa taʼ Snow White u s-Sebaʼ Nani. L-omm tar-rispett taʼ Snow White kienet saħħara ħażina!
Jagħtu dawn il-ħrejjef stampa eżatta tal-familji tar-rispett? Huma l-ġenituri tar-rispett kollha daqshekk ħżiena? Le. Il-biċċa l-kbira minnhom iridu biss l-aħjar għat-tfal li wirtu biż-żwieġ tagħhom. Imma dawn ikollhom jiffaċċjaw xi problemi diffiċli li huma komuni fil-ħajja tal-familji tar-rispett.
Il-Problemi tat-Trobbija tat-Tfal
Meta l-ewwel żwieġ ifalli, taʼ spiss il-kaġun ikun minħabba l-immaturità taʼ l-imseħbin. Fit-tieni żwieġ, li tieħu ħsieb it-tfal jistaʼ joħloq tensjoni fir-relazzjoni. Xi rekords juru li iktar minn 4 minn kull 10 familji tar-rispett jispiċċaw jiddivorzjaw f’inqas minn ħames snin.
Il-miżżewġin friski forsi ma jirrealizzawx it-taqlib emozzjonali, il-konflitti taʼ lealtà, u s-sentimenti taʼ għira u risentiment li l-ġenitur tar-rispett iqanqal fit-tfal tar-rispett. Dawn forsi jimmaġinaw li l-ġenitur tar-rispett ħadilhom posthom f’qalb il-ġenitur naturali tagħhom. Iktar minn hekk, ġenitur naturali li ġie abbandunat mill-parti l-oħra jistaʼ jsibha diffiċli biex jifhem kif it-tfal għadhom juru affezzjoni lejha. Wieħed tifel ipprova jispjega r-relazzjoni tajba tiegħu maʼ missieru naturali, billi qal, “Ma, naf li missieri ttrattak ħażin, imma lili dejjem ittrattani tajjeb!” Espressjoni bħal din, għalkemm onesta, tistaʼ ġġiegħel lil omm tħoss risentiment kbir lejn missier it-tifel.
Wieħed missier tar-rispett stqarr: “Jien ma kontx tassew ippreparat biex niffaċċja l-problemi kollha li kellhom x’jaqsmu mat-trobbija tat-tfal tiegħi tar-rispett. Dħalt fis-sitwazzjoni bil-ħsieb li issa li żżewwiġt lil ommhom, jien sirt missierhom. Ħsibt li kien faċli! Ma fhimtx l-affezzjoni li kellhom it-tfal lejn missierhom naturali, u għamilt ħafna żbalji.”
It-tensjonijiet jistgħu jqumu speċjalment fil-kwistjoni taʼ dixxiplina. It-tfal għandhom bżonn dixxiplina bl-imħabba, imma spiss jirribellaw kontrieha saħansitra meta tiġi minn ġenitur naturali. Aħseb u ara kemm hi iktar diffiċli li jaċċettawha mingħand ġenitur tar-rispett! Normalment, meta jiffaċċja dixxiplina bħal din, tifel tar-rispett jistaʼ jgħid xi ħaġa bħal, “Int m’intix missieri!” Kemm jistaʼ jweġġaʼ kliem bħal dan lil ġenitur tar-rispett li jkun jixtieqlu l-ġid!
Jistgħu t-tfal jitrabbew b’suċċess ġewwa familja tar-rispett? Jistgħu ġenituri tar-rispett ikollhom irwol pożittiv f’li jibnu familja tar-rispett taʼ suċċess? It-tweġiba għaż-żewġ mistoqsijiet hija iva basta dawk kollha involuti jsegwu l-parir fil-Kelma mnebbħa t’Alla, il-Bibbja.
[Stampa f’paġna 3]
“Int m’intix missieri!”