LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 8/1 p. 8-p. 11 para. 9
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb t’Eżekjel—II

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Punti Prinċipali mill-Ktieb t’Eżekjel—II
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ISSIR ‘L-​ART QISHA L-​ĠNIEN TAʼ L-​GĦEDEN’
  • (Eżekjel 25:1–​39:29)
  • “ŻOMM F’MOĦĦOK KULL MA SE NURIK”
  • (Eżekjel 40:1–​48:35)
  • “Jien Inqaddes Ismi l-​Kbir”
  • “Ixħet Qalbek Fuq” it-Tempju t’Alla!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Il-Barka taʼ Jehovah Fuq l-“Art” Tagħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • It-“Tempju” u l-“Prinċep” Illum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb t’Eżekjel—I
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 8/1 p. 8-p. 11 para. 9

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Ktieb t’Eżekjel​—II

NINSABU f’Diċembru tas-​sena 609 Q.E.K. Is-​sultan Babiloniż beda l-​assedju finali tiegħu fuq Ġerusalemm. S’issa, il-​messaġġ t’Eżekjel lill-​eżiljati f’Babilonja ffoka fuq tema waħda: il-​waqgħa u l-​qerda taʼ Ġerusalemm, il-​belt tagħhom li tant kienu jgħożżu. Madankollu, issa s-​suġġett tal-​profeziji t’Eżekjel jinbidel fil-​kundanna tal-​ġnus pagani li jifirħu minħabba l-​għawġ li ġie fuq il-​poplu t’Alla. Meta taqaʼ Ġerusalemm 18-il xahar wara, il-​messaġġ t’Eżekjel għal darb’oħra għandu tema ġdida: ir-​restawrazzjoni glorjuża tal-​qima vera.

F’Eżekjel 25:1—​48:35 insibu profeziji dwar il-​ġnus taʼ madwar Iżrael u l-​ħelsien tal-​poplu t’Alla.a Ir-​rakkont huwa f’ordni kronoloġiku kif ukoll skond is-​suġġett, ħlief għal Eżekjel 29:​17-​20. Madankollu, dawn l-​erbaʼ versi m’humiex f’ordni kronoloġiku iżda jagħmlu parti mill-​profezija kontra l-​Eġittu. Bħala parti mill-​Iskrittura ispirata, il-​ktieb t’Eżekjel fih messaġġ li ‘hu ħaj u qawwi.’​—Ebrej 4:​12.

ISSIR ‘L-​ART QISHA L-​ĠNIEN TAʼ L-​GĦEDEN’

(Eżekjel 25:1–​39:29)

Billi basar x’setgħet tkun ir-​reazzjoni taʼ dawn il-​ġnus għall-​waqgħa taʼ Ġerusalemm, Ġeħova jġiegħel lil Eżekjel jipprofetizza kontra Ammon, Mowab, Edom, Filistja, Tir, u Sidon. L-​Eġittu se jiġi misruq. Il-​“Fargħun, is-​sultan taʼ l-​Eġittu, u l-​kotra taʼ niesu” huma mxebbhin maʼ siġra taċ-​ċedru li se titqaċċat mix-​“xabla tas-​sultan taʼ Babilonja.”​—Eżekjel 31:​2, 3, 12; 32:​11, 12.

Madwar sitt xhur wara l-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K., wieħed li jkun ħarab jiġi jirrapporta lil Eżekjel: “Il-​Belt waqgħet.” Il-​profeta ‘ma baqax aktar imbikkem’ maʼ l-​eżiljati. (Eżekjel 33:​21, 22) Hu għandu profeziji taʼ restawrazzjoni x’jiddikjara. Ġeħova ‘jqiegħed fuqhom ragħaj wieħed, il-​qaddej tiegħu David.’ (Eżekjel 34:23) Edom se jitħalla ħerba, iżda Ġuda, l-​art lil hinn minn Edom, se ssir “qisha l-​ġnien taʼ l-​Għeden.” (Eżekjel 36:35) Ġeħova jwiegħed li jipproteġi lill-​poplu restawrat mill-​attakk taʼ “Gog.”​—Eżekjel 38:2.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

29:​8-​12​—L-​Eġittu meta tħalla ħerba għal 40 sena? Wara l-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K., il-​fdal taʼ Ġuda ħarab lejn l-​Eġittu minkejja t-​twissija tal-​profeta Ġeremija. (Ġeremija 24:​1, 8-​10; 42:​7-​22) Dan ma tax prova li kien mezz biex huma jaħarbu mill-​Babiloniżi għax Nabukodonosor ħabat għall-​Eġittu u għelbu. Il-​ħerba t’40 sena taʼ l-​Eġittu setgħet ġiet wara din il-​konkwista. Filwaqt li l-​istorja sekulari ma tagħti ebda evidenza taʼ din il-​ħerba, aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li seħħet għax Ġeħova huwa l-​Wieħed li jwettaq il-​profeziji.​—Isaija 55:11.

29:18​—Kif ġara li “kull ras tfartset, [u] kull spalla saret ġerħa waħda”? It-​truppi taʼ Nabukodonosor tant kellhom jaħdmu iebes u jagħmlu sforz kbir biex jassedjaw lil Tir, il-​belt fil-​qalba tal-​pajjiż, li rjushom tfartstu minħabba l-​elmu u spallejhom saru ġerħa waħda minħabba li kienu jġorru materjal għall-​bini tat-​torrijiet u tas-​swar.​—Eżekjel 26:​7-​12.

Lezzjonijiet Għalina:

29:​19, 20. Ladarba t-​Tirin ħarbu b’ħafna mill-​ġid li kellhom lejn il-​belt tagħhom li kienet fuq gżira, is-​Sultan Nabukodonosor irċieva verament ftit priża minn Tir. Avolja Nabukodonosor kien ħakkiem kburi, egoist, u pagan, Ġeħova ppremjah għas-​servizz tiegħu billi tah l-​Eġittu biex “iħallas l-​eżerċtu tiegħu.” M’għandniex aħna nimitaw lill-​Alla l-​veru billi nħallsu t-​taxxi lill-​gvernijiet għas-​servizzi li jwettqu għan-​nom tagħna? La l-​kondotta taʼ l-​awtoritajiet sekulari u lanqas il-​mod kif jintużaw it-​taxxi ma jħassru dan l-​obbligu.​—Rumani 13:​4-7.

33:​7-9. Il-​klassi taʼ l-​għassiesa taʼ llum​—il-​fdal midluk​—u sħabha qatt m’għandhom iżommu lura milli jippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna u jwissu lin-​nies dwar “it-​tribulazzjoni kbira” li ġejja.​—Mattew 24:21.

33:​10-​20. Is-​salvazzjoni tagħna tiddependi milli nwarrbu minn mogħdijiet ħżiena u naġixxu fi qbil maʼ dak li jirrikjedi Alla. Tabilħaqq, it-​triq taʼ Ġeħova hija “sewwa.”

36:​20, 21. Minħabba li ma għexux skond dak li kienu magħrufin għalih, jiġifieri, bħala “l-​poplu tal-​Mulej,” l-​Iżraelin kasbru l-​isem t’Alla fost il-​ġnus. Aħna qatt m’għandna nsiru aduraturi taʼ Ġeħova taʼ l-​isem biss.

36:​25, 37, 38. Il-​ġenna spiritwali li ngawdu llum hi mimlija b’“nagħaġ ikkonsagrati.” Għalhekk, għandna nistinkaw biex inżommuha nadifa.

38:​1-​23. Kemm hu rassiguranti li wieħed ikun jaf li Ġeħova se jeħles lill-​poplu tiegħu mill-​attakk taʼ Gog taʼ l-​art taʼ Magog! Gog huwa l-​isem mogħti lill-​“ħakkiem taʼ din id-​dinja,” Satana x-​Xitan, wara t-​tkeċċija tiegħu mis-​sema. L-​art taʼ Magog tirreferi għall-​viċinanzi taʼ l-​art, fejn intefgħu Satana u d-​demonji tiegħu.​—Ġwanni 12:31; Rivelazzjoni 12:​7-​12.

“ŻOMM F’MOĦĦOK KULL MA SE NURIK”

(Eżekjel 40:1–​48:35)

Ninsabu fl-​14-il sena wara li l-​belt taʼ Ġerusalemm ġiet meqruda. (Eżekjel 40:1) Għad baqaʼ sitta u ħamsin sena t’eżilju. (Ġeremija 29:10) Eżekjel issa għandu qrib il-​50 sena. F’viżjoni, hu jinġieb fl-​art taʼ Iżrael. Lilu jintqallu: “O bniedem, ara sewwa, u ismaʼ tajjeb, u żomm f’moħħok kull ma se nurik.” (Eżekjel 40:​2-4) Min jaf kemm kien ferħan Eżekjel li jirċievi viżjoni taʼ tempju ġdid!

It-tempju glorjuż li ra Eżekjel għandu 6 bibien, 30 kamra taʼ l-​ikel, il-​Qaddis, l-​Iktar Qaddis, artal taʼ l-​injam, u artal għas-​sagrifiċċji tal-​ħruq. Mit-​tempju ‘ħierġaʼ nixxiegħa taʼ l-​ilma li ssir xmara. (Eżekjel 47:1) Eżekjel jirċievi wkoll viżjoni taʼ kif l-​art titqassam skond it-​tribujiet​—kull taqsima mil-​lvant għall-​punent bi strixxa amministrattiva bejn it-​taqsimiet taʼ Ġuda u Benjamin. “It-​tempju tal-​Mulej” u “l-​belt” imsemmija Jahweh Xamma jinsabu fuq din l-​istrixxa.​—Eżekjel 48:​9, 10, 15, 35, nota taʼ taħt.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

40:3–​47:12​—X’jirrappreżenta t-​tempju tal-​viżjoni? Dan it-​tempju taʼ qisien ġganteski li ra Eżekjel fil-​viżjoni, fil-​fatt, qatt ma nbena. Dan ta stampa tat-​tempju spiritwali t’Alla​—l-​arranġament tiegħu għall-​qima pura fi żmienna bħal dak taʼ tempju. (Eżekjel 40:2; Mikea 4:1; Ebrej 8:2; 9:​23, 24) Il-​viżjoni tat-​tempju titwettaq matul “l-​aħħar jiem,” meta s-​saċerdozju jkun ġie rfinut. (2 Timotju 3:1; Eżekjel 44:​10-​16; Malakija 3:​1-3) Madankollu, għandha twettiq finali tagħha fil-​Ġenna taʼ l-​art. It-​tempju fil-​viżjoni pprovda wegħda lill-​eżiljati Lhud li l-​qima pura se tiġi restawrata u li kull familja Lhudija se jkollha wirt fl-​art.

40:3–​43:17​—X’hemm sinifikanti dwar il-​qisien tat-​tempju? Il-​qisien tat-​tempju huma sinjal li l-​iskop taʼ Ġeħova rigward il-​qima pura se jitwettaq żgur.

43:​2-4, 7, 9​—X’kienu “l-​iġsma mejta tas-​slaten tagħhom” li kellhom jitneħħew mit-​tempju? B’mod ċar l-​iġsma mejta kienu jirreferu għall-​idoli. Il-​ħakkiema taʼ Ġerusalemm u n-​nies tagħha kienu niġġsu t-​tempju t’Alla bl-​idoli​—fil-​fatt, huma għamluhom is-​slaten tagħhom.

43:​13-​20​—X’jissimbolizza l-​artal li ra Eżekjel fil-​viżjoni? L-​artal simboliku huwa r-​rieda t’Alla b’konnessjoni mas-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ġesù Kristu. Minħabba dan il-​provvediment, il-​midlukin huma dikjarati ġusti u l-​“folla kbira” hija nadifa u pura f’għajnejn Alla. (Rivelazzjoni 7:​9-​14; Rumani 5:​1, 2) Forsi għalhekk “il-​vaska għall-​ilma tal-​bronż fondut” tat-​tempju taʼ Salamun​—vaska kbira bl-​ilma li kienet tintuża mill-​qassisin biex jinħaslu fiha​—m’hijiex fit-​tempju tal-​viżjoni.​—1 Slaten 7:​23-​26.

44:​10-​16​—Lil min tirrappreżenta l-​klassi tal-​qassisin? Il-​klassi tal-​qassisin tagħti stampa bil-​quddiem tal-​ġemgħa taʼ Kristjani midlukin fi żmienna. Ix-​xogħol taʼ l-​irfinar tagħhom seħħ fl-​1918 meta Ġeħova kien qiegħed “isaffi u jnaddaf” fit-​tempju spiritwali tiegħu. (Malakija 3:​1-5) Dawk li kienu nodfa jew li nidmu setgħu jkomplu fil-​privileġġ tagħhom taʼ servizz. Wara, huma kellhom jaħdmu iebes biex iżommu lilhom infushom “mingħajr tebgħa mid-​dinja,” u b’hekk saru eżempji għall-​“folla kbira,” rappreżentata mit-​tribujiet mhux saċerdotali.​—Ġakbu 1:​27; Rivelazzjoni 7:​9, 10.

45:1; 47:13–​48:29​—X’jirrappreżentaw “l-​art” u t-​taqsimiet tagħha? L-​art tirrappreżenta l-​qasam taʼ l-​attività tal-​poplu t’Alla. Jinsab fejn jinsab aduratur taʼ Ġeħova, hu jkun fl-​art restawrata sakemm hu jibqaʼ jappoġġa l-​qima vera. It-​tqassim taʼ l-​art se jkollu t-​twettiq finali tiegħu fid-​dinja l-​ġdida meta kull persuna leali se tiret post.​—Isaija 65:​17, 21.

45:​7, 16​—Taʼ xiex tagħti stampa l-​kontribuzzjoni tan-​nies għall-​qassisin u l-​prinċep? Fit-​tempju spiritwali, dan jirreferi primarjament għall-​appoġġ spiritwali​—li wieħed joffri l-​għajnuna u juri spirtu taʼ kooperazzjoni.

47:​1-5​—X’jirrappreżenta l-​ilma fix-​xmara tal-​viżjoni t’Eżekjel? L-​ilma jirrappreżenta l-​provvedimenti spiritwali taʼ Ġeħova għall-​ħajja, inkluż is-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Kristu Ġesù u l-​għarfien t’Alla misjub fil-​Bibbja. (Ġeremija 2:​13; Ġwanni 4:​7-​26; Efesin 5:​25-​27) Bil-​mod il-​mod ix-​xmara ssir iktar fonda biex takkomoda d-​dħul taʼ wħud ġodda li jaċċettaw il-​qima vera. (Isaija 60:22) Ix-​xmara se tkun tiffjorixxi bl-​iktar ilma qawwi tal-​ħajja matul il-​Millennju, u l-​ilmijiet tagħha se jinkludu iżjed fehma miksuba mir-​“rombli” li se jinfetħu f’dak iż-​żmien.​—Rivelazzjoni 20:12; 22:​1, 2.

47:12​—X’jirrappreżentaw is-​siġar li jagħmlu ħafna frott? Is-​siġar simboliċi jagħtu stampa tal-​provvedimenti spiritwali t’Alla biex jirrestawra l-​umanità għall-​perfezzjoni.

48:​15-​19, 30-​35, nota ta taħt​—X’tirrappreżenta l-​belt fil-​viżjoni t’Eżekjel? “Jahweh Xamma” tinsab f’art “profana,” u dan jindika li tirrappreżenta xi ħaġa taʼ l-​art. Il-​belt donnha tirrappreżenta t-​tmexxija taʼ l-​art li minnha jibbenefikaw dawk li se jkunu fl-​“art ġdida” taʼ ġustizzja. (2 Pietru 3:​13) Il-​bibien fuq kull naħa juru li faċli tidħol għaliha. L-​indokraturi fost il-​poplu t’Alla għandhom jagħmluha faċli għal dak li jkun biex javviċinahom.

Lezzjonijiet Għalina:

40:​14, 16, 22, 26. It-​tinqix tas-​siġar tal-​palm fuq il-​ħajt fl-​intrati tat-​tempju juru li dawk biss li huma moralment retti se jitħallew jidħlu. (Salm 92:13 [Salm 92:​12, NW]) Dan jgħallimna li l-​qima tagħna tkun aċċettabbli għal Ġeħova biss jekk aħna retti.

44:23. Kemm għandna għalxiex inkunu grati għas-​servizzi provduti mill-​klassi tal-​qassisin taʼ llum! “L-​ilsir leali u għaqli” jieħu t-​tmexxija f’li jipprovdi l-​ikel spiritwali f’waqtu li jgħinna nagħrfu d-​differenza bejn dak li mhux nadif u dak li hu nadif f’għajnejn Ġeħova.​—Mattew 24:45.

47:​9, 11. L-​għarfien​—aspett vitali taʼ l-​ilma simboliku​—qed iwettaq fejqan taʼ l-​għaġeb fi żmienna. Jinkiseb fejn jinkiseb l-​għarfien, spiritwalment dan iġib il-​ħajja lin-​nies. (Ġwanni 17:3) Mill-​banda l-​oħra, dawk li ma jaċċettawx l-​ilma li jagħti l-​ħajja se “jibqgħu mielħa”​—jinqerdu darba għal dejjem. Kemm hu vitali li ‘nagħmlu l-​almu tagħna biex nimmaniġġaw sew il-​kelma tal-​verità’!​—2 Timotju 2:​15.

“Jien Inqaddes Ismi l-​Kbir”

Wara t-​tneħħija taʼ l-​aħħar sultan mil-​linja taʼ David, l-​Alla l-​veru ppermetta perijodu twil taʼ żmien jgħaddi qabel il-​miġja tal-​Wieħed li “għandu dritt fuqha” bħala sultan. Madankollu, Alla ma ċaħadx il-​patt tiegħu maʼ David. (Eżekjel 21:32 [21:​27, NW]; 2 Samwel 7:​11-​16) Il-​profezija t’Eżekjel titkellem dwar “il-​qaddej tiegħi David,” li kellu jsir “ragħaj” u “sultan.” (Eżekjel 34:​23, 24; 37:​22, 24, 25) Dan m’hu ħadd ħlief Ġesù Kristu bil-​qawwa tas-​Saltna. (Rivelazzjoni 11:15) Ġeħova se “jqaddes ism[u] l-​kbir” permezz tas-​Saltna Messjanika.​—Eżekjel 36:23.

Issa dalwaqt, dawk kollha li jkasbru l-​isem qaddis t’Alla se jinqerdu. Iżda dawk li jqaddsu dan l-​isem f’ħajjithom billi jqimu lil Ġeħova b’mod aċċettabbli se jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem. Għalhekk, ejja nieħdu vantaġġ sħiħ mill-​ilmijiet tal-​ħajja li qed inixxu b’abbundanza fi żmienna u nagħmlu l-​qima vera ċ-​ċentru taʼ ħajjitna.

[Nota taʼ taħt]

a Għal diskussjoni dwar Eżekjel 1:1—​24:​27, ara “Punti Prinċipali mill-​Ktieb t’Eżekjel​—I,” fil-​ħarġa tat-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Lulju, 2007.

[Stampa f’paġna 9]

It-​tempju glorjuż fil-​viżjoni t’Eżekjel

[Stampa f’paġna 10]

X’tirrappreżenta x-​xmara tal-​ħajja fil-​viżjoni t’Eżekjel?

[Sors]

◀ Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja