LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 7/1 p. 11-p. 14 para. 8
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb t’Eżekjel—I

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Punti Prinċipali mill-Ktieb t’Eżekjel—I
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “GĦASSIES GĦAMILTEK”
  • (Eżekjel 1:1–​19:14)
  • “ĦERBA, ĦERBA, ĦERBA NAGĦMEL MINNHA”
  • (Eżekjel 20:1–​24:27)
  • Messaġġ li Huwa Ħaj u Jeżerċita l-​Qawwa
  • Ġeħova Kif Jgħinna fix-Xogħol tal-Ippritkar?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb t’Eżekjel—II
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Żomm il-Pass mal-Karru Ċelestjali taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 7/1 p. 11-p. 14 para. 8

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Ktieb t’Eżekjel​—I

IS-​SENA hija 613 Q.E.K. Il-​profeta Ġeremija qiegħed f’Ġuda, jipproklama bla biżaʼ l-​qerda li ġejja fuq Ġerusalemm u l-​ħerba taʼ l-​art taʼ Ġuda. Is-​Sultan Nabukodonosor taʼ Babilonja diġà ħa ħafna Lhud fil-​jasar. Fosthom hemm iż-​żagħżugħ Danjel u t-​tliet sħabu, li qed jaqdu fil-​palazz tal-​Kaldin. Ħafna mill-​eżiljati Lhud qegħdin max-​Xmara Kebar “fl-​art tal-​Kaldin.” (Eżekjel 1:​1-3) Ġeħova ma jħallix lil dawk l-​imjassrin mingħajr messaġġier. Hu jaħtar lil Eżekjel li għandu 30 sena bħala profeta.

Il-ktieb t’Eżekjel, li tlesta fis-​sena 591 Q.E.K., ikopri perijodu taʼ 22 sena. Eżekjel jikteb b’reqqa u bi preċiżjoni. Hu jniżżel bil-​miktub id-​dati tal-​profeziji tiegħu, u jispeċifika saħansitra l-​ġurnata u x-​xahar flimkien mas-​sena. L-​ewwel parti tal-​messaġġ t’Eżekjel tiffoka fuq il-​waqgħa u l-​qerda taʼ Ġerusalemm. It-​tieni parti tinkludi dikjarazzjonijiet kontra l-​ġnus tal-​madwar, u l-​aħħar parti hija marbuta mar-​restawrazzjoni tal-​qima taʼ Ġeħova. Dan l-​artiklu jiddiskuti l-​punti prinċipali minn Eżekjel 1:1–​24:​27, u jkopri viżjonijiet, profeziji, u reċti li għandhom x’jaqsmu maʼ dak li kellu jiġri lil Ġerusalemm.

“GĦASSIES GĦAMILTEK”

(Eżekjel 1:1–​19:14)

Wara li jingħata viżjoni taʼ l-​għaġeb tat-​tron taʼ Ġeħova, Eżekjel jirċievi l-​inkarigu tiegħu. Ġeħova jgħidlu: “Għassies għamiltek għal dar Israel. Meta tismaʼ xi kelma minn fommi, għandek tgħarrafhielhom għalija.” (Eżekjel 3:​17, Saydon) Sabiex jipprofetizza l-​assedju taʼ Ġerusalemm u l-​effetti tiegħu, Eżekjel jiġi kmandat juri x’jistaʼ jiġri billi jagħmel żewġ reċti. Meta jirreferi għall-​art taʼ Ġuda, Ġeħova jgħid permezz t’Eżekjel: “Arawni, sa nġib fuqkom ix-​xabla u neqred is-​santwarji fuq l-​għoljiet tagħkom.” (Eżekjel 6:3) Lil min joqgħod f’din l-​art jgħidlu: “Wasal iż-​żmien [t’għawġ] għalik.”​—Eżekjel 7:7.

Fis-sena 612 Q.E.K., viżjoni twassal lil Eżekjel lejn Ġerusalemm. Kemm jara ħwejjeġ taʼ min jistmerrhom iseħħu fit-​tempju t’Alla! Meta Ġeħova jibgħat il-​forzi esekuttivi tiegħu tas-​smewwiet (rappreżentati minn “sitt irġiel”) biex jesprimu l-​korla tiegħu fuq l-​apostati, dawk biss li rċivew ‘sinjal fuq ġbinhom’ (Saydon) se jiġu salvati. (Eżekjel 9:​2-6) Madankollu, fuq il-​belt l-​ewwel kellu jinxteħet “ġamar tan-​nar”​—il-​messaġġ jaħraq t’Alla dwar il-​qerda li kienet ġejja. (Eżekjel 10:2) Filwaqt li Ġeħova ‘jitlob kont tal-​ħżiena taʼ l-​imġiba tagħhom,’ hu jwiegħed li jerġaʼ jiġbor lil dawk imxerrdin f’Iżrael.​—Eżekjel 11:​17-​21.

L-ispirtu t’Alla jġib lil Eżekjel lura lejn l-​art tal-​Kaldin. Ir-​reċta tagħti stampa tal-​ħarba tas-​Sultan Sedekija u l-​poplu tiegħu minn Ġerusalemm. Il-​profeti foloz u l-​profetessi jiġu denunzjati. L-​idolatri jiġu miċħudin. Ġuda tiġi mxebbha maʼ dielja bla valur. Tixbiha tad-​dielja u l-​ajkla turi l-​konsegwenzi koroh taʼ Ġerusalemm li ddur lejn l-​Eġittu għall-​għajnuna. It-​tixbiha tintemm bil-​wegħda li Ġeħova se ‘jxettel rimja żgħira fuq il-​muntanja għolja.’ (Eżekjel 17:22) Madankollu, f’Ġuda, m’hu se jkun hemm “ebda xettru għal sultan.”​—Eżekjel 19:14.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

1:​4-​28​—Taʼ xiex jagħti stampa l-​karru ċelestjali? Il-​karru jirrappreżenta l-​parti taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova li qiegħda fis-​sema. Is-​sors taʼ qawwa tiegħu huwa l-​ispirtu taʼ Ġeħova. Ir-​Rikkieb tal-​karru, li jirrappreżenta lil Ġeħova, huwa glorjuż b’mod li ma jistax jiġi deskritt. Il-​kalma tiegħu tiġi rappreżentata minn qawsalla sabiħa.

1:​5-​11​—Min huma l-​erbaʼ ħlejjaq ħajjin? Fit-​tieni viżjoni tiegħu tal-​karru, Eżekjel identifika l-​erbaʼ ħlejjaq ħajjin bħala kerubini. (Eżekjel 10:​1-​11; 11:22) F’din id-​deskrizzjoni, hu jsejjaħ wiċċ l-​għoġol “wiċċ taʼ kerub.” (Eżekjel 10:​14, Karm Żammit) Dan huwa xieraq minħabba li l-​għoġol huwa simbolu taʼ qawwa u saħħa, u l-​kerubini huma ħlejjaq spirti b’saħħithom.

2:6​—Għala ssir referenza għal Eżekjel, b’mod ripetut, bħala li hu “bin il-​bniedem” (Saydon)? Ġeħova jindirizza lil Eżekjel b’dan il-​mod biex ifakkar lill-​profeta li l-​għamla tiegħu hi tad-​demm u l-​laħam, u għalhekk jagħmel kuntrast kbir bejn il-​messaġġier uman u l-​Oriġinatur divin tal-​messaġġ. L-​istess pożizzjoni tiġi applikata għal Ġesù Kristu madwar 80 darba fl-​Evanġelji, u turi b’mod ċar li l-​Iben t’Alla kien ġie bħala bniedem, mhux bħala spirtu materjalizzat fi bniedem.

2:9–​3:3​—Il-​ktieb taʼ tnehid u biki għala kien ħelu għasel għal Eżekjel? Dak li għamel il-​ktieb ħelu għasel għal Eżekjel kien l-​attitudni tiegħu lejn l-​inkarigu tiegħu. Eżekjel kien grat li jaqdi lil Ġeħova bħala profeta.

4:​1-​17—Eżekjel verament irreċta x-​xena fejn jidher l-​assedju li kien ġej fuq Ġerusalemm? L-​appell t’Eżekjel għall-​bidla fil-​materjal li bih jaħbeż il-​ħobż u l-​fatt li Ġeħova tah dak li talab jindika li l-​profeta fil-​fatt irreċta x-​xena. Kellu jimtedd fuq ġenbu tax-​xellug minħabba t-​390 sena taʼ żbalji tas-​saltna b’għaxar tribujiet​—mill-​bidu tagħha fis-​sena 997 Q.E.K. sal-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K. Kellu jimtedd fuq ġenbu tal-​lemin minħabba l-​40 sena taʼ dnub taʼ Ġuda, mill-​perijodu tal-​ħatra taʼ Ġeremija bħala profeta fis-​sena 647 Q.E.K. sas-​sena 607 Q.E.K. Matul il-​perijodu taʼ 430 jum, Eżekjel kien jgħaddi fuq provvista taʼ ftit ikel u ilma, u dan kien jindika b’mod profetiku li kien se jkun hemm ġuħ kbir matul l-​assedju taʼ Ġerusalemm.

5:​1-3​—X’hemm sinifikanti dwar li Eżekjel ħa ftit xagħar mill-​porzjon li kellu jtajjar mar-​riħ u jsorru f’tarf mantaru? Dan kellu jagħmlu biex juri li fdal kellu jmur lura f’Ġuda u jerġaʼ jipprattika l-​qima vera wara 70 sena taʼ ħerba.​—Eżekjel 11:​17-​20.

17:​1-​24​—Min huma ż-​żewġ ajkli kbar, il-​friegħi taċ-​ċedru kif jinqatgħu, u min hu “r-​rimja żgħira” mħawla minn Ġeħova? Iż-​żewġ ajkli jirrappreżentaw il-​ħakkiema taʼ Babilonja u l-​Eġittu. L-​ewwel ajkla tiġi fuq il-​quċċata tas-​siġra taċ-​ċedru, jiġifieri, fuq il-​ħakkiem tal-​gvern fil-​linja rjali taʼ David. Din l-​ajkla taqtaʼ l-​friegħi mill-​quċċata billi tpoġġi lil Sedekija minflok is-​Sultan Ġeħojakin taʼ Ġuda. Minkejja li għamel ħalfa taʼ lealtà, Sedekija jfittex l-​għajnuna taʼ l-​ajkla l-​oħra, il-​ħakkiem taʼ l-​Eġittu, iżda kollu għalxejn. Hu għandu jittieħed fil-​jasar u jmut f’Babilonja. Ġeħova jaqlaʼ wkoll “rimja żgħira,” is-​Sultan Messjaniku. Dan il-​Wieħed huwa mħawwel fuq “muntanja għolja u kbira,” fuq il-​Muntanja Sijon tas-​sema, fejn hu se jsir “siġra sabiħa taċ-​ċedru,” sors taʼ barkiet veri għall-​art.​—Rivelazzjoni 14:1.

Lezzjonijiet Għalina:

2:​6-8; 3:​8, 9, 18-​21. Aħna la għandna nibżgħu mill-​ħżiena u lanqas ma noqogħdu lura milli nipproklamaw il-​messaġġ t’Alla, li jinkludi twissija għalihom. Meta niffaċċjaw apatija jew oppożizzjoni, aħna għandna bżonn inkunu ebsin daqs djamant. Madankollu, aħna għandna noqogħdu attenti li ma nsirux ħorox, insensittivi, jew bla ħniena. Ġesù ħass mogħdrija lejn in-​nies li kien jippriedka, u bl-​istess mod aħna għandna nkunu motivati mill-​mogħdrija biex nippridkaw lil oħrajn.​—Mattew 9:​36.

3:​15. Wara li rċieva l-​inkarigu tiegħu, Eżekjel mar joqgħod f’Tel-abib, ‘miblugħ għal sebat ijiem,’ jimmedita fuq il-​messaġġ li kellu jiddikjara. M’għandniex aħna wkoll nieħdu l-​ħin biex nistudjaw bir-​reqqa u nimmeditaw sabiex nifhmu l-​veritajiet spiritwali li jkunu profondi?

4:1–​5:4. Kien jeħtieġ umiltà u kuraġġ min-​naħa t’Eżekjel sabiex jagħmel iż-​żewġ reċti profetiċi. Aħna wkoll għandna nkunu umli u kuraġġużi meta nwettqu l-​inkarigu li tana Alla.

7:​4, 9; 8:​18; 9:​5, 10. Aħna m’għandniex bżonn nitħassru lil dawk li jirċievu l-​ġudizzju t’Alla jew inħossu għalihom.

7:​19. Meta Ġeħova jesegwixxi l-​ġudizzju tiegħu fuq din is-​sistema, il-​flus m’hu se jkollhom ebda valur.

8:​5-​18. L-​apostasija toqtol l-​ispiritwalità. “Bi kliemu [l-apostata, NW] jagħmel ħsara ’l għajru.” (Proverbji 11:9) Aħna għandna nwarrbu saħansitra l-​ħsieb li nagħtu widen lill-​apostati.

9:​3-6. Huwa essenzjali li niksbu l-​marka​—l-​evidenza li aħna qaddejja dedikati u mgħammdin t’Alla u li għandna l-​personalità Kristjana biex nibqgħu ħajjin fit-​“tribulazzjoni l-​kbira.” (Mattew 24:21) Il-​Kristjani midlukin, rappreżentati mir-​raġel bil-​klamar tal-​linka tas-​segretarju, qed jieħdu t-​tmexxija f’li jagħmlu x-​xogħol taʼ l-​immarkar, jiġifieri, l-​ippridkar tas-​Saltna u x-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. Jekk irridu nżommu l-​marka tagħna, aħna għandna ngħinuhom b’mod żeluż f’dan ix-​xogħol.

12:​26-​28. Anki dawk li waqqgħu għaċ-​ċajt il-​messaġġ tiegħu, Eżekjel kellu jgħidilhom: “Ebda kelma minn [taʼ Ġeħova] ma tiddawwar biex tasal.” Aħna għandna nagħmlu kulma nistgħu biex ngħinu lil oħrajn ipoġġu fiduċja f’Ġeħova qabel ma hu jġib tmiem għal din is-​sistema dinjija.

14:​12-​23. Hija responsabbiltà persunali tagħna li niksbu s-​salvazzjoni. Ħadd ma jistaʼ jagħmel dan għalina.​—Rumani 14:12.

18:​1-​29. Aħna responsabbli għall-​konsegwenzi taʼ l-​azzjonijiet tagħna stess.

“ĦERBA, ĦERBA, ĦERBA NAGĦMEL MINNHA”

(Eżekjel 20:1–​24:27)

Fis-​sebaʼ sena taʼ l-​eżilju, fis-​sena 611 Q.E.K., ix-​xjuħ taʼ Iżrael jiġu għand Eżekjel biex “jistħarrġu lill-​Mulej.” Huma jisimgħu l-​istorja twila taʼ l-​irvell taʼ Iżrael u twissija li Ġeħova se ‘jislet ix-​xabla tiegħu’ kontrihom. (Eżekjel 20:1; 21:8 [21:​3, NW]) Ġeħova jgħid lill-​kap taʼ Iżrael (Sedekija): “Neħħi t-​turbant, aqlaʼ l-​kuruna! Li kien m’għadux li kien! Min hu minn taħt jitgħolla, u min hu minn fuq jitniżżel! Ħerba, ħerba, ħerba nagħmel minnha! Hekk tibqaʼ sakemm jasal min għandu dritt fuqha [Ġesù Kristu], u nagħtihielu.”​—Eżekjel 21:​31, 32 (21:​26, 27, NW).

Ġerusalemm tiġi akkużata b’għemil ħażin. Il-​ħtija t’Oħola (Iżrael) u t’Oħoliba (Ġuda) tinkixef. Oħola diġà ngħatat “f’idejn ħbiebha, f’idejn ulied l-​Assirja.” (Eżekjel 23:9) Il-​ħerba t’Oħoliba tinsab fil-​qrib. Fis-​sena 609 Q.E.K. jibda l-​assedju taʼ Ġerusalemm li dam sejjer 18-il xahar. Meta fl-​aħħar taqaʼ l-​belt, il-​Lhud se jkunu wisq mistagħġbin biex jesprimu d-​diqa tagħhom. Eżekjel ma jistax jitkellem dwar il-​messaġġ t’Alla maʼ dawk eżiljati sakemm jirċievi rapport tal-​qerda tal-​belt mill-​“bniedem maħrub.”​—Eżekjel 24:​26, 27.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

21:8 (21:​3, NW)​—X’inhi x-​“xabla” li Ġeħova jislet minn għantha? Ix-​“xabla” li Ġeħova juża biex jesegwixxi l-​ġudizzju tiegħu fuq Ġerusalemm u Ġuda tagħti prova li hi s-​Sultan Babiloniż Nabukodonosor u l-​armata tiegħu. Din setgħet inkludiet ukoll il-​parti taʼ l-​organizzazzjoni t’Alla li qiegħda fis-​sema li tikkonsisti fi ħlejjaq spirti setgħanin.

24:​6-​14​—Is-​sadid tal-​borma x’jirrappreżenta? Ġerusalemm taħt l-​assedju tiġi mxebbha maʼ borma. Is-​sadid tagħha jirrappreżenta l-​ħmieġ morali tal-​belt​—in-​nuqqas taʼ ndafa, il-​kondotta laxka, u l-​qtil li għalihom hi responsabbli. Tant hu kbir in-​nuqqas taʼ ndafa tagħha li saħansitra lanqas jekk tikwi borma vojta fuq il-​ħatab ma jitlaq is-​sadid.

Lezzjonijiet Għalina:

20:​1; 21:5 (20:​49, NW). It-​tweġiba taʼ l-​irġiel xjuħ taʼ Iżrael turi li huma kienu xettiċi dwar dak li qal Eżekjel. Jalla qatt ma nkunu xettiċi dwar it-​twissijiet divini.

21:​23-​27 (21:​18-​22, NW). Avolja Nabukodonosor uża s-​seħer, kien Ġeħova li għamel żgur li l-​ħakkiema pagani jiġu kontra Ġerusalemm. Dan juri li lanqas id-​demonji ma jistgħu jwaqqfu lill-​aġenti esekuttivi taʼ Ġeħova milli jwettqu l-​iskop tiegħu.

22:​6-​16. Ġeħova jobgħod il-​kalunnji, il-​kondotta laxka, l-​abbuż tal-​poter, u t-​tixħim. Aħna għandna nkunu sodi fid-​determinazzjoni tagħna biex nevitaw għemil ħażin bħal dan.

23:​5-​49. L-​alleanzi politiċi wasslu lil Iżrael u lil Ġuda biex jadottaw il-​qima falza taʼ l-​alleati tagħhom. Ħalli ngħassu kontra li nifformaw rabtiet dinjin li jistgħu jeqirdulna l-​fidi.​—Ġakbu 4:4.

Messaġġ li Huwa Ħaj u Jeżerċita l-​Qawwa

Kemm nitgħallmu lezzjonijiet sbieħ mill-​ewwel 24 kapitlu tal-​ktieb Bibliku t’Eżekjel! Il-​prinċipji mniżżlin fih juru xi jwassal biex jintilef il-​favur t’Alla, kif nistgħu nirċievu l-​ħniena tiegħu, u għala għandna nwissu lill-​ħżiena. Il-​profezija rigward il-​qerda taʼ Ġerusalemm tpinġi ċar lil Ġeħova bħala Alla li lin-​nies tiegħu ‘jħabbrilhom ħwejjeġ ġodda, u jsemmagħhomlhom qabel ma jinbtu.’​—Isaija 42:9.

Profeziji bħal dawk imniżżlin f’Eżekjel 17:​22-​24 u 21:​31, 32 (21:​26, 27, NW) jippontaw lejn il-​fatt li s-​Saltna Messjanika ġiet stabbilita fis-​sema. Dalwaqt, din il-​ħakma se twassal biex ir-​rieda t’Alla tintgħamel fuq l-​art. (Mattew 6:​9, 10) B’fidi u konvinzjoni qawwijin aħna nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn il-​barkiet tas-​Saltna. Iva, “il-​kelma t’Alla hi ħajja u qawwija.”​—Ebrej 4:​12.

[Stampa f’paġna 12]

X’jiffigura l-​karru ċelestjali?

[Stampa f’paġna 14]

Li jkollna sehem żeluż fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar jgħinna nżommu l-​“marka” tagħna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja