LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 4/1 pp. 28-31
  • Il-Qima lil Bagħal—It-Taqbida għall-Qlub taʼ l-Iżraeliti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Qima lil Bagħal—It-Taqbida għall-Qlub taʼ l-Iżraeliti
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Min Kien Bagħal?
  • Għala Daqstant Attraenti?
  • Huma Mxew bil-​Viżjoni, mhux bil-​Fidi
  • Min Ħareġ Rebbieħ?
  • Twissijiet mill-​Qima lil Bagħal
  • Inżommu Sodi fl-​Integrità Tagħna
  • Hu Ddefenda l-Qima Pura
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Ġeħova juri li hu l-Alla l-veru
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Issa Huwa ż-Żmien għal Azzjoni Deċiżiva
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Iddefenda l-Qima Pura
    Imita l-Fidi Tagħhom
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 4/1 pp. 28-31

Il-​Qima lil Bagħal—It-​Taqbida għall-​Qlub taʼ l-​Iżraeliti

Għal kważi elf sena, kien hemm taqbida ħarxa għaddejja sabiex jintrebħu l-​qlub tal-​ġens Iżraelit. Fuq naħa waħda kien hemm il-​biżaʼ superstizzjuż u r-​riti sesswali u fuq in-​naħa l-​oħra l-​fidi u l-​lealtà. Din il-​battalja taʼ ħajja jew mewt ġelldet il-​qima lil Bagħal mal-​qima lil Jehovah.

KIEN il-​ġens taʼ Iżrael se jżomm sod lealment maʼ dak Alla veru li ħariġhom mill-​Eġittu? (Eżodu 20:2, 3) Jew kien se jaqaʼ għal Bagħal, l-​alla favorit taʼ Kangħan, li wiegħed li jagħmel l-​art fertili?

Din it-​taqbida spiritwali, miġġielda eluf taʼ snin ilu, hija taʼ importanza għalina. Għala? “Dan kollu,” kiteb l-​appostlu Pawlu, “[i]nkiteb bi twiddiba għalina li fuqna wasal tmiem iż-​żminijiet.” (1 Korintin 10:11) It-​twissija fundamentali wara dan il-​konflitt storiku tagħmel iktar sens jekk nifhmu min kien Bagħal, u x’kienet tinvolvi l-​qima lil Bagħal.

Min Kien Bagħal?

L-​Iżraeliti saru jafu b’dan Bagħal meta waslu f’Kangħan, madwar is-​sena 1473 Q.E.K. Huma sabu li l-​Kangħaniti kienu jqimu ruxxmata t’allat li ma kinux wisq differenti mill-​allat taʼ l-​Eġittu, għalkemm kellhom ismijiet u xi karatteristiċi differenti. Il-​Bibbja madankollu tiddistingwi lil Bagħal bħala l-​alla prinċipali tal-​Kangħaniti, u sejbiet arkeoloġiċi jikkonfermaw is-​superjorità tiegħu. (Mħallfin 2:11) Għalkemm Bagħal ma kienx l-​alla suprem tal-​panteon tagħhom, hu kien l-​iktar alla meqjus mill-​Kangħaniti. Huma kienu jemmnu li dan kellu s-​setgħa fuq ix-​xita, ir-​riħ, u s-​sħab u li hu biss setaʼ jsalva lill-​poplu tiegħu​—kif ukoll lill-​annimali u lill-​prodotti tagħhom—​mill-isterilità jew saħansitra mill-​mewt. Mingħajr il-​protezzjoni taʼ Bagħal, Mot, alla Kangħanit vendikattiv, żgur li kien iġib xi saram fuqhom.

Il-qima lil Baal kienet miżgħuda bir-​riti sesswali. Anki l-​oġġetti reliġjużi konnessi maʼ Bagħal, bħall-​plieri sagri u l-​arbli sagri, kellhom konnotazzjonijiet sesswali. Milli jidher, il-​plieri sagri​—blat jew ġebel minqux fil-​forma taʼ simbolu falliku—​kienu jirrappreżentaw lil Bagħal, il-​parti maskili taʼ l-​unjoni sesswali. L-​arbli sagri, min-​naħa l-​oħra, kienu oġġetti taʼ l-​injam jew siġar li kienu jirrappreżentaw lil Asera, is-​sieħba taʼ Bagħal u l-​element femminili.—1 Slaten 18:19.

Il-prostituzzjoni fit-​tempju u s-​sagrifiċċji tat-​tfal kienu aspetti prominenti oħrajn tal-​qima lil Bagħal. (1 Slaten 14:23, 24; 2 Kronaki 28:2, 3) Il-​ktieb The Bible and Archaeology jgħid: “Fit-​tempji tal-​Kangħaniti kien hemm prostituti rġiel u nisa (irġiel u nisa ‘sagri’) u kienu jiġu pprattikati kull tip t’atti sesswali bla qjies. [Il-Kangħaniti] kienu jemmnu li b’xi mod dawn ir-​riti kienu jikkaġunaw il-​prosperità tal-​prodotti u l-​merħliet.” Almenu, din kienet il-​ġustifikazzjoni reliġjuża, għalkemm immoralità bħal din żgur li kienet tappella għax-​xewqat tal-​ġisem taʼ l-​adoraturi. Kif, allura, irnexxielu Bagħal jisseduċi l-​qlub taʼ l-​Iżraeliti?

Għala Daqstant Attraenti?

Forsi ħafna Iżraeliti kienu jippreferu jipprattikaw reliġjon li kienet titlob ftit affarijiet biss mingħandhom. F’li jqimu lil Bagħal, kienu se jiffrankaw li joqogħdu josservaw il-​Liġi, bħal per eżempju s-​Sabat u l-​ħafna restrizzjonijiet morali. (Levitiku 18:2-30; Dewteronomju 5:1-3) Jistaʼ jkun li l-​ġid materjali li kienu jgawdu l-​Kangħaniti kkonvinċa lil xi wħud li Bagħal ma kienx taʼ min jirrabjah.

Is-santwarji Kangħaniti, magħrufin bħala għoljiet u misjubin f’imsaġar f’xi parti maħruġa ’l barra taʼ xi muntanja, żgur li kienu joħolqu ambjent attraenti għar-​riti tal-​fertilità li kienu jiġu pprattikati hemmhekk. F’qasir żmien, l-​Iżraeliti ma kkuntentawx b’li jżuru dawn il-​postijiet sagri tal-​Kangħaniti; baqgħu sakemm bnew tagħhom. “U bnew huma wkoll is-​santwarji, il-​plieri tal-​ġebel u x-​xbihat taʼ l-​Asera fuq kull għolja u taħt kull siġra tħaddar.”—1 Slaten 14:23; Hosegħa 4:13.

Imma l-​iktar importanti, il-​qima lil Bagħal kienet togħġob lill-​ġisem. (Galatin 5:19-21) Il-​prattiċi senswali kienu jmorru lil hinn mix-​xewqa għal uċuħ tar-​rabaʼ u merħliet produttivi. Is-​sess kien igglorifikat. Dan huwa evidenti mill-​ħafna figurini li nstabu, b’fattizzi sesswali esaġerati u li juru tqanqil sesswali. L-​iffesteġġjar, iż-​żfin, u l-​mużika kienu jwittu t-​triq għal imġiba bla rażan.

Nistgħu nimmaġinaw xena tipika fil-​bidu tal-​ħarifa. Fi sfond naturali li jispikka, l-​adoraturi għaddejjin jiżfnu, fgati bl-​iffesteġġjar u stimulati bl-​inbid. L-​intenzjoni taż-​żifna tagħhom tal-​fertilità hi li tqajjem lil Bagħal mill-​inattività tiegħu tas-​sajf sabiex l-​art titbierek bix-​xita. Huma jduru u jduru mal-​plieri falliċi u l-​arbli sagri. Iċ-​ċaqliq, partikolarment dak tal-​prostituti tat-​tempju, huwa erotiku u senswali. Il-​mużika u l-​udjenza jkomplu jġennuhom. U x’aktarx li, fil-​quċċata taż-​żifna, iż-​żeffiena jmorru fil-​kmamar tad-​dar taʼ Bagħal biex iwettqu relazzjonijiet immorali.—Numri 25:1, 2; qabbel Eżodu 32:6, 17-19; Għamos 2:8.

Huma Mxew bil-​Viżjoni, mhux bil-​Fidi

Filwaqt li għamla taʼ qima senswali bħal din ġibdet lil ħafna nies, il-​biżaʼ wkoll ġiegħel lill-​Iżraeliti biex iqimu lil Bagħal. Hekk kif l-​Iżraeliti tilfu l-​fidi li kellhom f’Jehovah, il-​biżaʼ mill-​mejtin, il-​biżaʼ mill-​futur, u s-​seħer taʼ l-​okkult wassluhom biex jipprattikaw l-​ispiritiżmu, li bħala riżultat kien jinvolvi riti perversi għall-​aħħar. The International Standard Bible Encyclopedia tiddeskrivi kif il-​Kangħaniti kienu jonoraw l-​ispirtu li joħroġ mill-​ġisem bħala parti mill-​qima lill-​antenati: “Festi . . . kienu jiġu ċċelebrati fil-​qabar tal-​familja jew fejn jidfnu l-​mejtin b’sokor u sesswalità ritwali (x’aktarx bl-​inċest involut) fejn kien maħsub li l-​mejtin kienu jieħdu sehem.” Is-​sehem fi prattiċi spiritistiċi u degradanti bħal dawn biegħed iktar u iktar lill-​Iżraeliti minn Jehovah, dak Alla tagħhom.—Dewteronomju 18:9-12.

L-​idoli​—u ritwali relatati—​attiraw ukoll lil dawk l-​Iżraeliti li ppreferew jimxu bil-​viżjoni minflok bil-​fidi. (2 Korintin 5:7) Saħansitra wara li raw mirakli spettakolari mill-​id inviżibbli taʼ Jehovah, ħafna Iżraeliti li kienu ħallew l-​Eġittu ħassew il-​bżonn taʼ xi ħaġa li setgħu jarawha b’għajnejhom sabiex tibqaʼ tfakkarhom fih. (Eżodu 32:1-4) Bl-​istess mod, xi wħud mid-​dixxendenti tagħhom xtaqu li jqimu xi ħaġa viżibbli, bħalma kienu l-​idoli taʼ Bagħal.—1 Slaten 12:25-30.

Min Ħareġ Rebbieħ?

It-​taqbida għall-​qlub taʼ l-​Iżraeliti kompliet tbaqbaq għal sekli sħaħ, minn meta waslu fil-​pjanuri taʼ Mowab ftit qabel ma daħlu fl-​Art Imwegħda sakemm ittieħdu lejn Babilonja. Mid-​dehra l-​vantaġġ kien daqqa jxaqleb ’l hawn u daqqa ’l hemm. Xi kultant, il-​maġġuranza taʼ l-​Iżraeliti kienu jibqgħu leali lejn Jehovah, imma taʼ spiss kienu jduru lejn Bagħal. Raġuni prinċipali għal dan kienet l-​assoċjazzjoni tagħhom man-​nies pagani taʼ madwarhom.

Wara t-​telfa militari tagħhom, il-​Kangħaniti bdew jiġġieldu b’mezzi iktar sottili. Huma kienu jgħixu qrib l-​Iżraeliti u inkuraġġew il-​konkwistaturi tagħhom biex jadottaw l-​allat tal-​pajjiż. Imħallfin kuraġġużi bħal Gidgħon u Samwel irreżistew din it-​tendenza. Samwel ħeġġeġ lin-​nies: “Neħħu minn nofskom l-​allat barranin . . . , orbtu qalbkom mal-​Mulej, u aqdu lilu biss.” Għal xi żmien l-​Iżraeliti taw każ il-​parir taʼ Samwel, u “warrbu minn nofshom lill-​allat Bagħlim u Għastarot, u bdew jaqdu l-​Mulej waħdu.”—1 Samwel 7:3, 4; Mħallfin 6:25-27.

Wara s-​saltniet taʼ Sawl u David, fi xjuħitu Salamun beda jagħmel sagrifiċċji lil allat barranin. (1 Slaten 11:4-8) Slaten oħrajn taʼ Iżrael u Ġuda għamlu l-​istess u baxxew rashom għal Bagħal. Minkejja dan, profeti u slaten leali, bħal Elija, Eliżew, u Ġosija, kienu minn taʼ quddiem f’li jiġġieldu kontra l-​qima lil Bagħal. (2 Kronaki 34:1-5) Barra minn hekk, matul dan il-​perijodu fl-​istorja Iżraelita, kien hemm individwi li baqgħu leali lejn Jehovah. Saħansitra matul iż-​żmien taʼ Aħab u Ġeżabel, meta l-​qima lil Bagħal kienet laħqet il-​quċċata, sebat elef ruħ irrifjutaw li jinżlu “għarkubbtejhom quddiem Bagħal.”—1 Slaten 19:18.

Fl-aħħar, wara li l-​Lhud irritornaw mill-​eżilju f’Babilonja, il-​qima lil Bagħal ma terġax tissemma. Bħal dawk l-​uħud imsemmijin f’Esdra 6:21, ilkoll kemm huma “nqatgħu mit-​tinġis tan-​nies taʼ l-​art, biex ifittxu lill-​Mulej, Alla taʼ Iżrael.”

Twissijiet mill-​Qima lil Bagħal

Għalkemm il-​qima lil Bagħal ilha li għebet għalkollox, dik ir-​reliġjon Kangħanita u s-​soċjetà tal-​lum għandhom ħaġa komuni bejniethom​—il-​glorifikazzjoni tas-​sess. It-​tħajjir għall-​immoralità donnu qiegħed fl-​istess arja li nibilgħu. (Efesin 2:2) “Il-​ġlieda tagħna hija kontra l-​qawwa li ma tidhirx li tikkontrolla din id-​dinja mudlama, u aġenti spiritwali mill-​qalba nfisha tal-​ħażen,” Pawlu jwissi.—Efesin 6:12, Phillips.

Din il-​“qawwa li ma tidhirx” taʼ Satana tippromwovi l-​immoralità sesswali sabiex tjassar lin-​nies spiritwalment. (Ġwann 8:34) Fis-​soċjetà permissiva tal-​lum, l-​abbandun sesswali m’huwiex ipprattikat bħala rit tal-​fertilità imma, pjuttost, bħala mezz kif wieħed isib sodisfazzjon persunali jew biex jagħmel dak li jrid. U l-​propaganda hija daqstant persważiva. Permezz tad-​divertiment, tal-​mużika, u tar-​reklami, il-​messaġġi sesswali jimlew għalkollox il-​ħsibijiet u s-​sentimenti tan-​nies. Il-​qaddejja t’Alla m’humiex eżentati minn dan l-​attakk. Fil-​fatt, il-​maġġuranza taʼ dawk li jinqatgħu mis-​sħubija tal-​kongregazzjoni Kristjana huma individwi li waqgħu għal prattiċi bħal dawn. Kristjan jibqaʼ safi biss jekk jiċħad kontinwament dawn is-​suġġestjonijiet immorali.—Rumani 12:9.

Ix-Xhieda żgħażagħ huma esposti b’mod speċjali għall-​periklu, peress li ħafna mill-​affarijiet li jolqtuhom huma ppreżentati b’appell għas-​sess. Biex iktar tkun diffiċli għalihom, dawn ikollhom jirreżistu l-​influwenza taʼ żgħażagħ oħrajn li jipprovaw iħajruhom. (Qabbel Proverbji 1:10-15.) Ħafna kienu dawk li spiċċaw fl-​inkwiet, bħal per eżempju, waqt laqgħat soċjali kbar. L-​istess bħal fil-​qima lil Bagħal fl-​antik, il-​mużika, iż-​żfin, u l-​attrazzjoni sesswali flimkien iħawdu l-​irjus.—2 Timotju 2:22.

“Kif jistaʼ żagħżugħ jimxi safi fi triqtu?” staqsa s-​salmista. “Billi jħares il-​kelma tiegħek,” wieġeb hu. (Salm 119:9) Sewwa sew bħalma l-​Liġi t’Alla kkmandat lill-​Iżraeliti biex jevitaw is-​sħubija mill-​qrib mal-​Kangħaniti, bl-​istess mod il-​Bibbja tiftħilna għajnejna dwar il-​perikli taʼ sħubija bla għaqal. (1 Korintin 15:32, 33) Żagħżugħ Kristjan juri l-​maturità tiegħu meta jkun kapaċi jgħid le għal xi ħaġa li togħġob lill-​ġisem imma li jkun jaf li hija taʼ ħsara moralment. Bħal-​leali Elija, aħna ma nistgħux nimxu mal-​bqija tal-​kurrent u nħallu lil ħaddieħor jiddeċiedi x’għandna nagħmlu.—1 Slaten 18:21; qabbel Mattew 7:13, 14.

Twissija oħra tirrigwarda n-​nuqqas taʼ fidi, id-​“dnub li malajr ifixkilna.” (Lhud 12:1) Mid-​dehra, ħafna mill-​Iżraeliti baqgħu jemmnu f’Jehovah, imma kienu jħarsu lejn Bagħal bħala dak l-​alla li kien se jipproteġilhom il-​prodotti u jipprovdilhom il-​bżonnijiet taʼ kuljum. Forsi kienu jħossu li t-​tempju taʼ Jehovah f’Ġerusalemm kien wisq ’il bogħod u ma kienx prattiku li żżomm mal-​liġijiet tiegħu. Il-​qima lil Bagħal tant kienet konvenjenti u titlob ftit minnhom​—setgħu saħansitra jaħarqu l-​inċens lil Bagħal minn fuq il-​bjut tad-​djar tagħhom. (Ġeremija 32:29) Jistaʼ jkun li huma spiċċaw iqimu lil Bagħal billi għall-​ewwel bdew jieħdu sehem f’xi ftit mir-​riti jew anki billi jagħmlu offerti lil Bagħal f’isem Jehovah.

Kif nistgħu nitilfu l-​fidi u bil-​mod il-​mod nitbegħdu minn Alla l-​ħaj? (Lhud 3:12) Nistgħu bil-​mod il-​mod nitilfu l-​apprezzament li kellna qabel għal-​laqgħat u l-​assembleat. Attitudni bħal din tikxef nuqqas taʼ fiduċja fil-​provvediment taʼ ikel spiritwali li Jehovah ‘jagħtina nieklu fil-​ħin.’ (Mattew 24:45-47) Jekk nispiċċaw niddgħajfu kaġun t’hekk, għandna mnejn ma nibqgħux ‘inżommu sħiħ il-​kelma tal-​ħajja’ jew saħansitra niżviluppaw qalb maqsuma, u forsi nispiċċaw naqgħu għal wara kisbiet materjalistiċi jew l-​immoralità.—Filippin 2:16; qabbel Salm 119:113.

Inżommu Sodi fl-​Integrità Tagħna

Mingħajr ebda dubju, illum għaddejja taqbida għall-​qalb. Se nibqgħu leali lejn Jehovah jew se nintilfu wara l-​għajxien laxk taʼ din id-​dinja? B’dispjaċir, sewwa sew bħalma l-​Iżraeliti waqgħu għal prattiċi baxxi Kangħaniti, illum xi rġiel u nisa Kristjani ġew imħajrin jikkommettu atti taʼ mistħija.—Qabbel Proverbji 7:7, 21-23.

Telfa spiritwali bħal din tistaʼ tiġi evitata jekk aħna, bħal Mosè, ‘inżommu iebes daqs li kieku qegħdin naraw lil Alla li ma jidhirx.’ (Lhud 11:27) Tabilħaqq, jeħtieġ li ‘nissieltu bil-​ħeġġa għall-​fidi.’ (Ġuda 3, KŻ) Imma billi nibqgħu leali lejn Alla tagħna u l-​prinċipji tiegħu, nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn iż-​żmien meta l-​qima falza tgħib għal dejjem. Sewwa sew bħalma l-​qima lil Jehovah iddominat fuq il-​qima lil Bagħal, daqstant ieħor nistgħu nkunu ċerti li dalwaqt ‘l-​art se tkun mimlija bl-​għarfien tal-​Mulej bħalma l-​baħar hu miksi bl-​ilmijiet.’—Isaija 11:9.

[Stampa f’paġna 31]

Ir-​rovini f’Geżer tal-​plieri sagri wżati fil-​qima lil Bagħal

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 28]

Musée du Louvre, Paris

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja