LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 1/1 pp. 18-21
  • Hu Ddefenda l-Qima Pura

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hu Ddefenda l-Qima Pura
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Battalja Twila Tasal għall-​Qofol Tagħha
  • “Titlajjaw” —Kif?
  • Prova Deċiżiva
  • It-​Tweġiba
  • Iddefenda l-Qima Pura
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Ġeħova juri li hu l-Alla l-veru
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Se Tkun Int Leali Bħal Elija?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Kiseb il-Faraġ Mingħand Alla Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 1/1 pp. 18-21

Imita l-​Fidi Tagħhom

Hu Ddefenda l-​Qima Pura

ELIJA ħares lejn il-​folla tielgħa bi tbatija fuq il-​Muntanja Karmel. Minkejja li kien għadu qed ibexbex, il-​faqar u l-​għaks li kienu qed jagħfsu fuq dawn in-​nies kienu jidhru sew. In-​nixfa li damet tliet snin u nofs kienet ħalliet il-​marka tagħha fuqhom.

Fosthom kien hemm l-​450 profeta taʼ Bagħal, mexjin dritti dritti u kburin, b’qalb mimlija mibegħda għal Elija, il-​profeta taʼ Ġeħova. Is-​Sultana Ġeżabel kienet qatlet ħafna mill-​qaddejja taʼ Ġeħova, iżda dan ir-​raġel kien għadu jżomm sod kontra l-​qima taʼ Bagħal. Però, kemm setaʼ jdum iktar? Forsi dawk il-​qassisin irraġunaw li raġel waħdu ma setaʼ qatt jibqaʼ sod kontrihom ilkoll. (1 Slaten 18:3, 19, 20) Is-​Sultan Aħab ġie wkoll, riekeb fil-​karru rjali tiegħu. Lanqas hu ma kien iġerrgħu lil Elija.

Lil dan l-​uniku profeta veru kien qed jistennieh jum mhux bħall-​oħrajn. Quddiem għajnejn Elija kienet qed titħejja x-​xena għal waħda mill-​akbar konfrontazzjonijiet drammatiċi li qatt rat id-​dinja, dik taʼ bejn it-​tajjeb u l-​ħażin. Kif ħassu Elija hekk kif beda jisbaħ? Bħala “raġel b’sentimenti bħal tagħna,” żgur li kien xi daqsxejn beżgħan. (Ġakbu 5:17) Minn taʼ lanqas nistgħu nkunu ċerti minn ħaġa waħda: Imdawwar b’nies bla fidi, bis-​sultan apostata tagħhom, u b’dawk il-​qassisin qattilin, min jaf kemm ħassha Elija li kien waħdu.—1 Slaten 18:22.

Iżda, x’wassal lil Iżrael għal din il-​kriżi? U int illum x’għandek x’taqsam maʼ dan ir-​rakkont? Il-​Bibbja tħeġġiġna nirriflettu fuq il-​qaddejja devoti t’Alla u ‘nimitaw il-​fidi tagħhom.’ (Ebrej 13:7) Issa kkunsidra l-​eżempju t’Elija.

Battalja Twila Tasal għall-​Qofol Tagħha

Għal parti kbira minn ħajtu, Elija qagħad iħares, bla ma setaʼ jagħmel xejn, hekk kif l-​isbaħ ħaġa li kellhom pajjiżu u niesu tiġi mwarrba u kalpestata. Iżrael kien ilu żmien twil għaddej minn battalja, jissielet jekk jagħżilx ir-​reliġjon pura jew dik falza, il-​qima t’Alla Ġeħova jew l-​idolatrija tal-​ġnus taʼ madwar. Fi żmien Elija, din il-​battalja kompliet sejra iżjed għall-​agħar.

Is-Sultan Aħab kien iżżewweġ lil Ġeżabel, bint is-​sultan taʼ Sidon. Ġeżabel kienet determinata li xxerred il-​qima taʼ Bagħal mal-​pajjiż taʼ Iżrael u tqaċċat kompletament il-​qima taʼ Ġeħova. Aħab ma damx ma ċeda għall-​influwenza tagħha. Hu bena tempju u artal lil Bagħal u kien minn taʼ quddiem fil-​qima taʼ dan l-​alla pagan. Hu offenda ferm lil Ġeħova.—1 Slaten 16:30-33.a

X’għamel il-​qima taʼ Bagħal daqstant offensiva? Din qarrqet bil-​poplu taʼ Iżrael, u ħajret lil ħafna minnhom jitbiegħdu mill-​Alla l-​veru. Kienet ukoll reliġjon imħassra u brutali. Kienet tinvolvi prostituzzjoni fit-​tempju kemm taʼ rġiel kif ukoll taʼ nisa, tbahrid sesswali, saħansitra l-​issagrifikar tat-​tfal. Ġeħova rreaġixxa billi bagħat lil Elija għand Aħab sabiex iħabbarlu li kien se jkun hemm nixfa, u li din kienet se ddum sakemm il-​profeta t’Alla jħabbar it-​tmiem tagħha. (1 Slaten 17:1) Laħqu għaddew diversi snin sakemm Elija deher quddiem Aħab u qallu biex jiġmaʼ l-​poplu u l-​profeti taʼ Bagħal fuq il-​Muntanja Karmel.

Iżda din il-​battalja xi tfisser għalina llum? Xi wħud għandhom mnejn jaħsbu li storja dwar il-​qima taʼ Bagħal ma tapplikax għal żmienna, ladarba madwarna ma naraw l-​ebda tempju jew artal dedikat lil Bagħal. Imma dan ir-​rakkont m’huwiex sempliċement ġrajja storika antika. (Rumani 15:4) Il-​kelma “Bagħal” tfisser “sid” jew “kap.” Ġeħova qal lin-​nies tiegħu li huma kellhom jagħżluh bħala l-​“bagħal” tagħhom, jew sidhom bħal raġel miżżewweġ. (Isaija 54:5, NW) Ma taqbilx int li n-​nies għadhom jaqdu għadd taʼ sidien oħrajn minflok lil Alla li Jistaʼ Kollox? Iva, meta n-​nies jużaw ħajjithom biex jiġru wara l-​flus, il-​karriera, ir-​rikreazzjoni, il-​pjaċiri sesswali, jew xi wieħed mill-​allat bla għadd li jiġu meqjumin minflok Ġeħova, huma jkunu qed jagħżlu sid. (Mattew 6:24; Rumani 6:16) Għalhekk, sa ċertu punt, l-​iktar aspetti qawwijin li kienu jikkaratterizzaw il-​qima taʼ Bagħal għadhom jeżistu llum. Il-​ġlieda antika bejn Ġeħova u Bagħal tistaʼ tgħinna nieħdu deċiżjoni għaqlija rigward lil min irridu naqdu.

“Titlajjaw” —Kif?

Minn fuq il-​quċċata tal-​Muntanja Karmel, li hija esposta għall-​irjieħ, wieħed jistaʼ jġib taħtu parti kbira mill-​art taʼ Iżrael—mill-​wied taʼ Kison sal-​Baħar il-​Kbir (il-Baħar Mediterran), li qiegħed fil-​qrib, sal-​muntanji tal-​Libanu fl-​orizzont imbiegħed fit-​tramuntana.b Imma hekk kif telgħet ix-​xemx f’dan il-​jum hekk importanti, il-​veduta kienet waħda taʼ swied il-​qalb. L-​art li Ġeħova kien taha lil ulied Abraham u li darba kienet fertili, issa kienet bħallikieku f’dell il-​mewt. Issa kienet art fejn ix-​xemx kienet tisreġ fuqha bla ħniena, rovinata minħabba l-​bluha tal-​poplu t’Alla stess! Hekk kif dawn in-​nies inġemgħu flimkien, Elija resaq lejhom u qal: “Kemm se ddumu titlajjaw minn naħa għal oħra? Jekk il-​Mulej hu Alla, morru warajh; inkella morru wara Bagħal, jekk inhu hu.”—1 Slaten 18:21.

X’ried ifisser Elija bl-​espressjoni “titlajjaw minn naħa għal oħra”? Sewwa, dawk in-​nies ma rrealizzawx li huma kellhom jagħżlu bejn il-​qima taʼ Ġeħova u l-​qima taʼ Bagħal. Huma ħasbu li setgħu jqimu lit-​tnejn—jibqgħu ħbieb maʼ Bagħal bir-​ritwali moqżieża tagħhom u fl-​istess ħin jitolbu lil Alla Ġeħova biex jgħinhom. Forsi huma rraġunaw li Bagħal kien se jberkilhom l-​uċuħ tar-​rabaʼ u l-​imrieħel tagħhom, waqt li Ġeħova “l-​Mulej taʼ l-​eżerċti” se jipproteġihom fil-​battalji. (1 Samwel 17:45) Imma kienu nsew verità bażika—verità li ħafna nies illum għadhom ma fehmuhiex—li Ġeħova ma jaqsam il-​qima tiegħu maʼ ħadd. Hu bi dritt jitlob u jistħoqqlu devozzjoni esklużiva. Kull qima lejh li tkun imħallta maʼ xi forma taʼ qima oħra m’hijiex aċċettabbli għalih, anzi toffendih!—Eżodu 20:5.

Għaldaqstant, dawn l-​Iżraelin kienu qed ‘jitlajjaw’ bħal bniedem li jipprova jimxi f’żewġ toroq f’daqqa. Ħafna nies jagħmlu dan l-​istess żball illum, billi jħallu lil xi “bagħal” ieħor jidħol inkiss inkiss f’ħajjithom, u jieħu post il-​qima t’Alla! L-​istedina urġenti u ċara t’Elija biex ma nibqgħux nitlajjaw tistaʼ tgħinna neżaminaw mill-​ġdid il-​prijoritajiet u l-​qima tagħna.

Prova Deċiżiva

Elija mbagħad ippropona li ssir prova. Din kienet sempliċi ħafna. Il-​qassisin taʼ Bagħal kellhom iwaqqfu artal u jpoġġu annimal tas-​sagrifiċċju fuqu; imbagħad jitolbu lill-​alla tagħhom biex iqabbad in-​nar. Elija kellu jagħmel l-​istess. Hu qal: “Dak l-​alla li jwieġeb permezz tan-​nar, dan ikun hu Alla.” Elija kien jaf tajjeb min kien l-​Alla l-​veru. Tant kellu fidi b’saħħitha li ma qagħadx jaħsibha imma ħalla l-​profeti taʼ Bagħal jibdew huma. Hu ta lill-​opponenti tiegħu kull vantaġġ, billi ħalliehom jagħżlu l-​gendus għas-​sagrifiċċju tagħhom u jersqu quddiem Bagħal l-​ewwel.c—1 Slaten 18:24, 25.

Fi żmienna ma jseħħux mirakli bħal dawn. Minkejja dan, Ġeħova ma nbidilx. Aħna jistaʼ jkollna l-​istess fiduċja fih li kellu Elija. Per eżempju, meta oħrajn ma jaqblux maʼ dak li tgħallem il-​Bibbja, m’għandniex għalfejn nibżgħu li nħalluhom jitkellmu u jesprimu ruħhom. Bħal Elija, aħna nistgħu nistennew l-​Alla l-​veru jsolvi l-​kwistjoni. Dan nagħmluh billi ma nistriħux fuqna nfusna imma nistrieħu fuq il-​Kelma mnebbħa tiegħu, li hi mfassla biex “tikkoreġi.”—2 Timotju 3:16.

Il-profeti taʼ Bagħal ħejjew is-​sagrifiċċju tagħhom u bdew isejħu lill-​alla tagħhom. “Bagħal, weġibna!” huma għajtu għal darba wara l-​oħra. U komplew jgħajtu hekk kif għaddew il-​minuti u mbagħad is-​sigħat. “Iżda ebda kelma ma kien hemm, u ebda tweġiba,” tgħid il-​Bibbja. F’nofsinhar Elija beda jiddieħaq bihom u jgħidilhom b’mod sarkastiku li Bagħal żgur li kellu ħafna x’jagħmel ladarba ma wiġibhomx, u li kien imħabbat, jew inkella rieqed u kellu bżonn min iqajmu. “Għajjtu b’leħen ogħla,” ħeġġiġhom Elija lil dawk l-​impusturi. Jidher ċar li hu ra din il-​qima taʼ Bagħal bħala farsa, u ried lill-​poplu t’Alla jirrealizza li ma kinitx ħlief qerq.—1 Slaten 18:26, 27.

Għal dan, il-​qassisin taʼ Bagħal iktar qabdithom ferneżija, “u bdew jgħajjtu b’leħen ogħla, u jqattgħu ġisimhom, skond id-​drawwa tagħhom, bi sjuf u skieken, sa ma beda jċarċar id-​demm fuqhom.” Imma kollu għalxejn! “Ma kien hemm ebda kelma, ebda tweġiba, ebda widen.” (1 Slaten 18:28, 29) Tabilħaqq, ma kien hemm ebda Bagħal. Dan kien invenzjoni taʼ Satana bl-​iskop li jbiegħed lin-​nies lil hinn minn Ġeħova. Illum, l-​istess bħal fil-​passat, jekk nagħżlu xi sid ieħor minflok lil Ġeħova se nkunu diżappuntati u mġegħlin nistħu.—Salm 25:3; 115:4-8.

It-​Tweġiba

Iktar tard fil-​għaxija kien imiss lil Elija. Hu sewwa l-​artal taʼ Ġeħova li kien ġie mġarraf, bla dubju mill-​għedewwa tal-​qima pura. Hu uża 12-il ġebla, u b’hekk forsi fakkar lil ħafna mill-​ġens taʼ l-​10 tribujiet taʼ Iżrael li xorta waħda kienu għadhom taħt il-​Liġi li kienet ngħatat lit-​12-il tribù kollha kemm huma. Imbagħad qiegħed is-​sagrifiċċju tiegħu fuq l-​artal u qalilhom biex ixarrbu kollox bl-​ilma, li x’aktarx ġabuh mill-​Baħar Mediterran li kien fil-​viċin. Hu saħansitra qalilhom biex iħaffru gandott madwar l-​artal u jimlewh ukoll bl-​ilma. Bħalma lill-​profeti taʼ Bagħal kien tahom kull vantaġġ, bl-​istess mod hu ta lil Ġeħova kull żvantaġġ—tant kemm kellu fiduċja f’Alla tiegħu.—1 Slaten 18:30-35.

Meta kollox kien lest, Elija qal talba. Din it-​talba sempliċi imma qawwija wriet ċar x’kienu l-​prijoritajiet t’Elija. L-​ewwel u qabel kollox, hu ried li jsir magħruf li Ġeħova, u mhux dan Bagħal, kien “Alla fost Iżrael.” It-​tieni, hu ried lil kulħadd ikun jaf li l-​irwol tiegħu kien dak taʼ qaddej taʼ Ġeħova; il-​glorja u l-​kredtu kellhom jingħataw kollha lil Alla. Fl-​aħħar, hu wera li xorta kien għadu jimpurtah minn niesu, għax kien ħerqan biex jara lil Ġeħova jdawrilhom “qalbhom lura.” (1 Slaten 18:36, 37) Minkejja l-​miżerja kollha li kienu ġabu fuqhom bin-​nuqqas taʼ fedeltà tagħhom, Elija kien għadu jħobbhom. Meta nitolbu lil Alla, nistgħu aħna nuru l-​istess tħassib għall-​isem t’Alla, kif ukoll umiltà u mogħdrija lejn dawk li jeħtieġu l-​għajnuna?

Qabel it-​talba t’Elija, il-​folol li kienu hemmhekk forsi kienu qed jaħsbuha jekk Ġeħova kienx se jirriżulta li hu gidba fiergħa bħalma kien Bagħal. Iżda wara t-​talba ma kienx hemm ħin għad-​dubji. Ir-​rakkont jgħid: “U niżel nar mingħand il-​Mulej, u ħaraq il-​vittma, u l-​ħatab, u l-​ġebel, u t-​trab, sa ma xorob l-​ilma fil-​gandott.” (1 Slaten 18:38) Xi tweġiba spettakolari! U n-​nies kif irreaġixxew?

“Jaħweh [jew, Ġeħova], Alla hu! Jaħweh, Alla hu!” għajtu lkoll kemm huma. (1 Slaten 18:39) Fl-​aħħar raw il-​verità. Madankollu, s’issa kienu għadhom ma wrew l-​ebda fidi. Ngħiduha kif inhi, billi ammettew li Ġeħova huwa l-​Alla l-​veru, wara li kienu raw in-​nar nieżel mis-​sema bi tweġiba għat-​talba t’Elija, ma kinux qed jagħmlu xi turija impressjonanti tal-​fidi. Għalhekk, Elija talabhom jagħmlu xi ħaġa oħra. Hu talabhom jagħmlu dak li suppost kienu għamlu ħafna snin qabel—jobdu l-​Liġi taʼ Ġeħova. Il-​Liġi t’Alla kienet tgħid li l-​profeti foloz u l-​idolatri kellhom jingħataw il-​mewt. (Dewteronomju 13:6-10 [13:5-9, NW]) Dawn il-​qassisin taʼ Bagħal kienu għedewwa akkaniti t’Alla Ġeħova u minn jeddhom kienu ħadmu kontra l-​iskopijiet tiegħu. Kienu dawn jistħoqqilhom li jintwerew ħniena? Sewwa, xi ħniena qatt intweriet maʼ dawk it-​tfal innoċenti kollha li ġew maħruqin ħajjin bħala sagrifiċċji lil Bagħal? (Proverbji 21:13; Ġeremija 19:5) Le, dawn l-​irġiel ma kien jistħoqqilhom l-​ebda ħniena. Għaldaqstant, Elija ordna li jiġu maqtulin, u fil-​fatt hekk sar.—1 Slaten 18:40.

Xi wħud mill-​kritiċi taʼ llum jikkritikaw il-​mod kif intemmet din il-​prova fuq il-​Muntanja Karmel. Xi wħud jistgħu jinkwetaw li xi reliġjużi fanatiċi jużaw din il-​konklużjoni biex jiġġustifikaw atti vjolenti taʼ intolleranza reliġjuża. U b’sogħba, illum il-​ġurnata hawn wisq fanatiċi reliġjużi vjolenti. Iżda Elija ma kienx fanatiku. Hu kien qed jaġixxi għan-​nom taʼ Ġeħova f’esekuzzjoni ġusta. Iżjed minn hekk, il-​Kristjani ġenwini jafu li huma ma jistgħux jagħmlu bħal Elija u jaqbdu u joqtlu lin-​nies il-​ħżiena. Wara li ġie l-​Messija, il-​prinċipju għad-​dixxipli kollha taʼ Ġesù nsibuh fil-​kliem li Kristu qal lil Pietru: “Erġaʼ daħħal sejfek f’postu, għax kulmin jaqbad is-​sejf, bis-​sejf jinqered.” (Mattew 26:52) Fil-​futur, Ġeħova se juża lil Ibnu biex iwettaq ġustizzja divina.

Ir-responsabbiltà taʼ Kristjan veru hi li jgħix ħajja taʼ fidi. (Ġwanni 3:16) Mod wieħed kif jagħmel dan hu billi jimita lil nies leali bħal Elija. Dan qiem biss lil Ġeħova u ħeġġeġ lil oħrajn jagħmlu bħalu. B’mod qalbieni, hu kixef il-​qerq taʼ reliġjon li ntużat minn Satana biex iħajjar lin-​nies jitbiegħdu minn Ġeħova. U hu ħalla f’idejn Ġeħova biex isolvi l-​kwistjoni, u ma qagħadx fuq l-​abbiltajiet u r-​rieda tiegħu stess. Tabilħaqq, Elija ddefenda l-​qima pura. Jalla kull wieħed u waħda minna nimitaw il-​fidi tiegħu!

[Noti taʼ taħt]

a Għal iktar informazzjoni dwar dak li ġara bejn Elija u Aħab iżjed qabel, ara l-​artiklu “Għandek Int Fidi Bħal t’Elija?” fil-​ħarġa tat-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Lulju, 1992.

b Il-Karmel ġeneralment tkun tħaddar u fertili, peress li l-​irjieħ li jiġu minn fuq il-​baħar iġibu magħhom ħafna umdità, u huma u telgħin ’il fuq taʼ spiss iħallu warajhom ħalbiet tax-​xita u ħafna nida. Peress li Bagħal kien jingħata l-​kredtu għax-​xita, din il-​muntanja evidentement kienet post importanti għall-​qima taʼ Bagħal. Għaldaqstant, issa li l-​Karmel kienet post niexef u vojt, ma setax ikun hemm post aħjar biex tintwera kemm kienet falza l-​qima taʼ Bagħal.

c Taʼ min jinnota li Elija qalilhom biex ma jqabbdux in-​nar għas-​sagrifiċċju. Xi studjużi jgħidu li dawn l-​idolatri kultant kienu jużaw artali li kien ikollhom ħofra moħbija taħthom sabiex in-​nar ikun jidher li qisu tqabbad b’xi qawwa sopranaturali.

[Kumment f’paġna 20]

Jekk nagħżlu xi sid ieħor minflok lil Ġeħova se nkunu diżappuntati

[Stampa f’paġna 21]

“[Ġeħova], Alla hu!”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja