LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 6/1 pp. 4-7
  • Alla Ma Jiħodhiex bil-Lajma l-Wegħda Tiegħu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Alla Ma Jiħodhiex bil-Lajma l-Wegħda Tiegħu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Kejl tal-​Ħażen Irid Jasal sax-​Xifer
  • Iż-​Żmien t’Alla biex Jaġixxi Wasal
  • Issa Huwa ż-​Żmien li Taġixxi
  • Il-Ġudizzji t’Alla—Juru li Alla Kien Kattiv?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Jum Il-Ġudizzju u Wara
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Jum il-Ġudizzju—Żmien taʼ Tama!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Kemm Se Ddum il-Paċenzja t’Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 6/1 pp. 4-7

Alla Ma Jiħodhiex bil-​Lajma l-​Wegħda Tiegħu

“MULEJ, kemm se ndum nokrob għall-​għajnuna u int ma tismax!” Dan huwa l-​kliem tal-​profeta Ebrew Ħabakkuk, li kien jgħix fis-​sebaʼ seklu Q.E.K. Imma m’huwiex ġdid għal widnejk, hux hekk? Huwa naturali għalina l-​bnedmin li nkunu rridu l-​affarijiet li tant inkunu nixtiequ fil-​pront jew malajr kemm jistaʼ jkun. U dan huwa veru b’mod speċjali f’din l-​era taʼ gratifikazzjoni immedjata.—Ħabakkuk 1:2.

Fl-ewwel seklu, kien hemm xi wħud li mid-​dehra kienu jaħsbu li Alla kien imissu wettaq il-​wegħdi tiegħu qabel. Tant kienu saru bla paċenzja li saħansitra kienu jaħsbu li Alla kien qed jiħodha bil-​lajma jew jittardja. Minħabba f’dan, l-​appostlu Pietru kellu jfakkarhom li l-​ħarsa t’Alla dwar iż-​żmien hija pjuttost differenti minn tagħna. Pietru jikteb: “Dan għandkom tkunu tafu, ħuti għeżież: li quddiem il-​Mulej jum wieħed hu bħal elf sena, u elf sena bħal jum wieħed.”—2 Pietru 3:8.

Skond dan il-​mod taʼ kif jiġi kkalkulat iż-​żmien, persuna taʼ 80 sena għexet biss madwar sagħtejn, u l-​istorja kollha taʼ l-​umanità ħadet biss madwar sitt ijiem. Meta nħarsu lejn l-​affarijiet minn din il-​perspettiva, isir iktar faċli għalina li nifhmu l-​mod kif Alla jittratta magħna.

Madankollu, Alla m’huwiex indifferenti għaż-​żmien. Għall-​kuntrarju, hu konxju ħafna taż-​żmien. (Atti 1:7) Għalhekk, Pietru jkompli jgħid: “Mhux għax jiddawwar [‘jiħodha bil-​lajma,’ New World Translation] il-​Mulej li jtemm il-​wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-​indiema.” (2 Pietru 3:9) B’differenza mill-​bnedmin, Alla ma jħossux taħt pressjoni biex jagħmel l-​affarijiet, bħallikieku ma fadallux wisq żmien. Bħala s-​“Sultan taʼ dejjem,” hu għandu ħarsa ġenerali taʼ kollox u jistaʼ jiddetermina meta fil-​medda taż-​żmien l-​azzjonijiet tiegħu se jagħmlu l-​iktar ġid lil dawk kollha involuti.—1 Timotju 1:17.

Wara li jispjega r-​raġuni għala Alla jidher li qed jiħodha bil-​lajma, Pietru jagħmel din it-​twissija: ‘Jum il-​Mulej jasal bħal ħalliel.’ Jiġifieri, il-​jum taʼ rendikont se jasal preċiż meta n-​nies ma jkunux qed jistennewh. Imbagħad, fil-​versi li jmiss, Pietru jiġbed l-​attenzjoni lejn il-​prospett meraviljuż għal dawk li jgħixu ‘ħajja qaddisa u tajba,’ jiġifieri, li huma jsalvaw għal ġos-​“smewwiet ġodda u art ġdida” mwegħdin minn Alla.—2 Pietru 3:10-13.

Dan għandu jġagħalna napprezzaw iktar u iktar il-​fatt li l-​ġudizzju t’Alla għadu ma ġiex. Il-​paċenzja tiegħu għamlitha possibbli għalina li nsiru nafu l-​iskop tiegħu u naġġustaw ħajjitna sabiex nirċievu l-​barkiet imwegħdin tiegħu. M’għandniex aħna nqisu ‘s-​sabar li bih il-​Mulej jiħodna bħala salvazzjoni,’ bħalma jargumenta Pietru? (2 Pietru 3:15) Madankollu, hemm fattur ieħor konness mal-​paċenzja t’Alla.

Il-​Kejl tal-​Ħażen Irid Jasal sax-​Xifer

Hekk kif nistudjaw kif Alla ttratta maʼ l-​umanità fil-​passat, ninnotaw li taʼ spiss kien iżomm lura l-​ġudizzju tiegħu sakemm ma kienx ikun hemm iktar tama għal titjib. Per eżempju, rigward il-​ġudizzju t’Alla fuq il-​Kangħanin, hu kien tkellem m’Abraham dwar id-​dnubiet tagħhom minn ħafna żmien qabel. Imma dak iż-​żmien kien għadu m’huwiex il-​waqt għall-​esekuzzjoni tal-​ġudizzju tiegħu. Għala le? Il-​Bibbja tgħid: “Għax il-​ħażen taʼ l-​Amurrin [Kangħanin] s’issa għadu ma laħaqx l-​aqwa tiegħu,” jew bħalma tpoġġiha l-​verżjoni taʼ Knox: “Il-​ħażen taʼ l-​Amurrin [kien għadu] m’għalaqlux iż-​żmien.”—Ġenesi 15:16.a

Madankollu, xi 400 sena wara, il-​ġudizzju t’Alla wasal, u d-​dixxendenti t’Abraham, l-​Iżraeliti, ħadu l-​art taħt idejhom. Xi wħud mill-​Kangħanin, bħal Raħab u l-​Gibgħonin, ġew salvati minħabba l-​attitudni u l-​azzjonijiet tagħhom, imma fil-​biċċa l-​kbira, kienu laħqu livell estrem taʼ nuqqas taʼ ndafa, kif ġie rrivelat minn skavi arkeoloġiċi moderni. Huma kienu jipprattikaw qima fallika, prostituzzjoni fit-​tempju, u joffru lit-​tfal bħala sagrifiċċji. Il-​ktieb Halley’s Bible Handbook jistqarr: “Arkeologi li jħaffru fir-​rovini taʼ bliet Kangħanin jistagħġbu kif Alla ma qeridhomx qabel.” Fl-​aħħar, il-​“kejl tad-​dnub” tal-​Kangħanin ‘wasal sax-​xifer’; il-​ħażen tagħhom ‘għalaqlu ż-​żmien.’ Ħadd ma setaʼ bir-​raġun jakkuża lil Alla li kien inġust meta ppermetta li l-​art titnaddaf, filwaqt li ħeles lil dawk li kienu wrew attitudni tajba.

Fi żmien Noè ġrat xi ħaġa simili. Minkejja l-​fatt li n-​nies qabel id-​Dilluvju kienu mill-​agħar, Alla, bil-​ħniena kollha, iddeċieda li żmienhom kellu jkompli għal 120 sena oħra. Matul parti minn dak iż-​żmien, Noè qeda bħala “ħabbâr tal-​ġustizzja.” (2 Pietru 2:5) Hekk kif għadda ż-​żmien, il-​ħażen tagħhom mid-​dehra sar misjur. “Alla ħares lejn l-​art, u ra li kienet imħassra, għax kull ħliqa ħajja kienet għawwġet triqtha fuq l-​art.” (Ġenesi 6:3, 12) Il-​‘kejl tad-​dnub tagħhom wasal sax-​xifer’; iż-​żmien kien ħalla l-​inklinazzjonijiet ħżiena tagħhom jaslu sa l-​aqwa tagħhom. Meta Alla aġixxa kien iġġustifikat għalkollox. Tmien persuni biss taw prova li kienu twajbin f’għajnejn Alla, u hu salvahom.

Nistgħu naraw l-​istess mudell fil-​mod kif Alla ttratta maʼ Iżrael. Minkejja li kienu ġabu ruħhom b’mod żleali u baxx, Alla żamm il-​paċenzja magħhom għal mijiet taʼ snin. Il-​kliem iddokumentat jgħid: “Billi ġietu ħasra mill-​poplu tiegħu . . . , il-​Mulej . . . kien taʼ sikwit jibgħat iwiddibhom bil-​messaġġiera tiegħu. Iżda huma kienu . . . [j]maqdru kliemu, u jkasbru l-​profeti tiegħu, sa ma saħnet il-​korla tal-​Mulej għall-​poplu tiegħu, hekk li ma setgħux jeħilsuha aktar.” (2 Kronaki 36:15, 16) In-​nies kienu waslu sal-​punt li ma kienx iktar possibbli li jsir titjib. Ġeremija u xi ftit oħrajn biss setgħu jiġu salvati. Ħadd ma setaʼ jgħid li Alla kien inġust meta fl-​aħħar ġab il-​ġudizzju fuq il-​bqija.

Iż-​Żmien t’Alla biex Jaġixxi Wasal

Minn dawn l-​eżempji nistgħu naraw li Alla qed iżomm lura l-​ġudizzju fuq is-​sistema preżenti t’affarijiet biss sakemm ikun sar iż-​żmien xieraq. Dan hu espress fl-​ordni mogħtija lill-​esekutur simboliku t’Alla: “‘Midd int il-​minġel il-​misnun, u iġbor l-​għenieqed tad-​dielja taʼ l-​art, għax l-​għeneb tagħha sar [“sar misjur,” NW].’ U l-​anġlu xejjer il-​minġel tiegħu lejn l-​art, qataʼ l-​għenieqed tad-​dielja taʼ l-​art, u xeħethom fil-​magħsra l-​kbira tal-​korla taʼ Alla.” Innota li l-​ħażen taʼ l-​umanità kien “sar misjur,” jiġifieri, kien wasal sal-​punt fejn ma kienx possibbli iktar li jkun hemm titjib. Meta Alla jesegwixxi ġudizzju, m’hu se jkun hemm ebda dubju li l-​intervent tiegħu se jkun iġġustifikat.—Apokalissi 14:18, 19.

Meta wieħed jikkunsidra dan kollu, huwa ċar li l-​ġudizzju t’Alla kontra d-​dinja bilfors li hu fil-​qrib, għaliex id-​dinja sar għandha l-​karatteristiċi li ġġustifikaw il-​ġudizzju t’Alla fil-​passat. Kulfejn inħarsu, l-​art hi mimlija bil-​vjolenza, l-​istess bħalma kienet qabel id-​Dilluvju taʼ żmien Noè. L-​attitudnijiet tan-​nies qegħdin isiru iktar u iktar bħalma nsibu deskritt f’Ġenesi 6:5: “F’qalbu [l-bniedem] ma kienx għajr li jfassal il-​ħażen il-​jum kollu.” Saħansitra d-​dnubiet ħoxnin li ġabu l-​ġudizzju t’Alla kontra l-​Kangħanin huma komuni llum.

B’mod speċjali mill-​Ewwel Gwerra Dinjija ’l hawn, l-​umanità għaddiet minn bidliet tal-​biżaʼ. Rat l-​art miksija bid-​demm taʼ miljuni taʼ nies. Il-​gwerra, il-​ġenoċidju, it-​terroriżmu, il-​kriminalità, u l-​ksur tal-​liġi tfaċċaw fid-​dinja kollha. Il-​ġuħ, il-​mard, u l-​immoralità nfirxu mal-​globu tagħna kollu. L-​evidenza kollha tindika li issa qegħdin ngħixu qalb dik il-​ġenerazzjoni mill-​agħar li dwarha Ġesù qal: “Ma jgħaddix dan in-​nisel sa ma jiġri dan kollu.” (Mattew 24:34) Il-​“kejl tad-​dnub” tad-​dinja dalwaqt jasal sax-​xifer. “L-​għenieqed tad-​dielja taʼ l-​art” qed isiru misjurin għall-​ħsad.

Issa Huwa ż-​Żmien li Taġixxi

L-​appostlu Ġwanni ntqallu biex jgħid li hekk kif joqrob iż-​żmien għall-​ġudizzju, se jkun hemm żewġ tipi taʼ sajran. Wieħed, “min jagħmel il-​ħażen, erħilu jagħmel iżjed; u min hu maħmuġ, ħallih jitħammeġ iżjed.” Imma l-​ieħor, “min jagħmel is-​sewwa, ħa jżid jagħmel is-​sewwa; u min hu qaddis jalla jkompli jitqaddes.” (Apokalissi 22:10, 11) Dan l-​aħħar żvilupp qed iseħħ f’konnessjoni max-​xogħol edukattiv minn fuq il-​Bibbja li qed jagħmlu x-​Xhieda taʼ Jehovah mad-​dinja kollha. L-​objettiv taʼ dan ix-​xogħol hu li n-​nies jitgħallmu dak li Alla jirrikjedi minnhom sabiex b’hekk ikunu jistgħu jiġu magħdudin bħala li jistħoqqilhom jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem. Din l-​attività issa qed issir f’233 pajjiż permezz taʼ xi 87,000 kongregazzjoni.

Alla m’huwiex qed jiħodha bil-​lajma. Bil-​paċenzja kollha hu qed jagħti lin-​nies żmien biżżejjed biex ‘jilbsu l-​bniedem il-​ġdid’ ħalli jkun jistħoqqilhom il-​wegħdi tiegħu. (Efesin 4:24) Illum, Alla għadu jistenna, minkejja l-​kundizzjonijiet li dejjem sejrin għall-​agħar li hawn fid-​dinja. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah madwar id-​dinja qed jagħmlu dak kollu li jistgħu b’mod raġunevoli biex jaqsmu mal-​ġirien tagħhom l-​għarfien li jwassal għall-​ħajja eterna. (Ġwann 17:3, 17) B’ferħ, kull sena iktar minn 300,000 ruħ qegħdin iwieġbu u jitgħammdu.

Bil-ħajja taʼ dejjem quddiem għajnejna, issa huwa ż-​żmien, mhux biex nistennew, imma biex naġixxu. Għax fi żmien qasir, se naraw it-​twettiq tal-​wegħda taʼ Ġesù: “Kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt.”—Ġwann 11:26.

[Nota taʼ taħt]

a Nota taʼ taħt għal dan il-​vers f’The Soncino Chumash tgħid: “Biex ikun jistħoqqlu jitneħħa, ladarba Alla ma jikkastigax lil xi ġens sakemm il-​kejl tad-​dnub tiegħu jasal sax-​xifer.”

[Stampa f’paġna 6]

L-​esekutur t’Alla ntqallu biex imidd il-​minġel meta d-​dielja taʼ l-​art kienet saret misjura

[Stampa f’paġna 7]

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah mad-​dinja kollha qegħdin jgħinu lin-​nies biex ikun jistħoqqilhom jirċievu l-​barkiet eterni t’Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja