Il-Vandaliżmu—Għala?
“M’GĦANDI xejn x’ngħid.” Dal-kliem inkiteb b’ittri kbar fuq ħajt li kien għadu kemm jinżebagħ f’parti sabiħa tal-belt taʼ São Paulo. Att vandalu, int għandek mnejn tirraġuna. U t-tħażżiż fuq il-ħitan huwa biss tip wieħed taʼ vandaliżmu.
Immaġina li xi vandali bla kuxjenza għamlu ħsara lill-karozza ġdida tiegħek. Jew forsi tinnota li xi propjetà pubblika—li tkun użata minn ħafna nies—ġarrbet ħsarat jew inqerdet mill-vandali. Għala? Tabilħaqq, għala? Ġieli ħsibt għala jsiru tant atti taʼ vandaliżmu? F’ħafna postijiet, il-vandali donnhom jaraw xi gost f’li jkerrhu jew iħassru għalkollox il-kabini tal-telefon. It-trasport pubbliku, bħalma huma l-ferroviji u l-karozzi tal-linja, taʼ spiss ikun il-mira tagħhom. Donnu li l-vandali ma jimpurtahom minn xejn. Imma x’hemm moħbi wara ħafna mill-vandaliżmu li naraw jew li nsofru minnu?
Marco,a żagħżugħ minn Rio de Janeiro, ħadha bi kbira meta t-tim tiegħu tilef logħba futbol—tant ħadha bi kbira li beda jissotta l-ġebel lejn karozza tal-linja mgħobbija bil-partitarji tat-tim rebbieħ. Jew ikkunsidra lil Claus. Meta ma tantx mar tajjeb fl-iskola, tant ħadha bi kbira li beda jwaddab il-ġebel u jkisser it-twieqi. Madankollu, il-“gost” malajr marlu meta missieru ntalab iħallas tad-danni. Żagħżugħ ieħor, Erwin, kien imur l-iskola u jaħdem. Hu u sħabu kienu meqjusin bħala żgħażagħ mill-aħjar. Madankollu, id-delizzju tagħhom kien li jagħmlu atti taʼ vandaliżmu fl-inħawi fejn joqogħdu. Il-ġenituri taʼ Erwin ma kienu jafu xejn dwar dan. Valter kien orfni li ma kellu l-ebda għażla ħlief li jgħix fit-toroq taʼ São Paulo. Ħbiebu tal-qalb kienu klikka taʼ vandali, u b’hekk spiċċa jagħmel bħalhom u anki tgħallem l-arti marzjali. Eżempji bħal dawn juruna li wara l-għata tal-vandaliżmu hemm individwi involuti, u li dawk l-affarijiet u l-emozzjonijiet li jwassluhom s’hemm ivarjaw minn wieħed għal ieħor.
“Il-vandaliżmu jistaʼ jkun att taʼ vendikazzjoni jew mod kif wieħed jesprimi opinjoni politika. Xi kultant kemm iż-żgħażagħ u kemm il-kbar jikkommettu l-offiża purament għall-‘gost,’” tgħid The World Book Encyclopedia. Madankollu, iktar milli huwa mod kif tgħaddi siegħa divertiment, il-vandaliżmu jistaʼ jkollu konsegwenzi serji, saħansitra fatali. Grupp taʼ żgħażagħ kellhom aptit “jiddevertu ftit,” u meta raw raġel rieqed, dawn xarrbuh b’likwidu li jieħu n-nar u tawh sulfarina. Il-vittma, wieħed Indjan, miet iktar tard l-isptar. Skond rapport, “dawn iż-żgħażagħ jingħad li qalu li huma ma immaġinawx li dan kien se jagħmel xi differenza għal xi ħadd peress li ħafna tallaba kienu ngħataw in-nar fit-toroq, u l-ebda azzjoni ma kienet ittieħdet.” Iħallix il-vandaliżmu vittmi jew le, il-konsegwenzi kemm finanzjarji u kemm emozzjonali, ma jispiċċaw qatt. Mela, x’jistaʼ jikkontrolla jew iwaqqaf il-vandaliżmu?
Min Jistaʼ Jwaqqaf il-Vandaliżmu?
Jistgħu l-pulizija u l-iskejjel jilqgħulu l-vandaliżmu? Problema waħda hija li l-awtoritajiet għandhom mnejn ikunu mgħobbijin b’offiżi iktar serji, bħalma huma t-traffikar tad-drogi jew każijiet taʼ qtil, milli b’offiżi “taʼ bla vittmi.” Skond wieħed uffiċjal tal-pulizija, meta xi żagħżugħ jidħol fl-inkwiet, il-ġenituri taʼ spiss “iwaħħlu fil-ħbieb li jagħmilha magħhom, jew fl-iskola, jew fil-pulizija talli jkunu qabduh.” L-edukazzjoni u l-inforzar tal-liġi jistgħu jnaqqsu l-vandaliżmu; madankollu, x’jiswa jekk l-attitudni tal-ġenituri ma tinbidilx? Wieħed probation officer tat-tfal jgħid: “Il-kaġun taʼ kollox huwa għax dawn ma jsibux x’jagħmlu u jsibu x-xoqqa f’moxtha. [It-tfal] idumu barra, u ma jsibu xejn x’jagħmlu. U wisq probabbli li lanqas ikun hemm xi ħadd għassa tagħhom—għax kieku ma ssibhomx jiġġerrew barra.”
Għalkemm il-vandaliżmu huwa problema serja f’ħafna postijiet, ikkunsidra kif tistaʼ tinqaleb il-folja. Il-vandali żgħażagħ imsemmijin fil-bidu tbiddlu; issa qed jevitawh għalkollox dak l-atteġġjament antisoċjali. X’ġiegħel lil dawn in-nies li qabel kienu delinkwenti jbiddlu l-istil taʼ ħajja tagħhom? Ħaġ’oħra, tibqaʼ mistagħġeb li kieku l-vandaliżmu mhux talli jonqos imma talli jiġi eliminat għalkollox? Nistidnuk taqra l-artiklu li jmiss.
[Nota taʼ taħt]
a L-ismijiet inbidlu.