Fi Tfittxija Għal Tbassiriet taʼ Min Jafdahom
FTIT wara li s-sultan tal-Maċedonja, li sar magħruf bħala Alessandru l-Kbir, telaʼ fuq it-tron fis-sena 336 Q.E.K., hu mar iżur l-oraklu taʼ Delfi, fiċ-ċentru tal-Greċja. Il-pjanijiet ambizzjużi tiegħu għall-futur kienu li jiġri x’jiġri jikkonkwista l-biċċa l-kbira tad-dinja taʼ dak iż-żmien. Imma hu xtaq assiguranza divina li l-impriżi tremendi tiegħu kien se jkollhom suċċess. Skond il-leġġenda, f’dak il-jum li fih żar Delfi, ma kienx permess li jikkonsulta lill-oraklu. Billi ma riedx jitlaq mingħajr tweġiba, Alessandru insista, waqt li ġiegħel lis-saċerdotessa tagħtih tbassira. Bi frustrazzjoni hi għajtet: “Oh, żagħżugħ, int invinċibbli!” Is-sultan żagħżugħ ħadha bħala tbassira favorevoli—waħda li tawgura kampanja militari vittorjuża.
Madankollu, Alessandru kien ikun informat wisq aħjar dwar ir-riżultat tal-kampanja tiegħu kieku eżamina l-profeziji misjubin fil-ktieb Bibliku taʼ Danjel. B’eżattezza rimarkevoli, dawn bassru l-konkwisti li għamel b’ħeffa kbira. Skond it-tradizzjoni, Alessandru eventwalment ġietu l-opportunità li jara dak li Danjel kien iddokumenta dwaru. Skond l-istorjografu Lhudi Ġużeppi Flavju, meta s-sultan tal-Maċedonja daħal Ġerusalemm, ġie muri l-profezija taʼ Danjel—x’aktarx kapitlu 8 taʼ dak il-ktieb. (Danjel 8:5-8, 20, 21) Jingħad li minħabba dan, il-belt ħelsitha mill-armati distruttivi t’Alessandru.
Bżonn Inerenti tal-Bniedem
Kemm jekk sultan u kemm jekk wieħed komuni, antik jew modern—il-bniedem għadu jħoss il-bżonn għal tbassiriet taʼ min jafdahom rigward il-futur. Bħala ħlejjaq intelliġenti, aħna l-bnedmin nistudjaw il-passat, aħna konxji tal-preżent, u aħna interessati speċjalment fil-futur. Sewwa jgħid dan il-proverbju Ċiniż: “Min jistaʼ jbassar x’se jiġri minn tlett ijiem qabel ikun sinjur għal eluf taʼ snin.”
Matul iż-żminijiet, miljuni taʼ nies ipprovaw jitkixxfu x’hemm fil-futur billi jikkonsultaw maʼ dak li kienu jqisuh bħala divin. Ħu bħala eżempju l-Griegi tal-qedem. Huma kellhom partita orakli sagri, bħal dawk taʼ Delfi, Delo, u Dodona, fejn kienu jmorru jistaqsu lill-allat tagħhom rigward żviluppi politiċi jew militari kif ukoll dwar affarijiet privati bħal vjaġġi, żwieġ, u tfal. Mhux is-slaten u l-mexxejja militari biss imma tribujiet sħaħ u stati taʼ bliet ukoll kienu jfittxu gwida mill-qasam taʼ l-ispirti permezz taʼ dawn l-orakli.
Skond wieħed professur, issa hemm “żjieda f’daqqa waħda taʼ organizzazzjonijiet dedikati għall-istudju dwar il-futur.” Madankollu, ħafna jippreferu jinjoraw l-uniku sors eżatt tal-profeziji—il-Bibbja. Dawn b’enfasi jwarrbu kwalunkwe possibbiltà li l-profeziji tal-Bibbja fihom dak it-tagħrif li qed ifittxu huma. Xi studjużi saħansitra jaslu biex iqabblu l-profeziji tal-Bibbja mat-tbassiriet mogħtijin mill-orakli tal-qedem. U normalment, ix-xettiċi taʼ żmienna huma preġudikati kontra l-profeziji tal-Bibbja.
Aħna nistidnuk tiċċekkja x’hemm miktub għalik innifsek. X’jirrivela jekk tipparaguna t-tbassiriet tal-Bibbja maʼ l-orakli tal-bniedem? Il-profeziji tal-Bibbja tistaʼ tafdahom iktar mill-orakli tal-qedem? U tistaʼ b’fiduċja tagħmel il-profeziji tal-Bibbja l-ewwel ħaġa f’ħajtek?
[Stampa f’paġna 3]
Il-Bibbja bassret il-konkwisti li Alessandru għamel b’ħeffa kbira
[Sors]
Cortesía del Museo del Prado, ġewwa Madrid, fi Spanja
[Stampa f’paġna 4]
Alessandru l-Kbir
[Sors]
Musei Capitolini, Roma
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 2]
QOXRA: Il-Ġeneral Titu u Alessandru l-Kbir: Musei Capitolini, Roma