LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 7/15 pp. 4-8
  • Għala Tistaʼ Tafda l-Profeziji tal-Bibbja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Tistaʼ Tafda l-Profeziji tal-Bibbja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Punti taʼ Kuntrast
  • Se Tafdahom Int il-​Profeziji tal-​Bibbja?
  • Fi Tfittxija Għal Tbassiriet taʼ Min Jafdahom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • It-tbassir dwar il-futur
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2018
  • Profeziji Li Seħħew
    Il-Bibbja—Il-Kelma tʼAlla jew tal-Bniedem?
  • Tgħallem mill-Profeziji tal-Bibbja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 7/15 pp. 4-8

Għala Tistaʼ Tafda l-​Profeziji tal-​Bibbja

IS-​SULTAN PIRRU taʼ Epiru fil-​majjistral tal-​Greċja kien involut f’konflitt fit-​tul maʼ l-​Imperu Ruman. Billi xtaq disperatament xi ħjiel rigward x’riżultat kien se jkollu, hu mar jikkonsulta l-​oraklu taʼ Delfi. Imma t-​tweġiba li ngħata setgħet tinftiehem f’waħda minn dawn iż-​żewġ modi li ġejjin: (1) “Ngħid li int bin Eaku ma tistax tirbaħ lir-​Rumani. Int tmur, terġaʼ tiġi lura, u fil-​gwerra qatt ma se tmut.” (2) “Ngħid li r-​Rumani jistgħu jirbħulek, bin Eaku. Int tmur, qatt ma se terġaʼ lura, fil-​gwerra int se tmut.” Hu għażel li jifhem l-​oraklu skond l-​ewwel tifsira, u għalhekk iggwerra kontra Ruma. Pirru safaʼ mirbuħ kompletament.

Minħabba każi bħal dawn, l-​orakli tal-​qedem saru rinomati bħala li huma vagi u enigmatiċi. Imma xi ngħidu dwar il-​profeziji tal-​Bibbja? Xi kritiċi jsostnu li l-​profeziji misjubin fil-​Bibbja m’humiex aħjar mill-​orakli. Dawn il-​kritiċi jispekulaw li t-​tbassiriet Bibliċi m’huma xejn ħlief tbassiriet makakki taʼ ġrajjiet futuri minn individwi bravi ħafna u perċettivi ferm, normalment mill-​klassi tal-​qassisin. Allegatament, sempliċement bl-​esperjenza jew permezz tal-​konnessjonijiet speċjali tagħhom, dawn l-​irġiel raw bil-​quddiem l-​iżvilupp naturali taʼ ċerti sitwazzjonijiet. Jekk nipparagunaw id-​diversi karatteristiċi tal-​profeziji tal-​Bibbja maʼ dawk taʼ l-​orakli, inkunu mgħammrin aħjar biex naslu għal konklużjonijiet xierqa.

Punti taʼ Kuntrast

Il-​karatteristika taʼ l-​orakli kienet l-​ambigwità tagħhom. Per eżempju, it-​tweġibiet provduti f’Delfi kienu jitlissnu bi ħsejjes li ma jinftehmux. Minħabba dan kien hemm bżonn li l-​qassisin jinterpretawhom u joħolqu versi li kapaċi jagħtu interpretazzjonijiet opposti. Eżempju klassiku taʼ dan hi t-​tweġiba mogħtija lil Kresu, sultan taʼ Lidja. Meta mar jikkonsulta lill-​oraklu, intqallu: “Jekk Kresu jaqsam il-​Halys, hu se jeqred imperu setgħan.” Attwalment, l-​“imperu setgħan” li nqered kien tiegħu stess! Meta Kresu qasam ix-​xmara Halys biex jinvadi l-​Kappadoċja, spiċċa megħlub minn Ċiru l-​Persjan.

F’kuntrast kbir maʼ l-​orakli pagani, il-​profeziji tal-​Bibbja huma magħrufin għall-​eżattezza u ċ-​ċarezza tagħhom. Eżempju taʼ dan hi l-​profezija rigward ir-​rebħa fuq Babilonja, li hi dokumentata fil-​ktieb Bibliku taʼ Isaija. Madwar 200 sena qabel seħħet din il-​ġrajja, il-​profeta Isaija bassar b’mod dettaljat u eżatt dwar il-​waqgħa taʼ Babilonja mill-​Medo-Persja. Il-​profezija rrivelat li l-​konkwistatur se jkun jismu Ċiru, u rrivelat l-​istrateġija nfisha tat-​tnixxif għalkollox tax-​xmara bħal foss li kienet isservi taʼ difiża u d-​dħul f’belt fortifikata minn bibien miftuħin. Dan kollu seħħ b’eżattezza. (Isaija 44:27–45:2) Ġie profetizzat ukoll b’mod korrett li Babilonja eventwalment kellha tibqaʼ totalment inabitabbli.—Isaija 13:17-22.

Ikkunsidra wkoll iċ-​ċarezza f’din it-​twissija dikjarata mill-​profeta Ġona: “Erbgħin jum ieħor, u Ninwè ssir ħerba!” (Ġona 3:4) Hawnhekk m’hawn l-​ebda ambigwità! Il-​messaġġ kien tant drammatiku u dirett li n-​nies taʼ Ninwè immedjatament “emmnu f’Alla, nedew sawma u libsu x-​xkejjer.” B’riżultat taʼ l-​indiema tagħhom, Jehovah ma ġabx il-​gwaj fuq in-​nies taʼ Ninwè f’dak iż-​żmien.—Ġona 3:5-10.

L-orakli kienu jintużaw bħala mezz taʼ influwenza politika. Il-​ħakkiema u l-​mexxejja militari taʼ spiss kienu jikkwotaw l-​interpretazzjoni li kienet togħġobhom sabiex jippromwovu l-​interessi u l-​impriżi persunali tagħhom stess, u b’hekk kienu jagħtu “sura divina” bħal din. Madankollu, il-​messaġġi profetiċi t’Alla ngħataw mingħajr ma ngħata kas taʼ konsiderazzjonijiet persunali.

Biex nagħtu eżempju: Natan, il-​profeta taʼ Jehovah, ma żammx lura milli jwiddeb lis-​Sultan David meta dineb. (2 Samwel 12:1-12) Matul ir-​renju taʼ Ġerobogħam II fuq is-​saltna taʼ l-​għaxar tribujiet taʼ Iżrael, il-​profeti Hosegħa u Għamos wasslu kritika ħarxa lis-​sultan ribelluż u lil dawk li kienu jappoġġawh minħabba l-​apostasija tagħhom u l-​kondotta li tiddiżonora lil Alla. (Hosegħa 5:1-7; Għamos 2:6-8) It-​twissija tassew taħraq taʼ Jehovah lis-​sultan kienet dik b’fomm il-​profeta Għamos: “[I]nqum bis-​sejf għal dar Ġerobogħam.” (Għamos 7:9) Dar Ġerobogħam inġabet fix-​xejn.—1 Slaten 15:25-30; 2 Kronaki 13:20.

Fil-biċċa l-​kbira, l-​orakli kienu jridu jħallsu għalihom. Dak li kien iħallas l-​iktar kien jirċievi l-​oraklu li jogħġbu. Dawk li kkonsultaw l-​orakli f’Delfi kienu jħallsu ħafna għal informazzjoni bla siwi, u b’hekk kienu jimlew it-​tempju t’Apollo u bini ieħor b’teżori kbar. B’kuntrast, il-​profeziji u t-​twissijiet tal-​Bibbja ngħataw mingħajr ħlas u mingħajr ebda parzjalità. Dan kien il-​każ minkejja l-​pożizzjoni jew l-​għana tal-​persuna li kienu diretti lejha, għaliex profeta veru ma setax jixxaħħam. Samwel, li kien kemm profeta u kemm imħallef setaʼ sinċerament jistaqsi: “Mingħand min qatt ħadt jien xi rigal biex għamieli għajnejja?”—1 Samwel 12:3.

Ladarba l-​orakli kienu disponibbli biss f’postijiet speċifiċi, wieħed kellu jagħmel sforz konsiderevoli biex imur hemmhekk biex jirċivihom. Għan-​nies normali, kien diffiċli ferm li jilħqu dawk il-​postijiet għax il-​biċċa l-​kbira kienu jinsabu f’lokalitajiet bħal Dodona fuq il-​Muntanja Tomaru f’Epiru u Delfi fiċ-​ċentru muntanjuż tal-​Greċja. Normalment, l-​għonja u l-​potenti biss setgħu jikkonsultaw l-​allat f’dawn l-​orakli. Iktar minn hekk, “ir-​rieda taʼ l-​allat” kienet rivelata fi ftit ġranet biss matul is-​sena. B’kuntrast impressjonanti, Alla Jehovah kien jibgħat lill-​messaġġiera profetiċi tiegħu direttament għand in-​nies sabiex jipproklamaw il-​profeziji li n-​nies kellhom bżonn jisimgħu. Per eżempju, matul l-​eżilju tal-​Lhud f’Babilonja, Alla kellu minn taʼ l-​inqas tliet profeti jaqdu fost il-​poplu tiegħu​—Ġeremija f’Ġerusalemm, Eżekjel maʼ l-​eżiljati, u Danjel fil-​kapitali taʼ l-​Imperu Babiloniż.—Ġeremija 1:1, 2; Eżekjel 1:1; Danjel 2:48.

Ġeneralment, l-​orakli kienu jingħataw fil-​privat biex dak li jirċivihom setaʼ jisfrutta l-​interpretazzjoni tagħhom għall-​vantaġġ tiegħu stess. B’kuntrast, il-​profeziji tal-​Bibbja kienu taʼ spiss jingħataw fil-​pubbliku biex b’hekk kulħadd setaʼ jismaʼ l-​messaġġ u jifhem dawn x’kienu jimplikaw. Il-​profeta Ġeremija kemm-il darba tkellem pubblikament f’Ġerusalemm, għalkemm kien jaf li l-​messaġġ tiegħu ma kienx popolari fost il-​mexxejja u l-​abitanti tal-​belt.—Ġeremija 7:1, 2.

Illum, l-​orakli jitqiesu bħala parti mill-​istorja tal-​qedem. M’għandhom l-​ebda valur prattiku għan-​nies li qed jgħixu fiż-​żminijiet kritiċi tagħna. L-​ebda orakli bħal dawn ma jittrattaw żmienna jew il-​futur tagħna. B’kuntrast notevoli, il-​profeziji tal-​Bibbja huma parti mill-​“kelma taʼ Alla [li] hi ħajja u qawwija.” (Lhud 4:12) Il-​profeziji tal-​Bibbja li diġà twettqu jipprovdu mudell taʼ kif Jehovah ttratta man-​nies kif ukoll jirrivelaw fatturi vitali taʼ l-​iskopijiet u l-​personalità tiegħu. Iżjed minn hekk, profeziji importanti tal-​Bibbja se jitwettqu fil-​futur qarib. Waqt li ddeskriva dak li għadu ġej, l-​appostlu Pietru kiteb: “Imma aħna, skond il-​wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda [s-Saltna Messjanika tas-​sema] u art ġdida [soċjetà umana taʼ tjieba], li fihom tgħammar il-​ġustizzja.”—2 Pietru 3:13.

Dan il-​paragun żgħir bejn il-​profeziji tal-​Bibbja u l-​orakli tar-​reliġjon falza jistaʼ jwasslek għal konklużjoni simili għal dik espressa fil-​ktieb li jismu The Great Ideas: “Fejn għandu x’jaqsam l-​għarfien minn qabel tal-​bniedem mortali, il-​profeti Lhud jidhru li huma uniċi. Kuntrarju għat-​teoloġi pagani jew dawk li jbassru . . . dawn m’għandhomx għalfejn jużaw xi arti jew mekkaniżmi biex jippenetraw sigrieti divini. . . . Kuntrarju għal dawk taʼ l-​orakli, il-​biċċa l-​kbira tat-​taħditiet profetiċi tagħhom jidhru li huma ċari. Għallinqas, jidher li l-​intenzjoni hi li jirrivelaw, u mhux li jaħbu, il-​pjan t’Alla fuq kwistjonijiet bħal dawn minħabba li Hu Nnifsu jixtieq li l-​bnedmin jaraw bil-​quddiem il-​korsa tal-​providenza.”

Se Tafdahom Int il-​Profeziji tal-​Bibbja?

Tistaʼ tafdahom il-​profeziji tal-​Bibbja. Fil-​fatt, int tistaʼ tagħmel lil Jehovah u t-​twettiq tal-​kelma profetika tiegħu l-​ewwel ħaġa f’ħajtek. Il-​profeziji tal-​Bibbja m’humiex xi dokument li m’għadux jgħodd taʼ tbassiriet li diġà seħħew. Ħafna profeziji misjubin fl-​Iskrittura qed jitwettqu issa jew se jseħħu fil-​futur qarib. Billi niġġudikaw dak li ġara fil-​passat, aħna nistgħu nkunu fiduċjużi għalkollox li dawn ukoll se jitwettqu. Ladarba profeziji bħal dawn jiffokaw fuq żmienna u jinvolvu l-​istess futur tagħna, nagħmlu tajjeb li niħduhom bis-​serjetà.

Int żgur li tistaʼ tafdaha l-​profezija tal-​Bibbja misjuba f’Isaija 2:2, 3: “Għad jiġri fl-​aħħar jiem li l-​għolja tad-​dar tal-​Mulej togħla ’l fuq mill-​qċaċet tal-​muntanji, . . . Kotra taʼ popli għad jiġu u jgħidu: ‘Ħalli mmorru u nitilgħu fuq l-​għolja tal-​Mulej, . . . biex jgħallimna triqatu, u nimxu fil-​mogħdijiet tiegħu.’” Illum miljuni taʼ nies qegħdin tabilħaqq iħaddnu l-​qima elevata taʼ Jehovah u qed jitgħallmu jimxu fil-​mogħdijiet tiegħu. Se taħtaf int l-​opportunità biex titgħallem iktar dwar il-​mogħdijiet t’Alla u tieħu għarfien eżatt dwaru u dwar l-​iskopijiet tiegħu sabiex timxi fil-​mogħdijiet tiegħu?—Ġwann 17:3.

It-twettiq taʼ profezija oħra tal-​Bibbja jirrikjedi azzjoni urġenti min-​naħa tagħna. Rigward il-​futur qarib, is-​salmista għanna profetikament: “Għax il-​ħżiena jitqaċċtu ’l barra; . . . Ftit ieħor, u l-​ħażin ma jkunx aktar.” (Salm 37:9, 10) X’taħseb li hemm bżonn sabiex wieħed jevita l-​qerda li ġejja tal-​ħżiena, inkluż taʼ dawk li jwaqqgħu għaċ-​ċajt il-​profeziji Bibliċi? L-​istess salm iwieġeb: “Min jittama fil-​Mulej jikseb l-​art.” (Salm 37:9) Li nittamaw f’Jehovah jfisser li jkollna fiduċja sħiħa fil-​wegħdi tiegħu u nirranġaw ħajjitna skond il-​livelli tiegħu.—Proverbji 2:21, 22.

Kif se tkun il-​ħajja meta dawk li jittamaw f’Jehovah jirtu l-​art? Għal darb’oħra, il-​profeziji tal-​Bibbja jirrivelaw li hemm futur glorjuż merfugħ għall-​umanità ubbidjenti. Il-​profeta Isaija kiteb: “Mbagħad jinfetħu għajnejn l-​għomja, jinfetħu widnejn it-​torox. Mbagħad iz-​zopp jaqbeż bħal għażżiela u lsien l-​imbikkma jinħall bil-​ferħ. Iva, igelgel l-​ilma fid-​deżert, u l-​widien fix-​xagħri.” (Isaija 35:5, 6) L-​appostlu Ġwanni kiteb dan il-​kliem rassiguranti: “‘Hu [Jehovah] jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-​ħwejjeġ taʼ qabel.’ Mbagħad dak li hu bilqiegħda fuq it-​tron qal: . . . ‘Ikteb, għax dawn il-​kelmiet huma minnhom u taʼ min joqgħod fuqhom.’”—Apokalissi 21:4, 5.

Ix-Xhieda taʼ Jehovah jafu li l-​Bibbja hi ktieb li fih profeziji taʼ min joqgħod fuqhom. U dawn jaqblu bis-​sħiħ mat-​twissija taʼ l-​appostlu Pietru: “U hekk għandna mwettqa aħjar il-​kelma tal-​profeti. Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti għaliha; hi bħal fanal li jagħti d-​dawl f’post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-​jum u f’qalbkom titlaʼ l-​kewkba taʼ filgħodu.” (2 Pietru 1:19) It-​tama sinċiera tagħna hi li int tqawwi qalbek bil-​prospetti meraviljużi li l-​profeziji tal-​Bibbja qed joffru għall-​futur!

[Kaxxa/Stampi f’paġna 6]

L-​ORAKLU TAʼ DELFI kien l-​iktar wieħed famuż fil-​Greċja tal-​qedem.

Fwar velenuż kien jitfaʼ lis-​saċerdotessa fi stat taʼ estasi

[Stampi]

Is-​saċerdotessa, kienet toqgħod bil-​qegħda fuq trepied u tlissen l-​orakli tagħha

Il-​ħsejjes li kienet tlissen kienu jemmnu li kienu rivelazzjonijiet mingħand l-​alla Apollo

[Sorsi]

Trepied: From the book Dictionary of Greek and Roman Antiquities; Apollo: The Complete Encyclopedia of Illustration/J. G. Heck

[Stampa f’paġna 7]

It-​tbassiriet mogħtijin fl-​oraklu taʼ Delfi kienu totalment mhux taʼ min joqgħod fuqhom

[Sors]

Delfi, il-​Greċja

[Stampi f’paġna 8]

Int jistaʼ jkollok fiduċja sħiħa fil-​profeziji tal-​Bibbja rigward id-​dinja l-​ġdida

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja