Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Ix-Xhieda Jmorru Għand il-Pubbliku fi Franza
MINN kmieni fil-għodu tal-Ġimgħa, 29 taʼ Jannar, 1999, u sa tmiem dik il-ġimgħa, ix-Xhieda taʼ Jehovah fi Franza qassmu b’entużjażmu fit-toroq u iktar tard minn dar għal dar, 12-il miljun kopja taʼ fuljett bl-isem People of France, You Are Being Deceived! (Nies taʼ Franza, Qed Tiġu Mqarrqa!) Għala saret din il-kampanja?
Waqt konferenza stampa f’Pariġi f’dak il-jum tal-Ġimgħa fil-għodu, ngħatat ir-raġuni għaliex kienet se ssir din il-kampanja. Kelliemi għax-Xhieda spjega: “Dak li rridu nagħmlu bħalissa hu li nsiru magħrufin għal dak li aħna u nsikktu l-istqarrijiet infamanti li nxterrdu dwarna. Aħna lesti li naċċettaw il-kritika, imma mhux se nibqgħu nagħtu widen għall-gideb u l-kummenti li qed iħassru r-reputazzjoni tagħna.”
Għalkemm ix-Xhieda taʼ Jehovah huma t-tielet l-akbar reliġjon Kristjana fi Franza, ħafna tfal tax-Xhieda ġew insultati u mkiddin fl-iskola. Xi adulti tilfu x-xogħol tagħhom u ġew mheddin minħabba r-reliġjon tagħhom. Ħaġa li ma titwemminx, huma saħansitra ġew intaxxati bis-60 fil-mija fuq il-kontribuzzjonijiet reliġjużi li rċivew. Il-kampanja x’għamlet dwar din id-diskriminazzjoni?
Il-fuljett jiddikjara: “Il-250,000 Xhud taʼ Jehovah u dawk li jassoċjaw magħhom li jgħixu fi Franza JIPPROTESTAW kontra l-mod diżonest kif ir-reliġjon Kristjana tagħhom, li fi Franza ilha teżisti mill-1900, ġiet klassifikata maʼ setet perikolużi mill-1995. . . . JIPPROTESTAW kontra l-indħil u ż-żebliħ li l-ħin kollu qed isir kontrihom.” L-akkużi malafamanti kontra x-Xhieda fi Franza u l-modi diżonesti li ntużaw minn dawk li mmalafamaw sabiex joħolqu pubbliċità negattiva nħarġu fil-beraħ. Il-fuljett jikkonkludi billi jgħid: “Illum, hemm iktar minn żewġ miljun Xhud taʼ Jehovah u dawk li jassoċjaw magħhom jgħixu fl-Ewropa. Huma jirrispettaw il-liġijiet taʼ l-Istati li tagħhom huma ċittadini billi jappoġġaw il-valuri taʼ l-Evanġelju. Nies taʼ Franza, dawn huma l-fatti. Huwa d-dmir tagħna li nippreżentawhom eżatt kif inhuma!”
Tweġiba Malajr u Pożittiva
Fl-ewwel ġurnata tqassmu miljuni taʼ fuljetti. F’Pariġi biss, sa nofsinhar ’il fuq minn 7,000 Xhud kienu diġà qassmu iktar minn 1.3 miljun fuljett lin-nies. Kienet ċertament l-ewwel darba għan-nies li jaraw daqshekk Xhieda jqassmu l-fuljetti fit-toroq. Il-mezzi tax-xandir, inkluż il-gazzetti nazzjonali u lokali u l-istazzjonijiet televiżivi, irreaġixxew b’mod favorevoli għal din il-kampanja taʼ tagħrif. Il-gazzetta Le Progrès de Lyon innotat: “Din l-inizjattiva . . . toħroġ fil-beraħ ċertu nuqqas taʼ ftehim dwar kelma. F’dawn l-aħħar għaxar snin, il-kelma ‘setta’ . . . ħadet sens pervers, perikoluż, u taʼ ħsara. . . . Ix-Xhieda taʼ Jehovah m’humiex taʼ periklu għas-soċjetà.”
Dawk li jafu lix-Xhieda taʼ Jehovah japprezzaw in-natura paċifika tagħhom u r-rispett profond li għandhom lejn l-ordni soċjali stabbilita. B’hekk, ħafna li kienu fit-toroq esprimew l-apprezzament u l-appoġġ tagħhom għall-għaxriet t’eluf taʼ Xhieda li ħadu sehem fil-kampanja. Telefonati, faxes, u ittri mingħand nies li esprimew ir-ringrazzjament tagħhom għall-fuljett bdew jaslu kważi immedjatament. Fuq kollox, uħud sinċieri ngħataw iċ-ċans li jisimgħu l-fatti dwar ix-Xhieda, kuntrarju għal rimarki vvintati u bla sens, u dawk li t-twemmin tagħhom kien ġie malafamat setgħu juru s-sentimenti tagħhom għal dak li jgħożżu.