Uża l-Fuljetti biex Tibda Konversazzjonijiet
1 Ma taqbilx int li l-fatt li tagħti xiehda effettiva jiddependi l-iktar fuq li tieħu l-inizjattiva biex tibda konversazzjonijiet? L-isfida hi li tgħid xi ħaġa li tqanqal l-interess tal-persuna u tinvolviha fid-diskussjoni. Imma dan kif jistaʼ jsir b’mod effettiv?
2 Ħafna pubblikaturi sabu li jistgħu jibdew konversazzjonijiet bi ftit kliem magħżul tajjeb u billi joffru wieħed mill-fuljetti li għandna bbażati fuq il-Bibbja. It-titli jattiraw lil dak li jkun, u l-istampi kollha kuluri jolqtu l-għajn. Fuljett ma jbeżżagħhiex lill-persuna, billi jagħtiha l-impressjoni li hemm ħafna informazzjoni x’taqra. Xorta waħda, il-messaġġi konċiżi li hemm fil-fuljetti huma interessanti u jistgħu jintużaw biex iwasslu għal studju tal-Bibbja.
3 Hekk ħassu personalment wieħed Xhud: “F’din id-dinja daqshekk mgħaġġla, taʼ spiss in-nies ma jkunux iridu jaħlu ħafna ħin jaqraw. Il-fuljetti huma twal biżżejjed biex jagħtu messaġġ importanti imma m’humiex daqshekk twal li jgerrxu lin-nies saħansitra qabel ma jħarsu lejhom. Jien qrajt ħafna mill-fuljetti, u eventwalment tgħallimt il-verità.” Qatt tissottovaluta l-qawwa tal-Kelma t’Alla kif inhi spjegata f’dawn il-messaġġi qosra u stampati.—Lhud 4:12.
4 Erbaʼ Passi Faċli: Ħafna gawdew suċċess billi wżaw metodu sempliċi. (1) Uri lill-persuna ftit mill-fuljetti u staqsieha liema wieħed minnhom jolqotha. (2) Wara li l-persuna tagħżel wieħed, staqsieha mistoqsija preparata sew li tenfasizza punt prinċipali fil-fuljett. (3) Bħala tweġiba għall-mistoqsija, aqra paragrafu xieraq jew skrittura mill-fuljett. (4) Jekk ikollok reazzjoni favorevoli, kompli ddiskuti l-kontenut tal-fuljett jew irreferi għal xi lezzjoni mill-browxer X’Jirrikjedi jew xi kapitlu mill-ktieb Għarfien li jipprovdi iktar kummenti. B’dan il-mod int tistaʼ tkun kapaċi tidħol mill-ewwel għal studju tal-Bibbja. Is-suġġerimenti li ġejjin se jgħinuk tipprepara x’tgħid billi tuża erbaʼ fuljetti minn dawn.
5 It-titlu tal-fuljett “Min Tassew Jaħkem lid-Dinja?” jistaʼ jservi bħala mistoqsija.
◼ Jekk bħala tweġiba l-persuna maʼ min tkun qed titkellem tgħid “Alla” jew “Ma nafx,” aqra l-ewwel żewġ sentenzi f’paġna 2 u l-ewwel paragrafu f’paġna 3. Enfasizza l-1 Ġwann 5:19 u Apokalissi 12:9. Sew jekk il-persuna tiddubita l-eżistenza taʼ Satana x-Xitan inkella tagħrafx l-influwenza tiegħu fuq id-dinja jew le, tistaʼ tkompli l-konversazzjoni billi ssegwi l-linja taʼ rraġunar misjuba taħt is-sottitlu “Ħjiel Mill-Kundizzjonijiet Tad-Dinja.” Jekk jintwera interess, offri li tispjega minfejn ġie x-Xitan, billi tuża l-punti f’paġni 3 u 4 tal-fuljett.
6 Il-fuljett “X’Tama Hemm għall-Maħbubin Mejtin?” jistaʼ jqanqal interess mill-ewwel. Int tistaʼ tibda konversazzjoni billi tistaqsi:
◼ “Taħseb li qatt xi darba se nerġgħu narawhom lill-maħbubin mejtin tagħna?” Wara li l-persuna twieġeb, ipponta lejn it-tieni paragrafu f’paġna 4 tal-fuljett u aqra Ġwann 5:28, 29. Imbagħad spjega li din tgħin biex wieħed jifhem it-tagħrif li hemm taħt l-ewwel sottitlu tal-fuljett. Offri li tiddiskutuh flimkien.
7 Il-fuljett “Gawdi l-Ħajja tal-Familja” jinteressa lill-familji kollha. Meta tużah, tistaʼ tgħid:
◼ “Int għandek mnejn taqbel li llum il-familja tinsab taħt attakk. X’taħseb li jistaʼ jsir sabiex jissaħħu r-rabtiet tal-familja?” Wara li l-persuna twieġeb, iġbed l-attenzjoni tagħha lejn il-punti fl-ewwel paragrafu f’paġna 6. Agħżel waħda mill-iskritturi kwotati f’paġni 4 u 5 tal-fuljett, u spjega xi tfisser. Imbagħad offri studju tal-Bibbja fid-dar bla ħlas.
8 Il-fuljett “Għala Tistaʼ Tafda l-Bibbja” jistaʼ jintuża maʼ din il-preżentazzjoni:
◼ “Il-biċċa l-kbira tan-nies semgħu bl-istorja taʼ Kajjin u Abel, li tinsab fl-ewwel ktieb tal-Bibbja. Ir-rakkont f’Ġenesi jirreferi wkoll għall-mara taʼ Kajjin. Qatt ħsibt minfejn setgħet ġiet din il-mara?” Uża l-aħħar paragrafu f’paġna 2 tal-fuljett biex tagħti t-tweġiba. Spjega li l-fuljett jiddiskuti wkoll kummenti importanti fil-Bibbja dwar dak li hemm merfugħ għalina fil-futur. Billi tibda bit-tielet paragrafu f’paġna 5, kompli bid-diskussjoni, filwaqt li tuża l-iskritturi addattati.
9 It-tqassim tal-fuljetti Bibliċi huwa mezz effettiv li ilu jintuża għal żmien twil biex tiġi preżentata l-aħbar tajba. Peress li huma faċli biex iġġorrhom miegħek kulfejn tmur, int tistaʼ tużahom b’mod effettiv fl-attività tiegħek minn bieb għal bieb u meta tkun qed tagħti xiehda informali. Il-fuljetti għandhom irwol importanti f’li nwettqu l-ministeru tagħna. Kun żgur li ġġorr varjetà minnhom, u li tużahom b’mod ġeneruż biex tibda konversazzjonijiet.—Kol. 4:17.