Disinn eċċitanti għall-fuljetti l-ġodda!
1. Liema pubblikazzjonijiet għall-ministeru għandhom disinn eċċitanti ġdid?
1 Fl-2013 ħarġu ħames fuljetti ġodda fil-Konvenzjonijiet Distrettwali “Il-Kelma t’Alla Hi l-Verità!” Barra minn hekk, Aħbar tas-Saltna Nru. 38 li jismu “Jistgħu l-Mejtin Verament Jerġgħu Jgħixu?” żdied mas-serje tal-fuljetti. Is-sitta li huma għandhom disinn eċċitanti ġdid. Għaliex għandhom format ġdid? Meta noffruhom minn dar għal dar, kif nistgħu nagħmlu użu tajjeb mid-disinn tagħhom?
2. X’inhu l-iskop tad-disinn il-ġdid?
2 Għala d-disinn il-ġdid?: Preżentazzjonijiet minn dar għal dar effettivi spiss jinkludu dawn l-erbaʼ passi: (1) Staqsi mistoqsija ħalli tara x’inhi l-opinjoni taʼ dak li jkun biex tibda konversazzjoni. (2) Aqsam ħsieb mill-Iskrittura. (3) Offri letteratura lill-inkwilin biex jaqraha. (4) Ħallih b’mistoqsija biex twiġibha darb’oħra, u agħmel arranġamenti biex terġaʼ tmur. Id-disinn il-ġdid tal-fuljetti jgħinna nsegwu kull wieħed minn dawn l-erbaʼ passi faċilment.
3. Kif nistgħu noffru wieħed mill-fuljetti l-ġodda fil-ministeru?
3 Kif tużahom: (1) Wara li ssellem lill-inkwilin, urih il-mistoqsija li tqajjem interess u li għandha tweġiba multipla fuq quddiem tal-fuljett, u itlob l-opinjoni tiegħu. (2) Iftaħ il-fuljett u kkunsidra “X’tgħid il-Bibbja.” Aqra l-iskrittura dirett mill-Bibbja meta jippermettu ċ-ċirkustanzi. Jekk l-inkwilin jippermettilu l-ħin, iddiskuti “X’jistaʼ jfisser dan għalik.” (3) Offri l-fuljett u inkuraġġih jaqra l-bqija fil-kumdità tiegħu. (4) Qabel titlaq, urih il-mistoqsija fuq wara taħt “Aħseb dwar dan” u agħmel arranġamenti biex tiddiskuti t-tweġiba tal-Bibbja darb’oħra.
4. Kif nistgħu nużaw il-fuljetti l-ġodda fiż-żjara lura?
4 Iż-żjara lura wkoll hi faċli. Sempliċement uża l-iskritturi ċitati fuq wara tal-fuljett biex twieġeb il-mistoqsija li qajjimt fi tmiem l-aħħar żjara tiegħek. Qabel titlaq, iġbed l-attenzjoni għall-istampa tal-browxer Aħbar Tajba, uri lill-inkwilin il-browxer u l-lezzjoni li fiha iktar informazzjoni dwar is-suġġett, u offri l-browxer. Jekk jaċċettah, agħmel arranġamenti biex tiddiskuti l-browxer meta terġaʼ żżuru. Hekk bdejt studju tal-Bibbja! Jew minflok ma toffri l-browxer, tistaʼ toffrilu fuljett ieħor u tagħmel arranġamenti biex terġaʼ tmur u tiddiskutih mal-inkwilin.
5. X’valur għandhom il-fuljetti fil-ministeru tagħna?
5 Il-fuljetti ntużaw fil-ministeru tagħna għal iżjed minn 130 sena. Għalkemm id-daqs u l-format tagħhom inbidlu, kienu għodda effettiva ħafna biex tingħata xhieda. Jalla nagħmlu użu tajjeb mid-disinn il-ġdid biex inkomplu nxerrdu l-għarfien tal-Bibbja mad-dinja kollha.—Prov. 15:7a.