LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 10/15 pp. 17-22
  • Tistaʼ Tirbaħ Lura lil Ħuk

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tistaʼ Tirbaħ Lura lil Ħuk
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Ried Ifisser?
  • Stinka biex Tirbaħ lura lil Ħuk
  • Kif Issib Għajnuna Matura
  • Sforz Finali biex Tirbħu lura
  • Kif Tirranġahom Int Id-Differenzi?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Inżommu l-paċi u l-indafa tal-kongregazzjoni
    Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
  • Imita lill-Ħniena t’Alla Llum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Kif l-Anzjani Juru Mħabba u Ħniena maʼ Dawk li Jidinbu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 10/15 pp. 17-22

Tistaʼ Tirbaħ Lura lil Ħuk

“Mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jismaʼ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk.”—MATTEW 18:15.

1, 2. Ġesù liema pariri prattiċi tana dwar kif nittrattaw in-​nuqqasijiet?

B’INQAS minn sena biex il-​ministeru tiegħu jiġi fi tmiemu, Ġesù kellu lezzjonijiet vitali għad-​dixxipli tiegħu. Tistaʼ taqrahom f’Mattew kapitlu 18. Lezzjoni waħda kienet l-​importanza li nkunu umlin bħat-​tfal. Imbagħad saħaq dwar li nevitaw li nfixklu lil xi “wieħed minn dawn iċ-​ċkejknin” u li għandna nipprovaw inreġġgħu lura liż-​“żgħar” li jkunu qed jiżvijaw, biex ma jinqerdux. Imbagħad Ġesù żied pariri prattiċi u imprezzabbli dwar kif jiġu solvuti diffikultajiet bejn il-​Kristjani.

2 Forsi tiftakar x’qal: “Jekk ħuk jaqaʼ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jismaʼ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġaʼ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-​kelma taʼ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jismaʼ, mur għid lill-​knisja. U jekk anqas mill-​knisja ma jkun irid jismaʼ żommu b’wieħed pagan u pubblikan.” (Mattew 18:15-17) Meta għandna napplikaw dawn il-​pariri, u x’għandha tkun l-​attitudni tagħna meta nagħmlu dan?

3. Liema atteġġjament ġenerali għandu jkollna lejn l-​iżbalji taʼ l-​oħrajn?

3 L-​artiklu preċedenti enfasizza li ladarba aħna lkoll imperfetti u bit-​tendenza li niżbaljaw, irridu naħdmu fuq li nuru maħfra. Dan huwa speċjalment il-​każ meta tiġi mweġġaʼ b’xi ħaġa li jkun qal jew għamel xi Kristjan ieħor. (1 Pietru 4:8) Taʼ spiss l-​aħjar ħaġa tkun li tagħlaq għajnejk għall-​offiża​—taħfer u tinsa. Li nagħmlu dan nistgħu nqisuh bħala kontribut lejn il-​paċi fil-​kongregazzjoni Kristjana. (Salm 133:1; Proverbji 19:11) Iżda, jistaʼ jkun hemm xi każ meta forsi tħoss li trid issolvi l-​kwistjoni maʼ xi ħu jew oħt li weġġgħuk. F’dan il-​każ, il-​kliem t’hawn fuq taʼ Ġesù jipprovdi gwida.

4. Bħala prinċipju, kif nistgħu napplikaw Mattew 18:15 għall-​iżbalji taʼ l-​oħrajn?

4 Ġesù tak il-​parir biex ‘tmur issibu waħdu u twiddbu.’ Din hi ħaġa għaqlija. Xi traduzzjonijiet Ġermaniżi jużaw il-​frażi, ippreżenta l-​ħtija tiegħu “taħt erbaʼ għajnejn,” jiġifieri tiegħek u tiegħu. Meta bil-​ħlewwa tirreferi għal xi problema fil-​privat, normalment ikun eħfef biex din tissolva. Ħu li qal jew għamel xi ħaġa offensiva jew nieqsa mill-​imħabba jistaʼ jirrikonoxxi l-​iżball tiegħu iktar faċilment jekk tkunu waħedkom. Jekk oħrajn ikunu qed jisimgħu, in-​natura umana imperfetta tistaʼ tħajru jiċħad li jkun fl-​iżball jew jipprova jiġġustifika dak li għamel. Imma hekk kif tiddiskuti l-​kwistjoni “taħt erbaʼ għajnejn,” għandek mnejn issib li kien nuqqas taʼ ftehim iktar milli xi dnub jew xi ħażen apposta. Meta t-​tnejn li intom tifhmu li kien nuqqas taʼ ftehim, tistgħu ssolvu l-​kwistjoni, u ma tħallux xi ħaġa żgħira tikber u tħassar ir-​relazzjoni tagħkom. Għaldaqstant, il-​prinċipju f’Mattew 18:15 jistaʼ jiġi applikat saħansitra għal offiżi żgħar fil-​ħajja taʼ kuljum.

X’Ried Ifisser?

5, 6. Skond il-​kuntest, Mattew 18:15 għal liema xorta taʼ dnubiet kien qed jipponta, u x’jindikah dan?

5 Fil-​veru sens tal-​kelma, il-​parir taʼ Ġesù japplika għal affarijiet iżjed serji. Ġesù qal: “Jekk ħuk jaqaʼ f’xi dnub.” F’sens ġenerali, “dnub” jistaʼ jkun kwalunkwe żball jew nuqqas. (Ġob 2:10; Proverbji 21:4; Ġakbu 4:17) Madankollu, il-​kuntest jissuġġerixxi li d-​dnub li ried ifisser Ġesù kien wieħed serju. Kien gravi biżżejjed li setaʼ jwassal lil dak li jagħmel il-​ħażin biex jitqies bħala “wieħed pagan u pubblikan.” X’timplika dik il-​frażi?

6 Id-​dixxipli taʼ Ġesù li semgħu dan il-​kliem kienu jafu li n-​nies taʼ pajjiżhom ma kinux jissieħbu mal-​Ġentili. (Ġwann 4:9; 18:28; Atti 10:28) U żgur li kienu jevitaw lill-​pubblikani, irġiel taʼ dixxendenza Lhudija li kienu jisfruttaw lin-​nies. Għalhekk, fil-​veru sens tal-​kelma, ir-​referenza f’Mattew 18:15-17 kienet għal xi dnubiet serji, mhux għal xi offiżi jew weġgħat persunali li tistaʼ sempliċement tinsihom u taħfirhom.—Mattew 18:21, 22.a

7, 8. (a) Dnubiet taʼ liema xorta hemm bżonn li jiġu trattati mill-​anzjani? (b) Liema xorta taʼ dnubiet jistgħu jiġu ssetiljati bejn żewġ Kristjani, fi qbil maʼ Mattew 18:15-17?

7 Taħt il-​Liġi, xi dnubiet kienu jirrikjedu iktar minn maħfra mill-​persuna offiża. Id-​dagħa, l-​apostasija, l-​idolatrija, u d-​dnubiet sesswali bħall-​fornikazzjoni, l-​adulterju, u l-​omosesswalità kellhom jiġu rapportati u trattati mill-​anzjani (jew qassisin). Dan għadu japplika wkoll fil-​kongregazzjoni Kristjana. (Levitiku 5:1; 20:10-13; Numri 5:30; 35:12; Dewteronomju 17:9; 19:16-19; Proverbji 29:24) Iżda, innota li x-​xorta taʼ dnubiet li hawn tkellem dwarhom Ġesù setgħu jiġu ssetiljati bejn żewġ persuni. Bħala eżempji: Imqanqla mir-​rabja jew mill-​għira persuna tikkalunnja lil għajrha. Kristjan jintrabat li jagħmel biċċa xogħol b’materjal partikulari u li jtemmha sa ċertu żmien. Xi ħadd jaċċetta li jħallas lura xi flus skond skeda jew sa xi data finali. Individwu jagħti l-​kelma tiegħu li jekk l-​imgħallem tiegħu jħarrġu, saħansitra jekk ibiddel ix-​xogħol, hu ma jikkompetix jew jipprova jisraq il-​klijenti taʼ l-​imgħallem tiegħu għal xi żmien stipulat jew f’xi żona partikulari.b Jekk ħu ma jżommx kelmtu u ma jindimx minn ħtijiet bħal dawn, ċertament li tkun ħaġa serja. (Apokalissi 21:8) Imma ħtijiet bħal dawn jistgħu jissolvew bejn iż-​żewġ persuni involuti.

8 Iżda, kif tipproċedi biex issolvi l-​kwistjoni? Il-​kliem taʼ Ġesù ġie taʼ spiss meqjus fi tliet passi. Ejja nikkunsidraw kull pass. Minflok ma tqishom bħala proċeduri fissi u legali, ipprova ifhem is-​sens tagħhom, filwaqt li tibqaʼ żżomm f’moħħok il-​mira tiegħek taʼ mħabba.

Stinka biex Tirbaħ lura lil Ħuk

9. X’għandna nżommu f’moħħna meta niġu biex napplikaw Mattew 18:15?

9 Ġesù beda: “Jekk ħuk jaqaʼ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jismaʼ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk.” Biċ-​ċar, dan mhux pass ibbażat fuq sempliċi suspett. Għandu jkollok evidenza jew informazzjoni speċifika li tistaʼ tuża biex tgħin lil ħuk jara li hu kkommetta żball u għandu bżonn jirranġa l-​affarijiet. Huwa tajjeb li taġixxi malajr, biex l-​affarijiet ma jiggravawx u l-​attitudni tiegħu ma tilħaqx trabbi l-​għeruq. U tinsiex li jekk toqgħod tħammem fuqha jistaʼ jkun taʼ ħsara għalik ukoll. Ladarba d-​diskussjoni se tkun bejnek u bejnu biss, tipprovax titkellem maʼ oħrajn qabel biex tirbaħ is-​simpatija jew biex tidher aħjar magħhom. (Proverbji 12:25; 17:9) Għala? Minħabba l-​mira tiegħek.

10. X’se jgħinna nirbħu lura lil ħuna?

10 L-​objettiv tiegħek għandu jkun li tirbaħ lura lil ħuk, mhux li tikkastigah, tumiljah, jew tirrovinah. Jekk tassew għamel il-​ħażin, ir-​relazzjoni tiegħu maʼ Jehovah qegħda fil-​periklu. Żgur li tridu jibqaʼ bħala ħuk Kristjan. Iktar hemm ċans li jkollok suċċess jekk fid-​diskussjoni privata int tibqaʼ kalm, u tevita kliem iebes jew ton t’akkużatur. F’dan il-​konfront li jsir b’imħabba, ftakar li intom it-​tnejn bnedmin midinba u imperfetti. (Rumani 3:23, 24) Hekk kif jirrealizza li int ma qasqastx fuqu u jara li int sinċerament trid tgħinu, għandu mnejn li malajr tinstab soluzzjoni. Dan l-​atteġġjament ċar u ħanin se jirrifletti l-​għerf speċjalment jekk jinzerta li t-​tnejn li intom għandkom xi ftit tal-​ħtija jew li kien hemm nuqqas taʼ ftehim fl-​għerq tal-​kwistjoni.—Proverbji 25:9, 10; 26:20; Ġakbu 3:5, 6.

11. Anki jekk min joffendina ma jismax minna, x’nistgħu nagħmlu?

11 Jekk jirnexxilek tgħinu jara li seħħet ħaġa ħażina u li din hi serja, għandu mnejn jitqanqal biex jindem. Iżda, realistikament, il-​kburija tistaʼ tkun ostaklu. (Proverbji 16:18; 17:19) Għalhekk, anki jekk ma jammettix li żbalja u ma jindimx mill-​ewwel, int tistaʼ tistenna ftit qabel ma tkompli tmexxi l-​affarijiet. Ġesù ma qalx ‘mur darba waħda biss u widdbu.’ Ladarba hu dnub li tistgħu ssolvu bejnietkom, ikkunsidra jekk tistax terġaʼ tavviċina lill-​individwu fl-​ispirtu taʼ Galatin 6:1 u “taħt erbaʼ għajnejn.” Għandu mnejn jirnexxilek. (Qabbel Ġuda 22, 23.) Iżda xi ngħidu jekk int konvint li sar dnub u l-​individwu mhux qed jirreaġixxi?

Kif Issib Għajnuna Matura

12, 13. (a) X’kien it-​tieni pass li Ġesù indikalna biex nieħdu meta nittrattaw xi nuqqasijiet? (b) Liema prekawzjonijiet huma xierqa meta niġu biex napplikaw dan il-​pass?

12 Trid int li oħrajn jaqtgħu qalbhom minnek malajr jekk tkun ħati taʼ xi ħażen serju? Le, hux tassew? Għaldaqstant, Ġesù wera li wara l-​ewwel pass, m’għandekx taqtaʼ qalbek tipprova tirbaħ lura lil ħuk, biex iżżommu magħqud miegħek u maʼ oħrajn f’li jqim lil Alla b’mod aċċettabbli. Ġesù indika t-​tieni pass: “Jekk ma jismax, erġaʼ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-​kelma taʼ żewġ xhieda jew tlieta.”

13 Hu qal biex tieħu “wieħed jew tnejn oħra.” Ma qalx li wara li tieħu l-​ewwel pass, int tistaʼ tiddiskuti l-​problema maʼ ħafna oħrajn, tikkuntattja xi indokratur li jivvjaġġa, jew tikteb lill-​aħwa dwar il-​problema. Għalkemm forsi int konvint dwar il-​ħtija, din ma ġietx stabbilita għalkollox. Ma tridx li xxerred informazzjoni negattiva li għandha mnejn tiżvolġi f’ikkalunnjar min-​naħa tiegħek. (Proverbji 16:28; 18:8) Imma Ġesù qal biex tieħu miegħek wieħed jew tnejn oħra. Għala? U min jistgħu jkunu?

14. Lil min nistgħu nieħdu magħna għat-​tieni pass?

14 Int qed tipprova tirbaħ lura lil ħuk billi tikkonvinċih li sar xi dnub u billi tqanqlu biex jindem sabiex ikollu l-​paċi miegħek u m’Alla. Għal dan l-​għan, is-​sitwazzjoni ideali kieku tkun li l-​“wieħed jew tnejn oħra” jkunu xhieda tal-​ħażen li sar. Forsi kienu preżenti meta seħħ, jew għandhom informazzjoni valida dwar dak li ġara (jew ma ġarax) f’xi kwistjoni taʼ negozju. Jekk xhieda bħal dawn ma jeżistux, dawk li ġġib forsi għandhom esperjenza fis-​suġġett involut, u għalhekk ikunu jistgħu jistabbilixxu jekk dak li sar kienx verament ħażin. Iktar minn hekk, jekk ikun hemm bżonn iktar tard, huma jistgħu jkunu xhieda taʼ dak li ntqal, billi jikkonfermaw il-​fatti li ġew preżentati u l-​isforz li sar. (Numri 35:30; Dewteronomju 17:6) Għalhekk dawn m’humiex sempliċement uħud newtrali, qishom xi referìs. Madankollu, il-​preżenza tagħhom tistaʼ tgħin biex tirbħu lura lil ħukom.

15. Anzjani Kristjani għala jistgħu jkunu t’għajnuna jekk ikollna nieħdu t-​tieni pass?

15 Taħsibx li dawk li ġġib iridu bilfors ikunu rġiel li huma anzjani fil-​kongregazzjoni. Madankollu, irġiel maturi li huma anzjani jistgħu jkunu kapaċi jikkontribwixxu minħabba l-​kwalifiki spiritwali tagħhom. Anzjani bħal dawn huma “bħal ilqugħ għar-​riħ, u kenn fit-​tempesta, bħal swieqi taʼ l-​ilma f’art niexfa, bħal dell taʼ blata kbira fuq art imħeddla.” (Isaija 32:1, 2) Għandhom l-​esperjenza f’li jirraġunaw maʼ l-​aħwa u jaġġustawhom mill-​ġdid. U dak li għamel il-​ħażin għandu raġuni tajba biex juri fiduċja f’dawn id-​‘doni fi bnedmin.’c (Efesin 4:8, 11, 12) Li titkellem l-​affarijiet fil-​preżenza taʼ nies maturi bħal dawn u li titlob magħhom jistaʼ joħloq atmosfera differenti u jsolvi dak li kien jidher qisu li ma jistax jissolva.—Qabbel Ġakbu 5:14, 15.

Sforz Finali biex Tirbħu lura

16. Liema hu t-​tielet pass li indika Ġesù?

16 Jekk ifalli t-​tieni pass biex tissolva l-​kwistjoni, l-​indokraturi tal-​kongregazzjoni huma definittivament involuti fit-​tielet pass. “Jekk imbagħad anqas minnhom [wieħed jew tnejn oħra] ma jkun irid jismaʼ, mur għid lill-​knisja. U jekk anqas mill-​knisja ma jkun irid jismaʼ żommu b’wieħed pagan u pubblikan.” Dan x’jinvolvi?

17, 18. (a) Liema mudell jgħinna nifhmu s-​sinjifikat taʼ li ‘mmorru ngħidu lill-​knisja’? (b) Kif napplikaw dan il-​pass illum?

17 Ma rridux nieħdu dan bħala direttiva biex inqajmu d-​dnub jew il-​ħtija f’xi laqgħa regulari jew speċjali tal-​kongregazzjoni kollha. Nistgħu niddeterminaw il-​proċedura xierqa mill-​Kelma t’Alla. Ara x’kellu jsir f’Iżrael tal-​qedem f’każ taʼ xi ribelljoni, gula, u sokor: “Jekk xi ħadd ikollu ibnu ma jobdihx u jkun stinat, u ma jismax minn kliem missieru u minn kliem ommu, iwiddbuh u jqum kontra tagħhom u ma jismax minnhom, jaqbduh missieru u ommu, u jeħduh għand ix-​xjuħ tal-​belt tiegħu, f’bieb il-​post fejn joqgħod. U jgħidu lix-​xjuħ tal-​belt: ‘Dan binna ma jobdix u stinat, ma jismax minn kliemna, ħali u sakranazz.’ Mbagħad in-​nies kollha taʼ beltu jħaġġruh sakemm imut.” (Korsiv tagħna.)—Dewteronomju 21:18-21.

18 Id-​dnubiet taʼ l-​individwu ma kinux jinstemgħu u jiġu ġudikati la mill-​ġens kollu u lanqas mit-​tribù kollu tiegħu. Pjuttost, ix-​“xjuħ” rikonoxxuti kienu jittrattaw il-​każ bħala rappreżentanti tal-​kongregazzjoni. (Qabbel Dewteronomju 19:16, 17 dwar każ trattat mill-​‘qassisin u l-​imħallfin li kien hemm dak iż-​żmien.’) L-​istess illum, meta jkun neċessarju li jittieħed it-​tielet pass, l-​anzjani, li jirrappreżentaw il-​kongregazzjoni, jittrattaw il-​kwistjoni. Il-​mira tagħhom hija l-​istess, li jirbħu lura lill-​ħu Kristjan jekk inhu possibbli. Dan jirriflettuh billi jimxu bil-​fir, u ma jiġġudikawx bl-​addoċċ jew juru parzjalità.

19. L-​anzjani maħturin biex jisimgħu l-​każ x’se jistinkaw li jagħmlu?

19 Huma se jistinkaw biex jiżnu l-​fatti u jisimgħu x-​xhieda meħtieġa biex jiġi stabbilit jekk id-​dnub sarx (jew għadux isir). Iridu jipproteġu l-​kongregazzjoni mill-​korruzzjoni u jżommu ’l barra l-​ispirtu tad-​dinja. (1 Korintin 2:12; 5:7) Fi qbil mal-​kwalifiki Skritturali tagħhom, se jistinkaw biex ‘iħeġġu skond id-​duttrina sħiħa u jwiddbu lil min imieri.’ (Titu 1:9) Huwa ttamat li dak li jagħmel il-​ħażin ma jkunx bħall-​Iżraeliti li dwarhom il-​profeta taʼ Jehovah kiteb: “Jien sejjaħtilkom, u intom ma weġibtux; tkellimt, u ma smajtux. Għamiltu l-​ħażin f’għajnejja, u għażiltu dak li ma jogħġobnix.”—Isaija 65:12.

20. Ġesù x’qal li jrid iseħħ jekk il-​midneb jirrifjuta li jismaʼ u jindem?

20 Madankollu, f’xi ftit mill-​każi l-​midneb jirrifletti din l-​istess attitudni. F’dan il-​każ, id-​direzzjoni taʼ Ġesù hija ċara: “Żommu b’wieħed pagan u pubblikan.” Il-​Mulej ma rrikmandax li nkunu bla qalb jew li nixtiqulu d-​deni. Iżda m’hemm l-​ebda ambigwità dwar id-​direzzjoni taʼ l-​appostlu Pawlu biex neskludu midinbin bla ndiema mill-​kongregazzjoni. (1 Korintin 5:11-13) Anki dan jistaʼ eventwalment iwassal għall-​mira li l-​midneb jintrebaħ lura.

21. Liema possibbiltà tibqaʼ teżisti għal wieħed li ġie eskluż mill-​kongregazzjoni?

21 Nistgħu naraw dan il-​potenzjal mill-​parabbola taʼ Ġesù dwar l-​iben prodigu. Skond it-​tixbieha, wara perijodu t’għajxien ’il bogħod mis-​sħubija taʼ mħabba li kellu f’dar missieru, dak il-​midneb “daħal fih innifsu.” (Luqa 15:11-18) Pawlu semma maʼ Timotju li xi wħud li jagħmlu l-​ħażen maż-​żmien jindmu u “jiġu f’sensihom, u jeħilsu mix-​xbiek tax-​Xitan.” (2 Timotju 2:24-26) Nittamaw sinċerament li min jidneb bla ndiema u jkollu jiġi eskluż mill-​kongregazzjoni jħoss dak li jkun tilef​—kemm l-​approvazzjoni t’Alla u kemm is-​sħubija kordjali u l-​kuntatt soċjali maʼ Kristjani leali—​u mbagħad jiġi f’sensih.

22. Kif nistgħu xorta waħda nirbħu lura lil ħuna?

22 Ġesù ma qiesx lill-​pagani u lill-​pubblikani bħala li ma jistgħux jiksbu l-​fidwa. Wieħed minn dawn taʼ l-​aħħar, Mattew Levi, nidem, ‘mar wara Ġesù’ bis-​sinċerità, u saħansitra ntgħażel bħala appostlu. (Mark 2:15; Luqa 15:1) Għaldaqstant, jekk midneb illum “anqas mill-​knisja ma jkun irid jismaʼ” u jiġi eskluż minnha, nistgħu nistennew biex naraw jekk maż-​żmien jindimx u jiddrittax il-​mogħdijiet għal saqajh. Meta jagħmel dan u jkun membru tal-​kongregazzjoni mill-​ġdid, imbagħad inkunu henjin li nkunu rbaħna lura lil ħuna fil-​merħla tal-​qima vera.

[Noti taʼ taħt]

a Is-Cyclopedia taʼ McClintock u Strong tgħid: “Il-​pubblikani [nies li jiġbru t-​taxxi] tat-​Test[ment] il-​Ġdid kienu meqjusin bħala tradituri u apostati, imniġġsa bil-​kuntatt kontinwu tagħhom mal-​pagani, għodda ħerqana f’idejn l-​oppressur. Huma kienu klassifikati mal-​midinbin . . . Mitluqa għal riħhom, billi nies li jgħixu ħajja diċenti kienu jżommu ’l bogħod minnhom, l-​uniċi ħbieb jew imseħbin li kellhom kienu jinsabu fost dawk, li bħalhom, kienu emarġinati.”

b Kwistjonijiet fejn jidħol in-​negozju jew il-​finanzi li jinvolvu xi ingann, frodi, jew qerq jistgħu jaqgħu fil-​kategorija taʼ dnub li ried ifisser Ġesù. Bħala indikazzjoni, wara li offra d-​direzzjoni dokumentata f’Mattew 18:15-17, Ġesù ta tixbieha dwar ilsiera (impjegati) li kellhom jagħtu l-​flus imma naqsu li jagħmlu dan.

c Wieħed studjuż tal-​Bibbja kkummenta: “Xi drabi jiġri li dak li jagħmel il-​ħażin iktar jagħti kas taʼ tnejn jew tlieta (speċjalment jekk ikunu nies li jixirqilhom ir-​rispett) milli taʼ wieħed, speċjalment jekk dan ikun l-​individwu li miegħu kellu xi differenza fl-​opinjoni.”

Tiftakar Int?

◻ Primarjament, għal liema xorta taʼ dnubiet japplika Mattew 18:15-17?

◻ X’għandna niftakru jekk ikollna nieħdu l-​ewwel pass?

◻ Min jistaʼ jkun t’għajnuna jekk ikollna ngħaddu għat-​tieni pass?

◻ Min huma involuti f’li nieħdu t-​tielet pass, u kif xorta waħda nistgħu nirbħu lura lil ħuna?

[Stampa f’paġna 18]

Il-​Lhud kienu jevitawhom lill-​pubblikani. Mattew biddel il-​mogħdijiet tiegħu u mar wara Ġesù

[Stampa f’paġna 20]

Spiss nistgħu nsolvu kwistjoni “taħt erbaʼ għajnejn”  

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja