LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 2/15 pp. 20-25
  • Imqanqal Int biex Taġixxi Bħalma Kien Ġesù?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Imqanqal Int biex Taġixxi Bħalma Kien Ġesù?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Imqanqal biex Jgħin fil-​Ħtiġijiet Spiritwali
  • Ħeġġeġ lil Oħrajn Jagħtu Xiehda
  • Żviluppa l-​Moħħ taʼ Kristu Llum
  • “Ħassu Mqanqal u Tħassarhom”
    “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”
  • ‘Nagħrfu l-imħabba ta’ Kristu’
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Imita l-mogħdrija taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Jehovah—Missierna li Jagħder b’Tenerezza
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 2/15 pp. 20-25

Imqanqal Int biex Taġixxi Bħalma Kien Ġesù?

“Ra kotra kbira taʼ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.”—MARK 6:34.

1. Għala nistgħu nifhmu li xi nies juru kwalitajiet taʼ min jammirahom?

Matul l-​istorja tal-​bnedmin kien hemm ħafna individwi li wrew b’għemilhom kwalitajiet taʼ min jammirahom. Tistaʼ tifhem għala. Alla Jehovah jippossiedi u juri magħna mħabba, qalb tajba, ġenerożità, u kwalitajiet oħrajn li nistmaw. Il-​bnedmin kienu maħluqin fix-​xbiha t’Alla. Għalhekk nistgħu nifhmu għala ħafna juru ċertu ammont taʼ mħabba, qalb tajba, mogħdrija, u kwalitajiet divini oħrajn, saħansitra bħalma l-​biċċa l-​kbira jindikaw minn għemilhom li għandhom kuxjenza. (Ġenesi 1:26; Rumani 2:​14, 15) Iżda forsi tirrealizza li xi wħud ikunu pronti li juru dawn il-​kwalitajiet iżjed minn oħrajn.

2. Liema huma xi xogħlijiet tajbin li jagħmlu ċerti nies, billi forsi jħossu li qed jimitaw lil Kristu?

2 Probabbli taf b’irġiel u nisa li spiss iżuru jew jgħinu lill-​morda, juru mogħdrija lill-​inkapaċitati, jew huma ġenerużi mal-​fqar. Aħseb ukoll dwar uħud li, sforz kemm ikunu jħossu għal ħaddieħor, ikunu lesti li jqattgħu ħajjithom jaħdmu maʼ l-​imġiddmin jew maʼ l-​orfni, dawk li jagħmluha taʼ volontieri fi sptarijiet jew f’ċentri għal nies b’mard terminali, jew nies li jistinkaw biex jgħinu lir-​refuġjati jew lil min m’għandux saqaf fuq rasu. X’aktarx li xi wħud minnhom iħossu li qed jimitaw lil Ġesù, li ħalla l-​eżempju għall-​Kristjani. Fl-​Evanġelju naqraw li Kristu fejjaq lill-​morda u temaʼ lin-​nies bil-​ġuħ. (Mark 1:34; 8:​1-9; Luqa 4:40) L-​imħabba, it-​tenerezza, u l-​mogħdrija li wera Ġesù jirriflettu “l-​moħħ taʼ Kristu,” li min-​naħa tiegħu kien qed jimita lil Missieru tas-​sema.—1 Korintin 2:​16, NW.

3. Biex ikollna ħarsa bilanċjata tax-​xogħlijiet tajbin taʼ Ġesù, x’hemm bżonn nikkunsidraw?

3 Iżda osservajt int li llum ħafna minn dawk li ġew imqanqlin mill-​imħabba u l-​mogħdrija taʼ Ġesù jinjoraw fattur fundamentali dwar il-​moħħ taʼ Kristu? Nistgħu niksbu dehen dwar dan billi nikkunsidraw bir-​reqqa Mark kapitlu 6. Hemmhekk naqraw li n-​nies ġabu lill-​morda għand Ġesù biex ifejjaqhom. Fil-​kuntest nitgħallmu wkoll li meta ra li l-​eluf li kienu ġew warajh kien qabadhom il-​ġuħ, Ġesù temagħhom mirakolożament. (Mark 6:​35-​44, 54-​56) Billi fejjaq lill-​morda u temaʼ lin-​nies bil-​ġuħ Ġesù wera l-​mogħdrija u l-​imħabba b’mod taʼ l-​għaġeb, imma kien dan il-​mod ewlieni kif hu għen lil oħrajn? U kif nistgħu nimitaw bl-​aħjar mod l-​eżempju perfett tiegħu taʼ mħabba, qalb tajba, u mogħdrija, saħansitra bħalma hu imita lil Jehovah?

Imqanqal biex Jgħin fil-​Ħtiġijiet Spiritwali

4. Kif żvolġiet ix-​xena tar-​rakkont li nsibu f’Mark 6:​30-​34?

4 Ġesù tħassar lil dawk taʼ madwaru primarjament minħabba l-​ħtiġijiet spiritwali tagħhom. Dawk il-​ħtiġijiet kienu taʼ importanza ewlenija, iktar mill-​ħtiġijiet fiżiċi. Ikkunsidra r-​rakkont f’Mark 6:​30-​34. Il-​ġrajja mniżżla hemmhekk seħħet fuq ix-​xtut tal-​Baħar tal-​Galilija, viċin żmien il-​Qbiż tas-​sena 32 E.K. L-​appostli kienu eċċitati ferm u bir-​raġun. Billi kienu għadhom kif temmew mawra kbira, ġew fejn kien Ġesù għax bla dubju kienu ħerqanin biex jgħidulu l-​esperjenzi tagħhom. Iżda bdew jinġemgħu n-​nies. Tant ġew nies li Ġesù u l-​appostli tiegħu la setgħu jieklu u lanqas jistrieħu. Ġesù qal lill-​appostli: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit.” (Mark 6:31) Rikbu dgħajsa, probabbli ħdejn Kafarnahum, u rħewlha lejn post kwiet fuq in-​naħa l-​oħra tal-​Baħar tal-​Galilija. Imma l-​folla ġriet mad-​dawra tax-​xatt u waslet qabel id-​dgħajsa. Kif kien se jirreaġixxi Ġesù? Inkorla għax ma ħallewhx fil-​kwiet? Xejn affattu!

5. Ġesù kif ħassu għall-​folol li ġew warajh, u kif irreaġixxa?

5 Ġesù ħass qalbu titqanqal meta ra din il-​folla t’eluf, inkluż nies morda, li kienu qed jistennewh ħerqanin. (Mattew 14:14; Mark 6:44) Waqt li ffoka fuq dak li qanqal il-​mogħdrija u r-​reazzjoni taʼ Ġesù, Mark kiteb: “Ra kotra kbira taʼ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.” (Mark 6:34) Ġesù ma rax sempliċement massa taʼ nies. Ra individwi bi ħtiġijiet spiritwali. Kienu bħal nagħaġ mitlufin u bla tama, mingħajr ebda ragħaj biex jiggwidahom lejn mergħat iħaddru jew biex jipproteġihom. Ġesù kien jaf li l-​mexxejja reliġjużi bla qalb, li suppost kienu rgħajja li jieħdu ħsiebhom, kienu fil-​fatt jistmerruhom lin-​nies komuni u traskuraw il-​ħtiġijiet spiritwali tagħhom. (Eżekjel 34:​2-4; Ġwann 7:​47-49) Ġesù ried jittrattahom differenti, billi jagħmlilhom l-​iktar ġid possibbli. Beda jgħallimhom dwar is-​Saltna t’Alla.

6, 7. (a) L-​Evanġelji jirrivelaw liema prijorità fir-​reazzjoni taʼ Ġesù għall-​ħtiġijiet tan-​nies? (b) X’kien iqanqal lil Ġesù biex jippriedka u jgħallem?

6 Innota s-​sekwenza u kif jidher li qed tiġi suġġerita prijorità f’rakkont ieħor dwar l-​istess ġrajja. Dan inkiteb minn Luqa, li kien tabib u kien interessat ferm fis-​saħħa t’oħrajn. “Imma l-​folol . . . marru warajh [wara Ġesù]. Hu laqagħhom u qagħad ikellimhom fuq is-​Saltna t’Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-​fejqan.” (Korsiv tagħna.) (Luqa 9:11; Kolossin 4:14) Għalkemm ma jsirx hekk f’kull rakkont dwar xi miraklu, f’dan il-​każ, ir-​rakkont ispirat taʼ Luqa x’innota l-​ewwel? Il-​fatt li Ġesù għallem lin-​nies.

7 Dan fil-​fatt jaqbel maʼ l-​enfasi li nsibu f’Mark 6:34. Dan il-​vers juri biċ-​ċar kif Ġesù kien imqanqal prinċipalment biex jesprimi l-​ħasra li ħass. Hu għallem lin-​nies, billi għenhom fil-​ħtiġijiet spiritwali tagħhom. Iktar kmieni fil-​ministeru tiegħu, Ġesù qal: “Jeħtieġli nxandar l-​Evanġelju tas-​Saltna taʼ Alla lill-​ibliet l-​oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut.” (Luqa 4:43) Xorta waħda, inkunu qed niżbaljaw jekk naħsbu li Ġesù xandar il-​messaġġ tas-​Saltna sempliċement bħala dover, bħallikieku kien jibqaʼ għaddej b’mod superfiċjali fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar li kellu jagħmel. Le, il-​mogħdrija u l-​imħabba li kellu għan-​nies kienu l-​fattur ewlieni li qanqlu biex jaqsam magħhom l-​aħbar tajba. L-​iktar ġid dejjiemi li Ġesù setaʼ jagħmel—saħansitra għall-​morda, dawk maħqurin mid-​demonji, il-​fqar, jew l-​imġewħin—kien li jgħinhom isiru jafu, jaċċettaw, u jħobbu l-​verità dwar is-​Saltna t’Alla. Din il-​verità kienet taʼ importanza ċentrali minħabba l-​irwol tas-​Saltna fl-​ivvendikar tas-​sovranità taʼ Jehovah u f’li tipprovdi barkiet permanenti għall-​bnedmin.

8. Ġesù kif ħassu dwar l-​ippridkar u t-​tagħlim tiegħu?

8 L-ippridkar attiv taʼ Ġesù dwar is-​Saltna kien ir-​raġuni bażika għala ġie fuq l-​art. Lejn tmiem il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù qal lil Pilatu: “Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-​dinja, biex nixhed għall-​verità. U kull min iħobb il-​verità jismaʼ leħni.” (Ġwann 18:37) Fiż-​żewġ artikli taʼ qabel innotajna li Ġesù kien persuna b’sentimenti teneri—kien jieħu interess f’ħaddieħor, faċli biex oħrajn jersqu jkellmuh, juri konsiderazzjoni, fiduċja, u fuq kollox imħabba. Għandna bżonn napprezzaw dawk l-​aspetti tal-​personalità tiegħu jekk irridu verament nifhmu l-​moħħ taʼ Kristu. Huwa daqstant ieħor importanti li nirrealizzaw li l-​moħħ taʼ Kristu jinkludi l-​prijorità li ta lix-​xogħol tiegħu taʼ l-​ippridkar u t-​tagħlim.

Ħeġġeġ lil Oħrajn Jagħtu Xiehda

9. L-​ippridkar u t-​tagħlim għal min riedu jkunu taʼ prijorità?

9 Li jagħti prijorità lill-​ippridkar u t-​tagħlim—bħala espressjoni taʼ mħabba u mogħdrija—ma kinitx xi ħaġa li Ġesù biss kellu jagħmel. Hu ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu biex jimitaw il-​motivi, il-​prijoritajiet, u l-​azzjonijiet tiegħu. Per eżempju, wara li Ġesù għażel lit-​12-il appostlu tiegħu, dawn x’kellhom jagħmlu? Mark 3:​14, 15 jgħidilna: “Għażel tnax li semmiehom appostli biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jippridkaw, u jkollhom is-​setgħa li jkeċċu x-​xjaten.” (Korsiv tagħna.) Tara xi prijorità għall-​appostli?

10, 11. (a) Meta Ġesù bagħat lill-​appostli, x’qalilhom biex jagħmlu? (b) Fuqiex poġġa l-​enfasi Ġesù meta bagħat lill-​appostli?

10 Maż-żmien, lit-​12 Ġesù tahom ukoll is-​setgħa li jfejqu lil oħrajn u li jkeċċu x-​xjaten. (Mattew 10:1; Luqa 9:1) Imbagħad bagħathom fuq mawra s’għand in-​“nagħaġ il-​mitlufa tad-​dar taʼ Iżrael.” X’kellhom jagħmlu? Ġesù ordnalhom: “Intom u sejrin, xandru u għidu li s-​Saltna tas-​Smewwiet waslet. Fejjqu l-​morda, qajjmu l-​mejtin, fejjqu l-​lebbrużi, keċċu x-​xjaten.” (Mattew 10:​5-8; Luqa 9:2) Fil-​fatt, huma x’għamlu? “Ħarġu mela [1] jxandru biex in-​nies jindmu; u [2] keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-​żejt u fejjquhom.”—Mark 6:​12, 13.

11 Ladarba t-​tagħlim mhux dejjem jissemma l-​ewwel, inkunu qegħdin nagħtu wisq importanza lill-​kwistjoni tal-​prijoritajiet jew tal-​motivi involuti billi ninnotaw is-​sekwenza t’hawn fuq? (Luqa 10:​1-8) Sewwa, m’għandniex ninjoraw il-​fatt li ħafna drabi t-​tagħlim jissemma qabel il-​fejqan. Ikkunsidra l-​kuntest f’dan il-​każ. Ftit qabel ma bagħat lit-​12-il appostlu, Ġesù kien ġie mqanqal mill-​kundizzjoni tal-​folol. Naqraw: “Ġesù dar l-​ibliet kollha u l-​irħula jgħallem fis-​sinagogi, ixandar l-​Evanġelju tas-​Saltna, u jfejjaq kull xorta taʼ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu. Ra n-​nies u tħassarhom, għax kienu mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Mbagħad qal lid-​dixxipli tiegħu: ‘Il-​ħsad huwa kbir, iżda l-​ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-​ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-​ħsad tiegħu.’”—Mattew 9:​35-38.

12. Ix-​xogħlijiet mirakolużi taʼ Ġesù u l-​appostli għal liema skop ieħor setgħu jservu?

12 Billi kienu miegħu, l-​appostli setgħu jassorbu xi ftit mill-​moħħ taʼ Kristu. Setgħu jindunaw li biex verament juru mogħdrija u mħabba għan-​nies huma kellhom ukoll jippridkawlhom u jgħallmuhom dwar is-​Saltna—dan kellu jkun aspett prinċipali mix-​xogħlijiet tajbin tagħhom. Fi qbil maʼ dan, l-​għemejjel sbieħ taʼ natura fiżika, bħall-​fejqan tal-​morda, wettqu iktar milli sempliċement għenu lil min kien fil-​bżonn. Bħalma tistaʼ timmaġina, xi nies setgħu ġew attirati minħabba l-​fejqan u l-​ikel provdut mirakolożament. (Mattew 4:​24, 25; 8:16; 9:​32, 33; 14:​35, 36; Ġwann 6:26) Madankollu, minbarra li pprovdew għajnuna fiżika, dawn ix-​xogħlijiet attwalment qanqlu lil min rahom biex jirrikonoxxi li Ġesù kien Bin Alla u l-​“profeta” mbassar minn Mosè.—Ġwann 6:14; Dewteronomju 18:15.

13. Il-​profezija f’Dewteronomju 18:18 liema rwol enfasizzat għall-​“profeta” li kellu jiġi?

13 Għala kien sinjifikanti li Ġesù kien il-​“profeta”? Sewwa, x’kien l-​irwol fundamentali mbassar għalih? Kellu l-​“profeta” jkun famuż għax jagħmel fejqan mirakoluż jew b’mogħdrija jipprovdi l-​ikel għan-​nies bil-​ġuħ? Dewteronomju 18:18 bassar: “Jiena nqajjmilhom profeta bħalek [bħal Mosè], minn fost ħuthom; nqiegħed kliemi fuq fommu, u jħabbrilhom kull ma nordnalu.” Għalhekk waqt li l-​appostli tgħallmu kif ikollhom u kif jesprimu sentimenti teneri, setgħu jikkonkludu li l-​moħħ taʼ Kristu kien evidenti wkoll mill-​attività tagħhom taʼ l-​ippridkar u t-​tagħlim. Din kellha tkun l-​aqwa ħaġa li setgħu jagħmlu għan-​nies. Permezz tagħha, il-​morda u l-​fqar setgħu jiksbu benefiċċji permanenti, mhux biss benefiċċji li jgawduhom biss tul għomor qasir taʼ bniedem jew b’xi ikla kultant.—Ġwann 6:​26-30.

Żviluppa l-​Moħħ taʼ Kristu Llum

14. Li jkollna l-​moħħ taʼ Kristu kif inhu involut fl-​ippridkar tagħna?

14 Ħadd minna ma jqis li l-​moħħ taʼ Kristu kien xi ħaġa unika għall-​ewwel seklu—għal Ġesù u d-​dixxipli bikrin tiegħu li dwarhom l-​appostlu Pawlu kiteb: “Aħna tassew għandna l-​moħħ taʼ Kristu.” (1 Korintin 2:​16, NW) U bla tlaqliq nammettu li aħna obbligati li nippridkaw l-​aħbar tajba u nagħmlu dixxipli. (Mattew 24:14; 28:​19, 20) Madankollu, ikun taʼ benefiċċju li nirriflettu dwar il-​motivi persunali tagħna rigward għala qed nagħmlu dan ix-​xogħol. M’għandux ikun sempliċement minħabba sens taʼ dover. Imħabba għal Alla hija r-​raġuni prinċipali għala nieħdu sehem fil-​ministeru, u li verament inkunu bħal Ġesù jinkludi li nitqanqlu b’mogħdrija biex nippridkaw u ngħallmu.—Mattew 22:​37-​39.

15. Il-​mogħdrija għala hija parti xierqa mill-​ministeru pubbliku tagħna?

15 M’għandniex xi ngħidu, mhux dejjem faċli li tħoss mogħdrija għal min ma jaħsibx u ma jemminx bħalek, speċjalment meta dan juri indifferenza, u jiċħad jew jopponi. Iżda li kieku kellna nitilfu l-​imħabba u l-​mogħdrija li nħossu għan-​nies, nistgħu nitilfu motivazzjoni vitali biex nieħdu sehem fil-​ministeru Kristjan. Allura, kif nistgħu nikkultivaw il-​mogħdrija? Nistgħu nipprovaw naraw lin-​nies bħalma kien jarahom Ġesù, bħala li huma “mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.” (Mattew 9:36) Ma jiddeskrivix dan lil ħafna llum? Huma ġew mitluqin u mogħmijin spiritwalment minn rgħajja reliġjużi foloz. Bħala riżultat, ma jafux dwar il-​gwida mibnija fuq is-​sod li tinsab fil-​Bibbja, u lanqas dwar il-​kundizzjonijiet tal-​Ġenna fuq l-​art li dalwaqt se ġġib is-​Saltna t’Alla. Huma jiffaċċjaw il-​problemi tal-​ħajja taʼ kuljum—inkluż il-​faqar, tilwim fil-​familja, mard, u mewt—mingħajr ma għandhom it-​tama tas-​Saltna. Aħna għandna dak li għandhom bżonn: l-​aħbar tajba li ssalva l-​ħajja dwar is-​Saltna t’Alla li issa hija stabbilita fis-​sema!

16. Għala għandna nkunu nixtiequ naqsmu l-​aħbar tajba maʼ oħrajn?

16 Meta tirrifletti b’dan il-​mod dwar il-​ħtiġijiet spiritwali taʼ dawk madwarek, ma tqanqlekx qalbek biex tagħmel kulma tistaʼ sabiex tgħidilhom dwar l-​iskop taʼ mħabba li Alla għandu? Iva, ix-​xogħol tagħna hu wieħed taʼ mogħdrija. Meta nħossu għan-​nies bħalma kien jagħmel Ġesù, dan se jkun evidenti mit-​ton taʼ leħinna, l-​espressjoni taʼ wiċċna, u l-​mod kif ngħallmu. Dan kollu se jagħmel il-​messaġġ tagħna iktar attraenti għal dawk li huma disposti kif jixraq “għall-​ħajja taʼ dejjem.”—Atti 13:48.

17. (a) Liema huma xi modi li bihom nistgħu nuru mħabbitna u l-​mogħdrija tagħna għal oħrajn? (b) Għala m’hijiex kwistjoni taʼ li jew nagħmlu xogħlijiet tajbin inkella nieħdu sehem fil-​ministeru pubbliku?

17 M’għandniex xi ngħidu, l-​imħabba u l-​mogħdrija tagħna għandhom ikunu jidhru fil-​korsa kollha taʼ ħajjitna. Dan jinkludi li nkunu qalbna tajba maʼ min hu żvantaġġat, marid, u fqir—billi nagħmlu kulma nistgħu biex inserrħuhom mit-​tbatija. Għandna wkoll nagħmlu sforz biex bil-​kliem u l-​fatti ntaffu n-​niket taʼ wħud li jitilfu l-​maħbubin tagħhom minħabba l-​mewt. (Luqa 7:​11-15; Ġwann 11:​33-35) Iżda, dawn it-​turijiet taʼ mħabba, qalb tajba, u mogħdrija m’għandhomx isiru l-​enfasi ewlenija tax-​xogħlijiet tajbin tagħna, bħalma saru għal xi umanitarji. Sforzi mqanqlin minn kwalitajiet divini bħal dawn li semmejna huma taʼ sinjifikat ferm iktar dejjiemi meta nuruhom biex nieħdu sehem fix-​xogħol Kristjan taʼ l-​ippridkar u t-​tagħlim. Ftakar x’qal Ġesù dwar il-​mexxejja reliġjużi Lhud: “Intom tħallsu d-​dieċmi fuq in-​nagħniegħ u l-​busbies u l-​kemmun, u mbagħad tagħlqu għajnejkom għal dak li hu l-​aqwa fil-​Liġi, jiġifieri, il-​ġustizzja u l-​ħniena u s-​sinċerità! Dawn kien imisskom tagħmlu, bla ma tħallu l-​oħrajn barra.” (Mattew 23:23) Ġesù ma qagħadx jagħżel bejn ħaġa u oħra—jew jgħin lin-​nies fil-​ħtiġijiet fiżiċi tagħhom inkella jgħallimhom affarijiet spiritwali li jagħtu l-​ħajja. Kien jagħmilhom it-​tnejn. Xorta waħda, jidher ċar li x-​xogħol tiegħu taʼ tagħlim kien fuq quddiem għaliex il-​ġid li kien iwettaq bih setaʼ jkun t’għajnuna għal dejjem.— Ġwann 20:16.

18. Li nikkunsidraw il-​moħħ taʼ Kristu se jqanqalna għal liema ħaġa?

18 Kemm għandna għalfejn inkunu grati li Jehovah rrivelalna l-​moħħ taʼ Kristu! Permezz taʼ l-​Evanġelji, nistgħu nsiru nafu aħjar il-​ħsibijiet, is-​sentimenti, il-​kwalitajiet, l-​attivitajiet, u l-​prijoritajiet taʼ l-​aqwa bniedem li qatt għex. Jiddependi minna li naqraw, nimmeditaw, u npoġġu fil-​prattika dak li l-​Bibbja tirrivela dwar Ġesù. Ftakar, jekk irridu verament naġixxu bħal Ġesù, għandna l-​ewwel nitgħallmu naħsbu, inħossu, u niżnu l-​affarijiet bħalma kien jagħmel hu, sa fejn nistgħu naslu bħala bnedmin imperfetti. Mela, ejja nkunu determinati li nikkultivaw u nuru b’għemilna l-​moħħ taʼ Kristu. M’hemmx mod aħjar minn dan kif ngħixu, m’hemmx mod aħjar kif nittrattaw man-​nies, u m’hemmx mod aħjar għalina u għal oħrajn biex nersqu qrib taʼ dak li lilu rrifletta b’mod perfett, dak Alla teneru tagħna, Jehovah.—2 Korintin 1:3; Lhud 1:3.

Int Kif Twieġeb?

• Il-​Bibbja liema dehen toffrilna dwar kif Ġesù taʼ spiss kien jirreaġixxi għan-​nies fil-​bżonn?

• Ġesù x’enfasizza meta dderieġa lis-​segwaċi tiegħu?

• Kif nistgħu nuru l-​moħħ taʼ Kristu fl-​attivitajiet tagħna?

[Stampa ta’ paġna sħiħa f’paġna 23]

[Stampa f’paġna 24]

Liema hu l-​akbar ġid li l-​Kristjani jistgħu jagħmlu għal oħrajn?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja