LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 4/1 pp. 8-11
  • L-Ispirtu t’Alla Kif Jopera Llum?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Ispirtu t’Alla Kif Jopera Llum?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “L-​Ispirtu tal-​Verità”
  • L-​Ispirtu Qaddis fi Żmienna
  • “Tkunu Xhieda Tiegħi”
  • L-​Ispirtu t’Alla u Int
  • Gwidati bl-Ispirtu t’Alla fl-Ewwel Seklu u Llum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • ‘Fl-Isem tal-Ispirtu Qaddis’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Kif l-Ispirtu t’Alla Jistaʼ Jeffettwa Lilek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Imxi bl-Ispirtu u Għix fi Qbil mad-Dedikazzjoni Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 4/1 pp. 8-11

L-​Ispirtu t’Alla Kif Jopera Llum?

KIEN zopp minn ġuf ommu. Kuljum, kien joqgħod bil-​qegħda ħdejn il-​bieb tat-​tempju msejjaħ is-​Sabiħ, biex jitlob il-​karità lil dawk li jkunu deħlin fit-​tempju. Madankollu, darba minnhom dan it-​tallab b’diżabilità qalaʼ għotja li kienet tiswa ħafna iktar minn erbaʼ muniti żgħar. Il-​fejqan!—Atti 3:​2-8.

Għalkemm l-​appostli Pietru u Ġwanni kienu dawk li ‘qajmuh’ sabiex “riġlejh . . . ħadu saħħithom,” ma ħaduhx huma l-​kredtu talli fejquh. Għala le? Pietru nnifsu spjega: “Nies taʼ Iżrael, x’intom tistagħġbu b’dan? Jew x’intom tħarsu lejna, qisna konna aħna li b’ħilitna jew bit-​tjieba tagħna għamilna lil dan ir-​raġel jimxi?” Tabilħaqq, kemm Pietru u kemm Ġwanni rrealizzaw li ma kienx bis-​saħħa tagħhom, imma kien permezz taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla li setgħet tiġri ħaġa bħal din.—Atti 3:​7-​16; 4:​29-​31.

F’dawk iż-​żminijiet, “għemejjel setgħana” bħal dawn kienu jiġu provduti biex juru li l-​kongregazzjoni Kristjana ġdida kienet appoġġata minn Alla. (Lhud 2:4) Imma wara li jkunu qdew l-​iskop tagħhom, dawn kellhom “jgħibu,” qal l-​appostlu Pawlu.a (1 Korintin 13:8) B’hekk, fil-​kongregazzjoni Kristjana vera llum ma naraw l-​ebda fejqan ordnat minn Alla, messaġġi profetiċi, jew it-​tkeċċija tad-​demonji.

Iżda, ifisser dan li l-​ispirtu qaddis t’Alla m’għadux jopera? ’Il bogħod minn hekk! Ejja nikkunsidraw xi modi oħrajn li bihom l-​ispirtu t’Alla kien attiv fl-​ewwel seklu u huwa attiv fi żmienna.

“L-​Ispirtu tal-​Verità”

Mod wieħed kif jopera l-​ispirtu qaddis t’Alla hu li jinforma, li jillumina, li jikxef il-​veritajiet. Ftit qabel mewtu, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-​Ispirtu tal-​verità, iwassalkom għall-​verità kollha.”—Ġwann 16:​12, 13.

“L-​Ispirtu tal-​verità” tferraʼ f’Pentekoste tat-​33 E.K. meta madwar 120 dixxiplu li nġabru f’kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm tgħammdu bl-​ispirtu qaddis. (Atti 2:​1-4) L-​appostlu Pietru kien fost dawk li kienu preżenti għal dik iċ-​ċelebrazzjoni annwali. Mimli bl-​ispirtu qaddis, Pietru “qam” u wassal, jew iċċara, ċerti veritajiet dwar Ġesù. Per eżempju, hu rrakkonta kif lil “Ġesù taʼ Nazaret,” “Alla għollieh bil-​leminija tiegħu.” (Atti 2:​14, 22, 33) L-​ispirtu t’Alla wkoll qanqal lil Pietru biex jiddikjara bil-​qlubija lil-​Lhud li kienu qed jisimgħuh: “Ħa jkun jaf fiż-​żgur il-​poplu kollu taʼ Iżrael li lil dan Ġesù, li intom . . . [“sammartu maʼ zokk,” NW], Alla għamlu Mulej u Messija.” (Atti 2:36) Bħala riżultat tal-​messaġġ taʼ Pietru ispirat mill-​ispirtu, madwar tlett elef ruħ “laqgħu kliemu” u tgħammdu. B’dan il-​mod, l-​ispirtu qaddis t’Alla għen f’li jiggwidahom lejn il-​verità.—Atti 2:​37-41.

L-ispirtu qaddis t’Alla serva wkoll t’għalliem u wieħed li jfakkar. Ġesù qal: “[I]d-Difensur, l-​Ispirtu s-​Santu, li l-​Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.”—Ġwann 14:26.

L-ispirtu qaddis kif opera bħala għalliem? L-​ispirtu t’Alla fetaħ imħuħ id-​dixxipli għall-​affarijiet li kienu semgħu qabel mingħand Ġesù imma li ma kinux fehmuhom għalkollox. Per eżempju, l-​appostli kienu jafu li meta kien għaddej ġuri, Ġesù qal lill-​gvernatur Ruman tal-​Ġudea, Ponzju Pilatu: “Is-​saltna tiegħi m’hijiex taʼ din id-​dinja.” Madankollu, mat-​tlugħ taʼ Ġesù fis-​sema iktar minn 40 jum wara, l-​appostli kien għad għandhom il-​ħarsa żbaljata li s-​Saltna kienet se tiġi stabbilita hawn fuq l-​art. (Ġwann 18:36; Atti 1:6) Milli jidher, l-​appostli ma setgħux jifhmu għalkollox x’ried ifisser Ġesù bi kliemu qabel ma tferraʼ fuqhom l-​ispirtu qaddis t’Alla f’Pentekoste tat-​33 E.K.

L-ispirtu t’Alla serva wkoll taʼ wieħed li jfakkar billi reġaʼ ġabilhom f’moħħhom id-​diversi affarijiet li għallem Ġesù. Per eżempju, il-​profeziji rigward il-​mewt u l-​irxoxt taʼ Kristu ħadu tifsira ġdida bl-​għajnuna taʼ l-​ispirtu qaddis. (Mattew 16:21; Ġwann 12:16) Il-​fatt li ftakru t-​tagħlim taʼ Ġesù għen lill-​appostli biex jiddefendu bil-​qlubija l-​pożizzjoni tagħhom quddiem slaten, maġistrati, u mexxejja reliġjużi.—Mark 13:​9-11; Atti 4:​5-20.

Iktar minn hekk, l-​ispirtu qaddis t’Alla għen biex jidderieġi lill-​Kristjani bikrin lejn territorju produttiv fil-​ministeru. (Atti 16:​6-10) L-​ispirtu t’Alla wkoll qanqal lill-​Kristjani bikrin biex jieħdu sehem f’li jiktbu l-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, għall-​benefiċċju taʼ l-​umanità kollha. (2 Timotju 3:16) Għalhekk, mela, jidher ċar li l-​ispirtu t’Alla kien attiv b’diversi modi fl-​ewwel seklu. Dan ma kienx provdut biss biex isiru l-​mirakli.

L-​Ispirtu Qaddis fi Żmienna

L-​ispirtu qaddis bl-​istess mod jaħdem għan-​nom tal-​Kristjani veri fi żmienna. Dan sar evidenti għal grupp żgħir taʼ studenti tal-​Bibbja f’Allegheny, Pennsylvania, fl-​Istati Uniti taʼ l-​Amerka, fl-​aħħar nofs tas-​seklu 19. Dawn l-​istudenti mill-​iktar ħerqana tal-​Bibbja kienu jixxennqu biex ikunu jafu “l-​verità.”—Ġwann 8:32; 16:13.

Membru taʼ dan il-​grupp, Charles Taze Russell, qal rigward it-​tfittxija tiegħu għall-​verità Skritturali: “Jien tlabt . . . li nkun nistaʼ nneħħi kwalunkwe preġudizzju minn qalbi u minn moħħi li jistaʼ jkun t’ostaklu u li nkun gwidat mill-​ispirtu tiegħu lejn il-​fehma xierqa.” Alla bierek din it-​talba umli.

Hekk kif Russell u sħabu bdew ifittxu bir-​reqqa fl-​Iskrittura, għadd t’affarijiet bdew jiċċaraw. “Sibna li għal sekli sħaħ,” spjega Russell, “diversi setet u partiti kienu qasmu d-​duttrini tal-​Bibbja bejniethom, billi ħalltuhom xi ftit jew wisq maʼ spekulazzjonijiet u żbalji umani.” Dan irriżulta f’dak li hu sejjaħlu “telf tal-​verità.” Tabilħaqq, il-​veritajiet Skritturali kienu mgħaddsin taħt ġabra taʼ tagħlim pagan li kien infiltra fil-​Kristjaneżmu matul is-​sekli. Imma Russell kien determinat li jkun jaf il-​verità u jiddikjaraha.

Permezz tal-​paġni taʼ Zion’s Watch Tower and Herald of Christ’s Presence, Russell u sħabu bil-​kuraġġ ċaħdu d-​duttrini reliġjużi foloz li rrappreżentaw ħażin lil Alla. Huma fehmu li—kuntrarju għall-​opinjoni reliġjuża popolari—ir-​ruħ hija mortali, li mal-​mewt immorru fil-​qabar, u li Jehovah hu l-​uniku veru Alla, u għalhekk m’huwiex parti minn xi Trinità.

Iżda, kif tistaʼ timmaġina, il-​fatt li beda jiġi espost it-​tagħlim falz irrabja lill-​kleru tal-​Kristjaneżmu. Billi kienu ħerqanin biex iżommu l-​pożizzjonijiet influwenti tagħhom, ħafna membri tal-​kleru, kemm Kattoliċi u kemm Protestanti, organizzaw kampanji mmirati biex igiddbu lil Russell. Imma hu u sħabu ma qatgħux qalbhom. Huma stennew fiduċjużi li l-​ispirtu t’Alla jiggwidahom. “L-​assiguranza tal-​Mulej tagħna,” qal Russell, “hi li . . . l-​ispirtu qaddis tal-​Missier, mibgħut għan-​nom u b’rikjesta taʼ Ġesù l-​Feddej, il-​Medjatur, u l-​Kap tagħna, se jkun l-​istruttur tagħna.” U veru istruwiehom! Dawn l-​Istudenti sinċieri tal-​Bibbja komplew jieħdu ilmijiet puri tal-​verità mill-​Bibbja u jipproklamawhom mad-​dinja kollha.—Apokalissi 22:17.

L-organizzazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah fi żmienna baqgħet sensittiva għall-​gwida taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla għal iktar minn seklu issa. Hekk kif l-​ispirtu taʼ Jehovah progressivament idawwal il-​viżjoni spiritwali tagħhom, ix-​Xhieda lesti li jagħmlu l-​aġġustamenti li jkun hemm bżonn fi qbil maʼ fehma aġġornata.—Proverbji 4:18.

“Tkunu Xhieda Tiegħi”

Ġesù identifika jerġaʼ manifestazzjoni oħra taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla meta hu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Meta jiġi fuqkom l-​Ispirtu s-​Santu, intom tirċievu l-​qawwa, u tkunu xhieda tiegħi . . . sa truf l-​art.” (Atti 1:8) Il-​wegħda taʼ Ġesù, li kellu jsawwab fuq id-​dixxipli tiegħu “l-​qawwa” u “l-​Ispirtu s-​Santu” sabiex iwettqu x-​xogħol assenjat lilhom minn Alla, għadha tapplika sal-​lum.

Bħala grupp, ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma magħrufin sew għall-​attivitajiet tagħhom taʼ l-​ippridkar. (Ara l-​kaxxa.) Tabilħaqq, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jitkellmu l-​messaġġ tal-​verità f’iktar minn 230 pajjiż u gruppi taʼ gżejjer. F’kull kundizzjoni li tistaʼ timmaġina, inkluż li jirriskjaw ħajjithom fi nħawi mifnijin bil-​gwerer, huma bil-​kuraġġ jgħollu leħinhom biex jappoġġaw is-​Saltna t’Alla. Iż-​żelu tagħhom għall-​ministeru Kristjan jagħti evidenza qawwija li l-​ispirtu qaddis qed jopera llum. U huwa ovvju li Alla Jehovah qed ibierek l-​isforzi tagħhom.

Per eżempju, is-​sena l-​oħra ġew dedikati iktar minn elf miljun siegħa għall-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. B’liema riżultat? Xi 323,439 ruħ issimbolizzaw d-​dedikazzjoni tagħhom lil Alla billi ssottomettew lilhom infushom għall-​magħmudija taʼ l-​ilma. Iktar minn hekk, saru 4,433,884 studju tal-​Bibbja fid-​dar maʼ wħud interessati ġodda. B’kollox, tqassmu 24,607,741 ktieb, 631,162,309 rivisti, u 63,495,728 ktejjeb u browxers. Kemm jixhed bil-​qawwi dan li l-​ispirtu t’Alla hu attiv!

L-​Ispirtu t’Alla u Int

Meta individwu jwieġeb favorevolment għall-​aħbar tajba, jirranġa ħajtu fi qbil mal-​livelli t’Alla, u jesprimi fidi fil-​provvediment tal-​prezz tal-​fidwa, tinfetaħlu t-​triq għal waqfa nadifa m’Alla. Lil uħud bħal dawn l-​appostlu Pawlu qalilhom: “Alla . . . takom l-​Ispirtu qaddis tiegħu.”—1 Tessalonikin 4:​7, 8; 1 Korintin 6:​9-11.

Il-fatt li jkollok l-​ispirtu t’Alla jirriżulta f’ħafna barkiet mill-​aqwa. X’tip taʼ barkiet? L-​ewwel ħaġa, il-​Kelma Ispirata t’Alla tgħid: “Il-​frott taʼ l-​Ispirtu huma: l-​imħabba, l-​hena, is-​sliem, is-​sabar, il-​ħniena, it-​tjieba, il-​fidi, il-​ħlewwa, [u] ir-​rażan.” (Galatin 5:​22, 23) Għalhekk, l-​ispirtu qaddis t’Alla hu forza qawwija għat-​tajjeb, u tgħin lil dak li jkun biex juri kwalitajiet divini.

Iktar minn hekk, jekk taqra l-​Bibbja u tapplika dak li titgħallem, l-​ispirtu t’Alla jistaʼ jgħinek tikber fl-​għerf, fl-​għarfien, fid-​dehen, fil-​ġudizzju, u fl-​abbiltà tal-​ħsieb. Is-​Sultan Salamun irċieva “għerf . . . u dehen kbir ħafna, u moħħ bla qjies” għaliex fittex li jogħġob lil Alla minflok lill-​bniedem. (1 Slaten 5:9 [4:​29, NW]) Jekk Jehovah ta l-​ispirtu qaddis tiegħu lil Salamun, żgur mhux se jċaħħad l-​ispirtu qaddis lil dawk li jfittxu li jogħġbuh illum.

L-ispirtu qaddis t’Alla jgħin ukoll lill-​Kristjani jikkumbattu lil Satana u d-​demonji, lil din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar, u t-​tendenzi midinbin tal-​ġisem imperfett tagħhom. Dan kif jistaʼ jkun? L-​appostlu Pawlu jwieġeb: “Għal kollox niflaħ bis-​saħħa taʼ dak li jqawwini.” (Filippin 4:13) L-​ispirtu qaddis għandu mnejn ma jneħħilekx il-​provi jew it-​tentazzjonijiet; madankollu, jistaʼ jgħinek tissaportihom. Billi nistrieħu fuq l-​ispirtu t’Alla, aħna nistgħu nirċievu “l-​qawwa iktar min-​normal” biex inkampaw maʼ kwalunkwe inkwiet jew tbatija.—2 Korintin 4:​7, NW; 1 Korintin 10:13.

Meta tikkunsidra l-​evidenza kollha, ma tantx jibqagħlek dubju li l-​ispirtu qaddis t’Alla qed jopera llum. L-​ispirtu taʼ Jehovah qed jagħti l-​enerġija lill-​qaddejja tiegħu biex jagħtu xiehda dwar l-​iskopijiet grandjużi tiegħu. Dan ikompli jikxef leħħiet taʼ dawl spiritwali u jsaħħaħ il-​fidi tagħna, billi jgħinna nibqgħu leali lejn il-​Ħallieq tagħna. Kemm nistgħu nkunu grati li Alla żamm il-​wegħda tiegħu billi jipprovdi l-​ispirtu qaddis lill-​qaddejja leali tiegħu llum!

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​artiklu “Why Have the Miraculous Gifts of the Spirit Ceased?” fil-​Watchtower tal-​15 t’Awissu, 1971, paġni 501-5.

[Kaxxa f’paġna 10]

X’Jgħidu Oħrajn dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah

“Filwaqt li knejjes oħrajn jikru lil xi professjonisti biex jattiraw lin-​nies lejn il-​bankijiet tal-​knisja jew biex jikkwistinjaw fuq affarijiet taʼ daż-żmien bħall-​omosesswalità u l-​abort, ix-​Xhieda ma jagħmlu l-​ebda kompromess maʼ din id-​dinja li qed tinbidel. Huma xorta jagħmlu x-​xogħol taʼ kanvasser maʼ l-​Art kollha b’mod sistematiku.”—The Orange County Register taʼ Orange County, Kalifornja, Stati Uniti taʼ l-​Amerka.

“Meta jiġu għal biex ixerrdu l-​fidi, ftit denominazzjonijiet huma entużjasti . . . daqs ix-​Xhieda taʼ Jehovah.”—The Republic taʼ Columbus, Indiana, Stati Uniti taʼ l-​Amerka.

“Huma l-​uniċi wħud li jmorru minn bieb għal bieb bl-​‘aħbar tajba,’ billi japplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja.”— Życie Literackie, Polonja.

“Fl-​akbar kampanja taʼ ppridkar li qatt kien hawn, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ħadu l-​messaġġ taʼ Jehovah mad-​dinja kollha.”—News-Observer, Tamaqua, Pennsylvania, Stati Uniti taʼ l-​Amerka.

[Stampi f’paġna 9]

L-​ispirtu qaddis t’Alla jdawwalna spiritwalment,

. . . jippromwovi kwalitajiet Kristjani mill-​aħjar,

. . . u jappoġġana fix-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar mad-​dinja kollha

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja