LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 1/15 pp. 28-31
  • Kif il-Ġemgħa li Tiggverna hi Differenti minn Korporazzjoni Legali

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif il-Ġemgħa li Tiggverna hi Differenti minn Korporazzjoni Legali
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Laqgħa Annwali Storika
  • Laqgħa Annwali Oħra li Ma Tintesiex
  • L-​Isem taʼ Jehovah Jingħata Prominenza
  • It-​Tqassim tal-​Kelma t’Alla Jieħu Spinta ’l Quddiem
  • Nikkoperaw mal-Ġemgha li Tiggverna Llum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • X’Inhi l-Watch Tower Bible and Tract Society?
    Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
  • Avviż Specjali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Min qed imexxi l-​poplu t’Alla llum?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 1/15 pp. 28-31

Kif il-​Ġemgħa li Tiggverna hi Differenti minn Korporazzjoni Legali

IL-​LAQGĦAT annwali tal-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania ilhom isiru minn Jannar tas-​sena 1885. Meta lejn l-​aħħar tas-​seklu 19 kien qed isir il-​ġbir tal-​Kristjani midlukin, id-​diretturi u l-​uffiċjali taʼ din il-​korporazzjoni kellhom it-​tama għas-​sema. Fil-​fatt, kważi dejjem hekk ġara.

Kien hemm biss eċċezzjoni waħda. Hayden C. Covington kien jaqdi bħala l-​kunsillier legali tas-​Soċjetà u kien wieħed min-​“nagħaġ oħra,” b’tama għall-​art. (Ġwann 10:16) Fl-​1940, dan ġie elett bħala wieħed mid-​diretturi tas-​Soċjetà. Hu qeda bħala l-​viċi-president tas-​Soċjetà mill-​1942 sa l-​1945. F’dak iż-​żmien, Ħuna Covington irriżenja minn direttur fi qbil maʼ dak li kienu jaħsbu li kienet ir-​rieda taʼ Jehovah—li d-​diretturi u l-​uffiċjali kollha tal-​korporazzjoni taʼ Pennsylvania għandhom ikunu Kristjani midlukin. Lyman A. Swingle ħa post Hayden C. Covington fil-​bord tad-​diretturi, u Frederick W. Franz ġie elett bħala viċi-president.

Il-qaddejja taʼ Jehovah għala kienu jemmnu li d-​diretturi u l-​uffiċjali kollha tal-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania għandhom ikunu Kristjani midlukin? Għax dik il-​ħabta, il-​bord tad-​diretturi u l-​uffiċjali tal-​korporazzjoni taʼ Pennsylvania kienu assoċjati mill-​qrib mal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Din minn dejjem kienet magħmula biss minn irġiel midlukin bl-​ispirtu.

Laqgħa Annwali Storika

Fil-​laqgħa annwali li saret fit-​2 t’Ottubru, 1944, f’Pittsburgh, il-​membri tal-​korporazzjoni taʼ Pennsylvania adottaw sitt riżoluzzjonijiet biex jemendaw l-​istatut tagħha. Skond l-​istatut, dawk li kienu jipprovdu l-​flus lis-​Soċjetà biex tkompli bix-​xogħol tagħha kellhom id-​dritt li jivvotaw. Iżda dan l-​arranġament tneħħa bit-​tielet emenda. Rapport dwar din il-​laqgħa annwali jgħid: “In-​numru taʼ membri fis-​Soċjetà se jkun limitat għal mhux iktar minn 500 . . . Kull wieħed li jintgħażel irid ikun qaddej full-time tas-​Soċjetà jew qaddej part-time taʼ xi kumpanija [kongregazzjoni] tax-​Xhieda taʼ Jehovah u jrid juri l-​ispirtu tal-​Mulej.”

Wara dan, id-​diretturi tas-​Soċjetà bdew jiġu eletti fil-​kariga tagħhom minn individwi li kienu devoti għalkollox lejn Jehovah, kien kemm kien l-​ammont taʼ flus li kienu jagħtu biex jappoġġaw ix-​xogħol tas-​Saltna. Dan ġara fi qbil maʼ l-​irfinar li kellu jseħħ bil-​mod il-​mod u li kien imbassar f’Isaija 60:17. Hemmhekk naqraw: “Minflok il-​bronż, nġiblek id-​deheb; flok il-​ħadid, il-​fidda; flok l-​injam, il-​bronż; flok il-​ġebel, il-​ħadid. U nagħmel is-​Sliem [“l-​indokraturi,” NW] tiegħek, u l-​Ġustizzja [“dawk li jagħtuk ix-​xogħol,” NW].” Meta rreferiet għall-​“indokraturi” u ‘dawk li jagħtu x-​xogħol,’ din il-​profezija ġibdet l-​attenzjoni lejn it-​titjib li kellu jsir fil-​proċeduri organizzazzjonali fost il-​poplu taʼ Jehovah.

Dan il-​pass importanti, li ttieħed biex l-​organizzazzjoni tinġieb fi qbil mat-​teokrazija, sar fi tmiem l-​“elfejn u tliet mitt lejla u għodwa” msemmijin f’Danjel 8:14. F’dak iż-​żmien, ‘sar ħaqq lill-​post imqaddes.’

Madankollu, wara l-​laqgħa annwali storika li saret fl-​1944, kien għad baqaʼ mistoqsija importanti ħafna. Ladarba f’dak iż-​żmien il-​Ġemgħa li Tiggverna kienet assoċjata mill-​qrib mas-​sebaʼ membri fil-​bord tad-​diretturi tal-​korporazzjoni taʼ Pennsylvania, kien ifisser dan li l-​Ġemgħa li Tiggverna kellha tkun dejjem ifformata biss minn sebaʼ Kristjani midlukin? Iktar minn hekk, ladarba d-​diretturi kienu eletti mill-​membri tal-​korporazzjoni, allura l-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna kienu qed jiġu eletti mill-​membri tal-​korporazzjoni fil-​laqgħa annwali taʼ kull sena? Huma d-​diretturi u l-​uffiċjali tal-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania l-​istess bħall-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna, jew inkella huma differenti?

Laqgħa Annwali Oħra li Ma Tintesiex

Dawn il-​mistoqsijiet twieġbu fil-​laqgħa annwali li saret fl-​1 t’Ottubru, 1971. F’dik l-​okkażjoni, wieħed mill-​kelliema ħareġ il-​punt li l-​ġemgħa li tiggverna taʼ “l-​ilsir leali u diskret” kienet ilha teżisti mijiet taʼ snin qabel il-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania. (Mattew 24:​45-47, NW) F’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. ġiet ifformata ġemgħa li tiggverna, u dan kien iktar minn 18-il seklu qabel ma bdiet teżisti l-​korporazzjoni taʼ Pennsylvania. Għall-​ewwel, il-​ġemgħa li tiggverna kienet magħmula minn 12-il appostlu, mhux minn 7 irġiel. Iżda jidher ċar li iktar tard dawn żdiedu, għax insibu li t-​tmexxija kienet f’idejn “l-​appostli u x-​xjuħ” f’Ġerusalemm.—Korsiv tagħna; Atti 15:​2, KŻ.

Fl-1971, l-​istess kelliemi spjega li l-​membri midlukin tal-​Ġemgħa li Tiggverna ma setgħux jiġu eletti mill-​membri tal-​Watch Tower Society. Għala? “Minħabba l-​fatt,” qal hu, “li l-​ġemgħa li tiggverna tal-​klassi taʼ ‘l-​ilsir’ m’hijiex maħtura minn xi bniedem. Din hi maħtura . . . minn Ġesù Kristu, il-​Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana vera u l-​Mulej u s-​Sid tal-​klassi taʼ ‘l-​ilsir leali u diskret.’” Mela jidher b’mod ċar li l-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna ma jistgħux jiġu eletti għall-​kariga tagħhom mill-​membri taʼ xi korporazzjoni legali.

Il-kelliemi kompla billi għamel din l-​istqarrija tassew sinifikanti: “Il-​ġemgħa li tiggverna m’għandhiex uffiċjali bħalma għandu l-​Bord tad-​Diretturi tas-​Soċjetà, jiġifieri, president, viċi-president, segretarju-teżorier, u assistent tas-​segretarju-teżorier. Din għandha biss chairman.” Għal ħafna snin, il-​president tal-​korporazzjoni taʼ Pennsylvania kien ukoll l-​iktar membru importanti tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Dan ma kellux jibqaʼ hekk iktar. Għalkemm il-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna ma kellhomx l-​istess esperjenza jew abbiltà, huma kien se jkollhom responsabbiltà ndaqs. Il-​kelliemi żied: “Kwalunkwe membru tal-​ġemgħa li tiggverna jistaʼ jkun chairman mingħajr ma jkun fl-​istess ħin il-​president . . . [tas-]Soċjetà . . . Dwar min imissu jkun iċ-​chairman jiddependi mis-​sistema taʼ rotazzjoni li għandha l-​ġemgħa li tiggverna.”

F’din il-​laqgħa annwali memorabbli taʼ l-​1971 saret distinzjoni ċara bejn il-​membri midlukin bl-​ispirtu tal-​Ġemgħa li Tiggverna u d-​diretturi tal-​korporazzjoni taʼ Pennsylvania. Madankollu, il-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna baqgħu jaqdu xorta waħda bħala d-​diretturi u l-​uffiċjali tas-​Soċjetà. Iżda llum tqum il-​mistoqsija: Hemm xi raġuni Skritturali għala d-​diretturi tal-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania jridu jkunu bilfors membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna?

It-tweġiba hija le. Il-​korporazzjoni taʼ Pennsylvania m’hijiex l-​unika korporazzjoni legali wżata mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Hemm oħrajn. Waħda minnhom hija l-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Incorporated. Din tiffaċilita x-​xogħol tagħna fl-​Istati Uniti. Minkejja li l-​biċċa l-​kbira mid-​diretturi u l-​uffiċjali taʼ din il-​korporazzjoni huma min-​“nagħaġ oħra,” jidher ċar li din il-​korporazzjoni għandha l-​barka taʼ Jehovah. Fil-​Britannja tintuża l-​International Bible Students Association. F’pajjiżi oħrajn jużaw korporazzjonijiet legali oħrajn biex javanzaw l-​interessi tas-​Saltna. Dawn kollha jgħinu lil xulxin u għandhom irwol importanti biex l-​aħbar tajba tixxandar mad-​dinja kollha. Qegħdin f’liema pajjiż qegħdin, jew ikunu min ikunu d-​diretturi u l-​uffiċjali tagħhom, dawn il-​korporazzjonijiet huma mmexxijin teokratikament u wżati mill-​Ġemgħa li Tiggverna. Għaldaqstant, dawn il-​korporazzjonijiet għandhom xogħol xi jwettqu biex ikomplu javanzaw l-​interessi tas-​Saltna.

Huwa taʼ benefiċċju għalina li jkollna korporazzjonijiet legali. Permezz tagħhom nistgħu nimxu skond il-​liġijiet lokali u nazzjonali, bħalma tirrikjedi l-​Kelma t’Alla. (Ġeremija 32:11; Rumani 13:1) Il-​korporazzjonijiet legali jiffaċilitaw ix-​xogħol tagħna tax-​xandir tas-​Saltna billi jistampaw Bibbji, kotba, rivisti, browxers, u materjal ieħor. Dawn il-​korporazzjonijiet iservu wkoll bħala strument legali biex jieħdu ħsieb kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu m’akkwist taʼ propjetà, ħidma biex tingħata l-​għajnuna, kuntratti biex jintużaw ċerti faċilitajiet għall-​konvenzjoni, u affarijiet oħrajn. Aħna grati għas-​servizzi li jagħtu dawn il-​korporazzjonijiet legali.

L-​Isem taʼ Jehovah Jingħata Prominenza

Fl-​1944, Artiklu II taʼ l-​istatut tal-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania ġie emendat biex jenfasizza l-​iskopijiet taʼ din il-​korporazzjoni. Skond l-​istatut, l-​iskopijiet tas-​Soċjetà jinkludu dan l-​iskop prinċipali: “Biex tippriedka l-​evanġelju tas-​saltna t’Alla taħt Kristu Ġesù lill-​ġnus kollha bħala xiehda għall-​isem, il-​kelma u s-​supremazija t’Alla li jistaʼ kollox JEHOVAH.”

Mill-1926, ‘l-​ilsir leali’ ta prominenza kbira lill-​isem taʼ Jehovah. Xi ħaġa li spikkat b’mod speċjali ġrat fl-​1931 meta l-​Istudenti tal-​Bibbja adottaw l-​isem Xhieda taʼ Jehovah. (Isaija 43:​10-12) Fost il-​pubblikazzjonijiet tas-​Soċjetà li taw importanza lill-​isem t’Alla nsibu l-​kotba Jehovah (1934), “Let Your Name Be Sanctified” (Ħa Jitqaddes Ismek) (1961), u “The Nations Shall Know That I Am Jehovah”​—How? (Il-Ġnus Se Jkunu Jafu li Jien Jehovah—Kif?) (1971).

Irridu nsemmu b’mod speċjali n-​New World Translation of the Holy Scriptures, pubblikata sħiħa bl-​Ingliż fl-​1960. Din tuża l-​isem Jehovah kulfejn jidher it-​Tetragrammaton fl-​Iskrittura Ebrajka. Din it-​traduzzjoni tuża wkoll l-​isem divin f’237 post fl-​Iskrittura Griega Kristjana, fejn analisi bir-​reqqa wriet li dan kien ġustifikat. Kemm aħna grati li, b’diversi modi, Jehovah ppermetta lill-​“ilsir” u l-​Ġemgħa li Tiggverna tiegħu biex jużaw ir-​riżorsi taʼ l-​istampar u l-​korporazzjonijiet legali tagħhom ħalli jagħmlu ismu magħruf mad-​dinja kollha!

It-​Tqassim tal-​Kelma t’Alla Jieħu Spinta ’l Quddiem

B’mod konsistenti, in-​nies taʼ Jehovah taw xiehda dwar ismu u appoġġaw il-​Kelma tiegħu billi ppubblikaw u qassmu miljuni taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja kif ukoll il-​Bibbja nfisha. Fil-​bidu tas-​seklu 20, il-​Watch Tower Society kisbet id-​dritt taʼ l-​awtur taʼ The Emphatic Diaglott, l-​edizzjoni interlineari mill-​Grieg għall-​Ingliż taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana taʼ Benjamin Wilson. Is-​Soċjetà ppubblikat l-​edizzjoni taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja tal-​King James Version, li kienet tinkludi wkoll appendiċi (żjieda supplimentarja) taʼ 500 paġna. Fl-​1942 ippubblikat il-​King James Version bir-​referenzi marġinali. Imbagħad fl-​1944, is-​Soċjetà bdiet tistampa l-​American Standard Version taʼ l-​1901, li tuża l-​isem divin. L-​isem taʼ Jehovah kien ukoll karatteristika importanti f’The Bible in Living English, minn Stephen T. Byington, li s-​Soċjetà ppubblikat fl-​1972.

Il-korporazzjonijiet legali wżati mix-​Xhieda taʼ Jehovah taw daqqa t’id fl-​istampar u t-​tqassim taʼ dawn it-​traduzzjonijiet kollha tal-​Bibbja. Madankollu, l-​iktar ħaġa li spikkat kienet il-​kooperazzjoni mill-​qrib ferm bejn il-​Watch Tower Society u l-​grupp taʼ Xhieda taʼ Jehovah midlukin li jifformaw il-​Kumitat tat-​Traduzzjoni tal-​Bibbja New World. B’ferħ, sal-​lum ġew stampati ’l fuq minn 106,400,000 kopja taʼ din it-​traduzzjoni, sħiħa jew partijiet minnha, fi 38 lingwa. Il-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania tassew li hija soċjetà tal-​Bibbja!

‘L-​ilsir leali’ ġie ‘maħtur fuq dak kollu li jippossiedi sidu.’ Dan jinkludi l-​faċilitajiet fil-​kwartieri ġenerali fl-​Istat taʼ New York, fl-​Istati Uniti taʼ l-​Amerika, u fil-​110 fergħat li hemm joperaw madwar id-​dinja. Il-​membri tal-​klassi taʼ l-​ilsir jafu li huma jridu jagħtu kont tal-​mod kif użaw dak li ġie fdat f’idejhom. (Mattew 25:​14-30) Madankollu, dan ma jżommx lill-​‘ilsir’ milli jħalli indokraturi kwalifikati minn fost in-​“nagħaġ oħra” jieħdu ħsieb ċerti responsabbiltajiet legali u amministrattivi. Fil-​fatt dan jippermetti lill-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna biex jiddedikaw iktar ħin “għat-​talb u għall-​ministeru tal-​kelma.”—Atti 6:4.

Sakemm il-​kundizzjonijiet tad-​dinja jibqgħu jippermettu, il-​Ġemgħa li Tiggverna, li tirrappreżenta “l-​ilsir leali u diskret,” se tibqaʼ tuża l-​korporazzjonijiet legali. Dawn huma konvenjenti, imma m’humiex indispensabbli. Jekk xi korporazzjoni legali tiġi xolta b’xi digriet mill-​gvern, ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar xorta waħda jkompli sejjer. Saħansitra issa, fil-​pajjiżi li għandhom xi restrizzjonijiet u ma tintuża l-​ebda korporazzjoni legali, il-​messaġġ tas-​Saltna qed jiġi pridkat, qed jintgħamlu dixxipli, u jkompli jkun hemm żjieda teokratika. Dan kollu qed jiġri għax ix-​Xhieda taʼ Jehovah jiżirgħu u jsaqqu, imma ‘Alla hu li jkabbar.’—1 Korintin 3:​6, 7.

Hekk kif inħarsu ’l quddiem lejn il-​futur, aħna fiduċjużi li Jehovah se jieħu ħsieb il-​bżonnijiet spiritwali u materjali tan-​nies tiegħu. Hu u Ibnu, Ġesù Kristu, mis-​sema se jkomplu jipprovdu l-​gwida u l-​appoġġ meħtiġin biex jitlesta x-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna. M’għandniex xi ngħidu, dak kollu li nwettqu bħala l-​qaddejja t’Alla ma jsirx ‘b’xi forza militari, lanqas bil-​qawwa, imma bl-​ispirtu taʼ Jehovah.’ (Żakkarija 4:​6, NW) Għalhekk, nitolbu għall-​għajnuna divina, għax nafu li bis-​saħħa li jagħtina Jehovah, nistgħu llestu x-​xogħol li tana nagħmlu f’dan iż-​żmien taʼ l-​aħħar!

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja