Ngħixu bir-Riskji
“Ma tistaʼ tagħmel xejn fil-ħajja taʼ kuljum—lanqas torqod—li m’huwiex riskjuż biżżejjed biex ikun l-aħħar ħaġa li qatt tagħmel.”—Ir-rivista Discover.
IL-ĦAJJA ġiet imqabbla maʼ li wieħed jimxi fuq art miżgħuda b’mini splużivi moħbijin. Dan għaliex il-possibbiltà li nkorru jew immutu qegħda hemm il-ħin kollu, u dawn l-affarijiet x’aktarx li jiġru ħabta u sabta. Il-fatturi li jżidu jew inaqqsu r-riskji jvarjaw minn pajjiż għal ieħor. Dawn jinkludu d-diżgrazzji tat-traffiku, il-gwerer ċivili, il-ġuħ, l-AIDS, il-kanċer, il-mard tal-qalb, u viżibilju t’affarijiet oħrajn. Per eżempju, fir-reġjun li jinsab fin-nofsinhar tas-Saħara, ġewwa l-Afrika, l-AIDS saret il-kaġun ewlieni tal-mewt, u dan l-aħħar, f’sena waħda din “ħasdet il-ħajjiet taʼ 2.2 miljun ruħ, li hu daqs l-ammont taʼ nies li nqatlu fil-gwerer ċivili kollha taʼ l-Afrika għal 10 darbiet,” jgħid il-U.S.News & World Report.
Sadanittant, id-dinja tonfoq il-biljuni biex tipprova ttawwal il-ħajja u tnaqqas ir-riskju tal-mard u d-diżabilità. Ħafna mill-ideat li tinkuraġġixxi, bħal li wieħed jiekol u jixrob bil-moderazzjoni u jagħmel l-eżerċizzju fiżiku, jistaʼ jkollhom xi benefiċċji. Madankollu, teżisti għajn taʼ informazzjoni taʼ min joqgħod fuqha dwar kull aspett importanti tal-ħajja, u din tistaʼ tgħinek tgawdi ħajja b’inqas perikli u iktar sigurtà. Din l-għajn hija l-Bibbja. Fiha hemm pariri biex jgħinuna nittrattaw għadd kbir taʼ problemi li jeffettwawlna saħħitna u l-benesseri tagħna. M’għandniex xi ngħidu, il-Bibbja ma titkellimx dwar kull problema fid-dettall. Madankollu, tipprovdi prinċipji eċċellenti biex jiggwidawna fi kwistjonijiet bħalma huma l-ikel, is-saħħa fiżika, l-attitudni mentali, is-sess, l-użu taʼ l-alkoħol, tat-tabakk, u tad-drogi, u ħafna affarijiet oħrajn.
Għal ħafna nies, il-ħajja hi mimlija wkoll b’inċertezzi finanzjarji. Il-Bibbja tistaʼ tkun t’għajnuna għalina anki f’dan ir-rigward. Ma tinkuraġġiniex biss biex inkunu bil-għaqal fil-mod kif inqisu l-flus u kif nużawhom, imma turina wkoll kif nistgħu nkunu iktar eżemplari bħala impjegati jew nies li jimpjegaw lil ħaddieħor. Fi kliem sempliċi, il-Bibbja hija gwida taʼ min joqgħod fuqha, mhux biss biex tgħinna jkollna sigurtà finanzjarja u nkunu f’saħħitna, imma saħansitra biex turina kif ngħixu ħajjitna. Tixtieq tara kemm dak li tgħid il-Bibbja jgħodd għalina llum? Mela jekk jogħġbok kompli aqra.