Tweġibiet Prattiċi!
ĦAFNA mill-pariri li jinsabu fil-kotba disponibbli llum li juruk kif tgħin lilek innifsek jiffokaw fuq li jgħinu lin-nies li ħajjithom bħalissa tinsab fi kriżi. Il-Bibbja hija differenti. Għalkemm il-pariri tagħha jistgħu jgħinu lil min ikun għaddej minn żmien taʼ niket, dawn huma t’għajnuna għal ħafna iktar uħud. Il-pariri tagħha jgħinu lin-nies jevitaw l-iżbalji li jistgħu jagħmlu l-ħajja diffiċli bla bżonn.
Il-Bibbja tistaʼ ‘tagħti d-dehen liċ-ċkejknin, l-għerf u l-għaqal liż-żgħażagħ.’ (Proverbji 1:4) Jekk tapplika dak li jingħad fil-Bibbja, “l-għaqal jgħasses fuqek, il-fehma tajba tħarsek, teħilsek minn triq il-ħażen.” (Proverbji 2:11, 12) Ikkunsidra xi eżempji speċifiċi li juru kif tistaʼ tipproteġi lil saħħtek, ittejjeb il-ħajja tal-familja, u ssir ħaddiem jew imgħallem aħjar jekk issegwi l-pariri tal-Bibbja.
Kun Moderat fl-Użu taʼ l-Alkoħol
Il-Bibbja ma tikkundannax l-użu moderat taʼ l-alkoħol. L-appostlu Pawlu semma l-benefiċċji mediċi taʼ l-inbid meta ta l-parir liż-żagħżugħ Timotju: “Ħu naqra nbid minħabba l-istonku tiegħek u l-mard li timrad sikwit.” (1 Timotju 5:23) Siltiet oħrajn mill-Bibbja juru li Alla ried li l-inbid ikun iktar minn sempliċi mediċina. L-inbid hu deskritt bħala li “jferraħ qalb il-bniedem.” (Salm 104:15) Madankollu, il-Bibbja twissi kontra li nsiru “lsiera taʼ ħafna nbid.” (Titu 2:3) Din tgħid: “Tagħmilhiex maʼ dawk li jlegilgu l-inbid, u maʼ dawk li għandhom kilba għal-laħam; għax l-ikel u x-xorb żejjed iwasslu għall-faqar.” (Proverbji 23:20, 21) X’jiġri meta parir bilanċjat bħal dan jiġi injorat? Innota l-fatti minn ftit pajjiżi biss.
Il-Global Status Report on Alcohol 2004 mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa jgħid: “Problemi relatati maʼ l-alkoħol jiswew lis-soċjetà Irlandiża madwar €2.4 biljun [Lm1.2 biljun] fis-sena.” Inkluż f’dan il-piż finanzjarju kbir hemm l-“ispejjeż tal-kura tas-saħħa (€279 miljun), l-ispejjeż konnessi maʼ l-aċċidenti tat-traffiku (€315-il miljun), l-ispejjeż konnessi m’atti kriminali minħabba l-użu taʼ l-alkoħol (€100 miljun), [u] telf taʼ produttività minħabba li wħud li jabbużaw mill-alkoħol ma jmorrux għax-xogħol (€1034 miljun),” jgħid ir-rapport.
Iktar importanti mill-ispejjeż finanzjarji minħabba l-abbuż taʼ l-alkoħol hi t-tbatija umana. Per eżempju, fl-Awstralja f’perijodu taʼ 12-il xahar biss, iktar minn nofs miljun ruħ sofrew abbuż fiżiku minn dawk li kienu taħt l-effett taʼ l-alkoħol. Fi Franza, l-abbuż taʼ l-alkoħol huwa l-kaġun taʼ xi 30 fil-mija mill-vjolenza domestika kollha li ssir. Meta nikkunsidraw dawn il-fatti, ma taħsibx li l-parir tal-Bibbja dwar l-alkoħol huwa raġunevoli?
Evita Drawwiet taʼ Ħsara
Saħansitra lura fl-1942, meta t-tipjip kien għadu jitqies bħala xi ħaġa popolari, dan il-ġurnal għen lill-qarrejja jifhmu li l-użu tat-tabakk imur kontra l-prinċipji tal-Bibbja u għandu jiġi evitat għalkollox. Artiklu li ġie pubblikat f’dik is-sena spjega li dawk li jridu jogħġbu lil Alla għandhom isegwu l-kmand tal-Bibbja li “[jitnaddfu] minn kull tinġis tal-laħam u taʼ l-ispirtu.” (2 Korintin 7:1) Issa, xi 65 sena wara, ma weriex dan il-parir minn fuq il-Bibbja li huwa għaqli?
Fl-2006 l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddeskriviet l-użu tat-tabakk bħala “t-tieni lakbar kaġun tal-mewt fid-dinja.” Kull sena, xi ħames miljun ruħ imutu minħabba l-konsum tat-tabakk. Biex nagħmlu paragun maʼ dan, xi tliet miljun ruħ imutu kull sena minħabba l-HIV/AIDS. Matul is-seklu 20, it-tipjip qatel xi 100 miljun ruħ, kważi daqskemm inqatlu nies fil-gwerer kollha taʼ dak is-seklu. Tabilħaqq, illum il-maġġuranza tan-nies jaqblu dwar kemm hu għaqli li t-tabakk jiġi evitat.
“Aħarbu miż-Żína”
In-nies huma inqas lesti li jaċċettaw dak li tgħid il-Bibbja dwar kwistjonijiet sesswali. Kuntrarju għal dak li ħafna ġew influwenzati biex jemmnu, il-Bibbja ma tikkundannax b’mod skrupluż lil kull xewqa sesswali bħala li hija dnub. Imma tipprovdi pariri għaqlin dwar kif il-bnedmin għandhom jaġixxu fi qbil max-xewqat sesswali tagħhom. Il-Bibbja tgħallem li r-relazzjonijiet sesswali huma permessi biss bejn raġel u mara li huma miżżewġin lil xulxin. (Ġenesi 2:24; Mattew 19:4-6; Ebrej 13:4) Is-sess huwa mod kif il-miżżewġin jesprimu u jirċievu l-imħabba u l-affezzjoni tenera. (1 Korintin 7:1-5) It-tfal li jitwieldu minn unjoni bħal din jibbenefikaw minħabba li jkollhom ġenituri li jħobbu lil xulxin.—Kolossin 3:18-21.
Dwar it-taħlit sesswali, il-Bibbja tikkmanda: “Aħarbu miż-żína.” (1 Korintin 6:18) Liema hi raġuni waħda għal dan? Il-vers ikompli: “Kull dnub ieħor li jagħmel il-bniedem hu ’l barra minn ġismu, imma min jipprattika ż-żína qed jidneb kontra ġismu stess.” Liema riżultati jkun hemm meta l-pariri tal-Bibbja dwar kwistjonijiet sesswali jiġu injorati?
Ikkunsidra x’inhu jiġri fl-Istati Uniti. Dan il-pajjiż issa għandu l-ogħla rata taʼ tqala fost l-adoloxxenti fid-dinja żviluppata—xi 850,000 kull sena. Ħafna mit-trabi li ma jġarrbux abort jitwieldu lil ommijiet li m’humiex miżżewġin. Mingħajr ebda dubju, għadd t’ommijiet minn dawn jagħmlu l-almu tagħhom biex irabbu lil uliedhom bl-imħabba u d-dixxiplina, u xi wħud jirnexxilhom. Madankollu, ir-realtà ħarxa hi li l-ulied subien t’ommijiet adoloxxenti għandhom ċans akbar li jispiċċaw il-ħabs u li l-ulied bniet għandhom ċans akbar li huma stess isiru ommijiet fl-adoloxxenza. Wara li rriveda xi statistiki taʼ dawn l-aħħar għexur taʼ snin, ir-riċerkatur Robert Lerman kiteb: “Jistaʼ jkun li l-bidla għal familji b’ġenitur wieħed effettwat iż-żjieda taʼ ċerti problemi soċjali, bħar-rati ogħla taʼ tfal li jitilqu mill-iskola, taʼ l-użu taʼ l-alkoħol u d-droga, t’adoloxxenti li joħorġu tqal u jkollhom it-tfal, u tad-delinkwenza taż-żgħażagħ.”
Min jipprattika t-taħlit sesswali jiffaċċja wkoll riskji kbar għal saħħtu, kemm fiżiċi u kemm mentali. Per eżempju, il-ġurnal Pediatrics jirrapporta: “L-informazzjoni tissuġġerixxi li adoloxxenti attivi sesswalment qed jirriskjaw bil-kbir li taqbadhom id-dipressjoni u li jikkommettu suwiċidju.” Dwar riskji oħrajn tas-saħħa, l-Assoċjazzjoni Amerikana għas-Saħħa Soċjali tgħid: “Iktar minn nofs in-nies kollha [fl-Istati Uniti] se jkollhom MTS [marda trasmessa sesswalment] f’xi żmien jew ieħor f’ħajjithom.” Immaġina l-uġigħ taʼ qalb u t-tbatija li jistgħu jiġu evitati li kieku l-parir prattiku tal-Bibbja dwar is-sess jiġi applikat!
Ibni Rabtiet b’Saħħithom fil-Familja
Il-Bibbja mhux biss twissi kontra d-drawwiet taʼ ħsara. Innota l-pariri prattiċi tagħha dwar kif intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familja.
Il-Kelma t’Alla tgħid: “L-irġiel . . . għandhom iħobbu lin-nisa tagħhom, bħal ġisimhom stess.” (Efesin 5:28) Minflok ma jittraskuraw lin-nisa tagħhom, l-irġiel miżżewġin huma mħeġġin jgħammru magħhom ‘skond l-għarfien, billi jonoraw lill-mara bħala reċipjent iktar dgħajjef.’ (1 Pietru 3:7) Dwar l-argumenti li jistgħu jqumu, l-irġiel jingħataw il-parir: “Ibqgħu ħobbu lin-nisa tagħkom u tkunux ħorox magħhom.” (Kolossin 3:19) Ma taqbilx int li raġel miżżewweġ li japplika dan il-parir se jikseb l-imħabba u r-rispett taʼ martu?
Lin-nisa miżżewġin, il-Bibbja tagħtihom din id-direzzjoni: “In-nisa ħa jkunu sottomessi lejn żwieġhom bħallikieku lejn il-Mulej, għax ir-raġel hu l-kap taʼ martu bħalma l-Kristu wkoll hu l-kap tal-kongregazzjoni . . . Il-mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.” (Efesin 5:22, 23, 33) Ma taħsibx int li mara li ssegwi dan il-parir meta titkellem maʼ żewġha—jew dwaru—se tkun maħbuba ħafna minnu?
Dwar it-taħriġ tat-tfal, il-parir tal-Bibbja għalikom il-ġenituri hu li tikkomunikaw maʼ wliedkom ‘meta tkunu f’darkom, u meta tkunu mexjin fit-triq, u meta timteddu, u meta tqumu.’ (Dewteronomju 6:7) Il-missirijiet b’mod partikulari jingħataw l-istruzzjoni biex jipprovdu gwida morali u dixxiplina kollha mħabba lil uliedhom. Il-Kelma t’Alla tgħid: “Missirijiet, iddejqux lil uliedkom, imma ibqgħu rabbuhom fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efesin 6:4) Mill-banda l-oħra, lit-tfal jingħatalhom il-parir: “Obdu lill-ġenituri tagħkom,” u ‘onoraw lil missierkom u lil ommkom.’a—Efesin 6:1, 2.
Taħseb li l-familji jibbenefikaw jekk japplikaw dan il-parir? Għandek mnejn tgħid li ‘Iva, bil-kliem dan jinstemaʼ sabiħ, imma huwa prattiku fir-realtà?’ Aħna nistidnuk iżżur is-Sala tas-Saltna lokali tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Hemmhekk se tiltaqaʼ maʼ familji li qed jistinkaw biex japplikaw il-pariri għaqlin tal-Bibbja. Tkellem magħhom. Osserva l-mod kif il-membri tal-familja jaġixxu maʼ xulxin. Se tara b’għajnejk stess li min jgħix fi qbil mal-prinċipji tal-Bibbja tassew ikollu l-hena fil-ħajja tal-familja!
Ħaddiem Ħabrieki u Mgħallem Ġust
Il-Bibbja x’għandha xi tgħid dwar l-isfida kontinwa biex wieħed iżomm ix-xogħol li jkollu? Din tgħid li ħaddiem li jitgħallem jagħmel xogħlu sew x’aktarx li se jkun apprezzat u premjat. “Qatt rajt wieħed imħarreġ fis-sengħa tiegħu?” staqsa s-Sultan għaref Salamun. “Dan mas-slaten issibu.” (Proverbji 22:29) Mill-banda l-oħra, “l-għażżien” jirrita “bħad-duħħan għall-għajnejn” taʼ l-imgħallem tiegħu. (Proverbji 10:26) Il-Bibbja tħeġġeġ lill-ħaddiema biex ikunu onesti u ħabrieka. “Min kien jisraq ħa ma jisraqx iktar, imma minflok ħa jaħdem iebes u jagħmel b’idejh xogħol tajjeb.” (Efesin 4:28) Dan il-parir japplika anki meta l-imgħallem ma jkunx qed jarak. “Obdu f’kollox lis-sidien tagħkom tad-demm u l-laħam, mhux għal għajn in-nies, biex togħġbu lill-bnedmin, imma bis-sinċerità tal-qalb, bil-biżaʼ minn Ġeħova.” (Kolossin 3:22) Jekk int imgħallem, ma tapprezzax int lil impjegat li japplika dan il-parir?
Il-Bibbja tipprovdi din it-tfakkira lill-imgħallmin: “Il-ħaddiem jistħoqqlu ħlasu.” (1 Timotju 5:18) Il-Liġi t’Alla lill-Iżraelin idderiġiet lill-imgħallmin biex jipprovdu ħlas fil-pront u ġust lill-ħaddiema. “La taħqarx lil għajrek, u lanqas tisirqu; il-ħlas tal-ħaddiem mikri ma jibqax għandek sa filgħodu,” kiteb Mosè. (Levitiku 19:13) Ma tiħux pjaċir taħdem għal mgħallem li jobdi d-direzzjoni tal-Bibbja u jħallsek fil-pront u b’mod ġust?
Sors t’Għerf Superjuri
Tissorprendi ruħek li ktieb antik daqs il-Bibbja fih pariri li huma prattiċi għal-lum? Ir-raġuni għala l-Bibbja baqgħet prattika, anki meta tant kotba oħrajn ma baqgħux, hi li fiha, mhux il-kelma tal-bniedem, imma “l-kelma t’Alla.”—1 Tessalonikin 2:13.
Inħeġġuk tieħu l-ħin biex issir iktar familjari mal-Kelma t’Alla. Jekk tagħmel hekk, se tiżviluppa rabta m’Alla Ġeħova, l-Awtur tal-Bibbja. Applika l-pariri li joffri, u tarahom jipproteġuk mill-ħsara u jgħinuk ittejjeb ħajtek. Jekk tagħmel hekk, se ‘tersaq qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejk.’ (Ġakbu 4:8) Ebda ktieb ieħor ma se jgħinek b’dan il-mod.
[Nota taʼ taħt]
a Għal diskussjoni dettaljata tal-prinċipji tal-Bibbja li jistgħu jgħinu lill-familja tiegħek, ara l-ktieb Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 4]
Taħseb int li l-ħarsa tal-Bibbja dwar l-użu taʼ l-alkoħol hija prattika?
[Stampa f’paġna 5]
Taqbel int mal-parir ibbażat fuq il-Bibbja biex tevita t-tabakk?
[Stampi f’paġna 7]
Min isegwi l-pariri tal-Bibbja jtejjeb il-ħajja tal-familja
[Sors tal-Istampa f’paġna 5]
Globu: Based on NASA photo