LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 2/1 pp. 4-7
  • Insibu s-Sigurtà f’Dinja Mimlija Riskji

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Insibu s-Sigurtà f’Dinja Mimlija Riskji
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nevitaw Aċċidenti li Jistgħu Jikkaġunaw il-​Mewt
  • Nikkumbattu Vizzji li Jwasslu għall-​Mewt
  • Negħlbu Drawwiet Riskjużi
  • Il-​Konsegwenzi tal-​Biki li Ġġib l-​Immoralità
  • In-​Nassa tar-​Regħba għall-​Flus
  • Meta l-​Għerf Biss Se Jkun Jistaʼ Jipproteġina
  • Sors taʼ Għerf Iktar Għoli
    Il-Bibbja—Il-Kelma tʼAlla jew tal-Bniedem?
  • Il-Kelma t’Alla hi Verità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Ngħixu bir-Riskji
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Tweġibiet Prattiċi!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 2/1 pp. 4-7

Insibu s-​Sigurtà f’Dinja Mimlija Riskji

LI TIMXI fuq art fejn ikun hemm moħbija l-​mini splużivi jistaʼ jfisser mewt. Iżda, ma taħsibx li tagħmel differenza kieku jkollok mappa li turik fejn hemm il-​mini moħbijin? Xi ngħidu kieku tkun ngħatajt ukoll it-​taħriġ meħtieġ biex tkun taf kif tinduna fejn ikun hemm xi mina moħbija? Żgur li għarfien bħal dan se jnaqqaslek sewwa r-​riskju li tibqaʼ mmankat jew tmut.

Il-Bibbja tistaʼ tiġi mqabbla maʼ dik il-​mappa flimkien mat-​taħriġ dwar kif tinduna fejn ikunu moħbijin il-​mini. Fil-​Bibbja hemm l-​aqwa għerf li nistgħu niksbu dwar kif nevitaw il-​perikli u nittrattaw il-​problemi li jinqalgħu fil-​ħajja.

Innota x’wegħda li tqawwi l-​qalb hemm fi Proverbji 2:​10, 11: ‘[Meta] l-​għerf jidħollok f’moħħok, u t-​tagħrif ikun l-​għaxqa taʼ qalbek, l-​għaqal jgħasses fuqek, il-​fehma tajba tħarsek.’ L-​għerf u l-​fehma tajba msemmijin hawnhekk m’humiex ġejjin mill-​bniedem iżda minn Alla. “Min jismaʼ [mill-għerf divin] jgħix moħħu mistrieħ, bla ebda tfixkil, bla biżaʼ tal-​ħsara.” (Proverbji 1:33) Ejja naraw kif il-​Bibbja tistaʼ tgħinna ngħixu iktar fis-​sigurtà u nevitaw ħafna problemi.

Nevitaw Aċċidenti li Jistgħu Jikkaġunaw il-​Mewt

Statistiċi li ġew pubblikati dan l-​aħħar mill-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa (WHO) juru li l-​għadd taʼ mwiet li jiġu kaġunati mid-​diżgrazzji tat-​traffiku kull sena huwa madwar 1,171,000. Kważi 40 miljun ruħ oħra jisfaw imweġġgħin, u ftit iktar minn 8 miljuni jibqgħu jgħixu b’diżabilità.

Għalkemm is-​sigurtà assoluta waqt is-​sewqan hija xi ħaġa impossibbli, is-​sigurtà persunali tagħna nistgħu nżiduha billi nobdu l-​liġijiet tat-​traffiku. Dwar l-​awtoritajiet governattivi, li jagħmlu l-​liġijiet tat-​traffiku u jaraw li dawn jiġu mħarsin, il-​Bibbja tgħid: “Kull bniedem għandu jobdi lill-​awtorità [“superjuri,” NW].” (Rumani 13:1) Sewwieqa li jaġixxu fi qbil maʼ dan il-​parir inaqqsu r-​riskju li jkollhom xi diżgrazzja, u jevitaw il-​konsegwenzi aktarx traġiċi li ġġib magħha.

Xi ħaġa oħra li tqanqalna biex insuqu b’attenzjoni hija r-​rispett lejn il-​ħajja. Il-​Bibbja tgħid dwar Alla Jehovah: “Għandek hemm l-​għajn tal-​ħajja.” (Salm 36:10 [36:​9, NW]) Mela l-​ħajja hija rigal mingħand Alla. Għalhekk, m’għandna ebda dritt inċaħħdu lil xi ħadd minn dan ir-​rigal jew nuru nuqqas taʼ rispett lejn il-​ħajja, inkluż, ovvjament, il-​ħajja tagħna stess.—Ġenesi 9:​5, 6.

Naturalment, ir-​rispett lejn il-​ħajja umana jinkludi li nieħdu ħsieb li l-​karozzi u d-​djar tagħna jkunu ħelsin mill-​periklu kemm jistaʼ jkun. F’Iżrael tal-​qedem, is-​sigurtà kienet waħda mill-​akbar prijoritajiet f’kull aspett tal-​ħajja. Per eżempju, meta xi ħadd kien jibni dar, il-​Liġi t’Alla kienet titlob li l-​bejt, li kien jintuża ħafna mill-​familja, ikollu lqugħ. “Agħmel ilqugħ madwar il-​bejt, u ma tiġbidx il-​ħtija tad-​demm fuq darek, jekk jaqaʼ xi ħadd minn hemm.” (Dewteronomju 22:8) Jekk xi ħadd kien jaqaʼ minħabba li din ir-​regola taʼ sigurtà ma tkunx ġiet obduta, Alla kien iżomm lil sid id-​dar responsabbli. Bla dubju, billi jiġi applikat dan il-​prinċipju taʼ mħabba li fuqu hi bbażata din il-​liġi kienu se jonqsu d-​diżgrazzji fuq il-​postijiet tax-​xogħol u saħansitra waqt ir-​rikreazzjoni.

Nikkumbattu Vizzji li Jwasslu għall-​Mewt

Skond il-​WHO, fid-​dinja issa hemm iktar minn elf miljun ruħ li jpejpu, u kull sena, xi erbaʼ miljuni mill-​imwiet ikunu kaġunati mit-​tabakk. Din il-​figura hija mistennija togħla għal madwar 10 miljuni matul l-​għoxrin jew it-​tletin sena li ġejjin. Miljuni taʼ nies oħra li jpejpu, kif ukoll dawk li jieħdu d-​drogi, se jirrovinaw saħħithom u l-​kwalità taʼ ħajjithom minħabba l-​vizzji tagħhom.

Il-Kelma t’Alla ma tirreferix direttament għall-​użu tat-​tabakk u l-​abbuż tad-​drogi, iżda l-​prinċipji tagħha xorta waħda jistgħu jipproteġuna minn dawn il-​prattiċi. Per eżempju, it-​2 Korintin 7:1 jagħti l-​parir: “Ħa nitnaddfu minn kull tidnis tal-​ġisem u tar-​ruħ.” M’hemm ebda dubju li t-​tabakk u d-​drogi jħammġu, jew iniġġsu, il-​ġisem b’ħafna kimiċi li jagħmlu l-​ħsara. Iktar minn hekk, Alla jrid li ġisimna jkun “qaddis,” li jfisser li jkun pur u nadif. (Rumani 12:1) Ma taqbilx li jekk wieħed japplika dawn il-​prinċipji jkun qed inaqqas riskju kbir għal ħajtu?

Negħlbu Drawwiet Riskjużi

Ħafna nies ma jafux x’inhu bilanċ fl-​ikel u x-​xorb. Il-​konsegwenzi taʼ l-​ikel żejjed jistgħu jinkludu d-​dijabete, il-​kanċer, u l-​mard tal-​qalb. L-​abbuż taʼ l-​alkoħol iwassal għal iktar problemi, bħall-​alkoħoliżmu, iċ-​ċirrożi (mard tal-​fwied), familji mkissrin, u diżgrazzji tat-​traffiku. Jekk immorru fl-​estrem l-​ieħor, li wieħed ikun iffissat fuq id-​dieta wkoll jistaʼ jkun taʼ ħsara, u jistaʼ jġib ir-​riskju taʼ taqlib konness maʼ l-​ikel li jistaʼ jkun fatali, bħall-​anorexia nervosa.

Il-Bibbja m’hijiex xi ktieb dwar il-​mediċina, iżda fiha hemm pariri diretti dwar il-​bżonn li nieklu u nixorbu bil-​moderazzjoni. “Ismaʼ, ibni, u kun bil-​għaqal, u agħraf imxi fit-​triq it-​tajba. Tagħmilhiex maʼ dawk li jlegilgu l-​inbid, u maʼ dawk li għandhom kilba għal-​laħam; għax l-​ikel u x-​xorb żejjed iwasslu għall-​faqar, u min iħobb l-​irqad iċ-​ċraret jilbes.” (Proverbji 23:​19-21) Madankollu, il-​Bibbja tgħid li l-​ikel u x-​xorb għandhom ikunu xi ħaġa li nieħdu gost nagħmluha. “Li wieħed jiekol u jixrob u jduq mill-​frott taʼ xogħlu, dan ukoll hu don taʼ Alla.”—Koħèlet 3:13.

Il-​Bibbja tinkuraġġina wkoll biex ikollna attitudni bilanċjata lejn l-​eżerċizzju fiżiku, billi tistqarr li “t-​taħriġ tal-​ġisem huwa taʼ benefiċċju għal ftit.” Imma mbagħad iżżid: “Id-​devozzjoni lejn Alla hija taʼ benefiċċju għall-​affarijiet kollha, billi toffri l-​wegħda tal-​ħajja issa u dik li għandha tiġi.” (1 Timotju 4:​8, NW) ‘Id-​devozzjoni lejn Alla kif tistaʼ tkun taʼ benefiċċju sa minn issa?’ għandek mnejn tistaqsi. B’ħafna modi. Minbarra li f’ħajjitna żżidilna aspett spiritwali li hu vitali għalina, id-​devozzjoni lejn Alla tgħinna nikkultivaw kwalitajiet tajbin bħall-​imħabba, il-​ferħ, il-​paċi, u l-​kontroll fuqna nfusna. Dawn kollha jgħinuna biex ikollna attitudni pożittiva u nkunu f’saħħitna.—Galatin 5:​22, 23.

Il-​Konsegwenzi tal-​Biki li Ġġib l-​Immoralità

Illum, miljuni taʼ nies ma jridu jafu b’ebda limitu morali. L-​epidemija taʼ l-​AIDS hija waħda mill-​konsegwenzi taʼ dan. Skond il-​WHO, mietu iktar minn 16-il miljun ruħ minn meta bdiet l-​epidemija taʼ l-​AIDS, u fil-​preżent hemm madwar 34 miljun ruħ infettati bl-​HIV, il-​virus li jġib l-​AIDS. Ħafna minn dawk li huma morda bl-​AIDS ħadu l-​marda jew minħabba li kellhom relazzjonijiet sesswali maʼ ħafna persuni differenti, jew permezz taʼ siringi infettati li kienu ġew użati minn nies li jieħdu d-​drogi, jew minn trasfużjonijiet taʼ demm kontaminat.

Xi konsegwenzi oħra tal-​morali laxki huma mard bħall-​erpete (herpes), il-​gonorrea, l-​epatite B u Ċ, u s-​sifilide. Għalkemm termini mediċi bħal dawn ma kinux jintużaw fi żminijiet Bibliċi, kien magħruf liema kienu dawk l-​organi tal-​ġisem li jiġu effettwati minn ċertu mard trasmess sesswalment li kien komuni f’dak iż-​żmien. Per eżempju Proverbji 7:23 jiddeskrivi l-​effett terribbli taż-​żína bħala ‘vleġġa li tinfed il-​fwied.’ Kemm is-​sifilide kif ukoll l-​epatite normalment jattakkaw il-​fwied. Iva, il-​parir tal-​Bibbja biex il-​Kristjani ‘jitbiegħdu mid-​demm u miż-​żína’ hu tassew f’waqtu u verament juri l-​imħabba t’Alla għalina.—Atti 15:​28, 29, Saydon.

In-​Nassa tar-​Regħba għall-​Flus

Ħafna nies jieħdu riskji kbar biex jipprovaw isiru sinjuri f’qasir żmien. Sfortunatament, riskji bħal dawn ħafna drabi jwasslu għal telf jew rovina finanzjarja. Madankollu, il-​Bibbja tgħid lill-​qaddej t’Alla: “Ħa jaħdem [“iebes,” NW] b’idejh u jagħmel xi ħaġa tajba biex ikollu x’jagħti lil min jaħtieġ.” (Efesin 4:​28, Saydon) Veru, min jaħdem iebes mhux dejjem isir sinjur. Iżda, hu jkollu l-​paċi tal-​moħħ, rispett lejh innifsu, u forsi anki flus li bihom jistaʼ jgħin lil min ikun fil-​bżonn.

Il-Bibbja twissi: “Dawk li jridu jistagħnu jaqgħu fit-​tiġrib u fix-​xibka u f’ħafna xewqat bla sens u taʼ ħsara li jitfgħu lill-​bnedmin fil-​qerda u t-​telfien. Għax ir-​regħba għall-​flus hi l-​għerq taʼ kull ħażen; kien ħtija taʼ din ir-​regħba li xi wħud . . . nfnew b’niket kbir.” (1 Timotju 6:​9, 10) Ma nistgħux niċħdu li ħafna li “jridu jistagħnu” tassew isiru sinjuri. Imma liema prezz iħallsu? M’huwiex veru li saħħithom, il-​familja tagħhom, l-​ispiritwalità tagħhom, u saħansitra l-​irqad tagħhom ibatu?—Koħèlet 5:11 [5:​12, NW].

Bniedem għaref jirrealizza li “ħajtu ma tiddependix mill-​ġid li jkollu.” (Luqa 12:15) Fil-​biċċa l-​kbira tas-​soċjetajiet, wieħed jeħtieġ li jkollu l-​flus u xi ġid materjali. Fil-​fatt, il-​Bibbja tgħid li “kenn huma l-​flus,” imma żżid li “l-​vantaġġ tat-​tagħlim hu li l-​għerf jagħti l-​ħajja lil min lilu għandu.” (Ekkleżjażti 7:​12, Karm Żammit) Kuntrarju għall-​flus, l-​għarfien u l-​għerf li huma tajbin jistgħu jgħinuna f’kull ċirkustanza, imma b’mod speċjali fi kwistjonijiet li jeffettwawlna ħajjitna.—Proverbji 4:​5-9.

Meta l-​Għerf Biss Se Jkun Jistaʼ Jipproteġina

L-​għerf veru dalwaqt se “jagħti l-​ħajja lil min lilu għandu” b’mod tassew straordinarju, billi jkun taʼ protezzjoni fid-​“diqa [“tribulazzjoni,” NW] kbira” li riesqa bil-​ħeffa, meta Alla se jeqred lill-​ħżiena. (Mattew 24:21) F’dak iż-​żmien in-​nies se jibdew jarmu l-​flus tagħhom fit-​triq “bħaż-​żibel,” skond ma tgħid il-​Bibbja. Għala? Għaliex huma se jkunu tgħallmu bid-​dnewwa li bid-​deheb u l-​fidda m’humiex se jixtru l-​ħajja matul “Jum il-​korla tal-​Mulej.” (Eżekjel 7:19) Mill-​banda l-​oħra, “kotra kbira” taʼ nies li bil-​għaqal kollu ‘ġemmgħu t-​teżori tagħhom fis-​sema’ billi poġġew l-​interessi spiritwali l-​ewwel f’ħajjithom, se jibbenefikaw mill-​investiment sod tagħhom u jiksbu l-​ħajja eterna f’art magħmula ġenna.—Apokalissi 7:​9, 14; 21:​3, 4; Mattew 6:​19, 20.

X’irridu nagħmlu biex ikollna dan il-​futur taʼ sigurtà? Ġesù jwieġeb: “Din hi l-​ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) Miljuni taʼ nies sabu dan l-​għarfien fil-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Dawn mhux biss għandhom tama meraviljuża għall-​futur, imma sa ċertu punt igawdu wkoll paċi u sigurtà issa. Huwa eżatt bħalma qal is-​salmista: “Nimtedd u norqod minnufih fis-​sliem, għax int waħdek, Mulej, fis-​sod tqegħedni.”—Salm 4:8.

Tistaʼ taħseb f’xi għajn oħra taʼ informazzjoni li tistaʼ tgħin biex tnaqqaslek ir-​riskji għal saħħtek u għal ħajtek daqskemm tgħinek il-​Bibbja? Ebda ktieb ieħor m’għandu l-​awtorità li għandha l-​Bibbja, u ebda ktieb ieħor ma jistaʼ jgħinek issib is-​sigurtà vera fid-​dinja mimlija riskji li ngħixu fiha llum. Għala ma teżaminahiex iktar bir-​reqqa?

[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]

Iktar Saħħa u Sigurtà—Grazzi għall-​Bibbja

Sabiex taħrab mir-​realtajiet tal-​ħajja, żagħżugħa bl-​isem taʼ Janea kienet tabbuża mill-​marijuana, it-​tabakk, il-​kokaina, l-​amfetamini, l-​LSD, u drogi oħrajn. Kienet tixrob ħafna wkoll. Skond Jane, żewġha ma kienx aqwa minnha. Il-​futur tagħhom kien jidher imċajpar. Imbagħad Jane iltaqgħet max-​Xhieda taʼ Jehovah. Hi bdiet tattendi l-​laqgħat Kristjani u taqra It-​Torri taʼ l-​Għassa u r-​rivista li toħroġ flimkien magħha, Stenbaħ!, li kienet tagħtihom lil żewġha biex jaqrahom hu wkoll. It-​tnejn li huma bdew jistudjaw il-​Bibbja max-​Xhieda. Hekk kif bdew jitgħallmu japprezzaw il-​prinċipji għoljin taʼ Jehovah, huma qatgħu l-​vizzji kollha li kellhom tad-​drogi, it-​tabakk, u x-​xorb. X’kien ir-​riżultat? “Il-​ħajja l-​ġdida tagħna ġabitilna ħafna u ħafna ferħ,” kitbet Jane ftit snin wara. “Inħossni verament grata lejn Jehovah għall-​qawwa li tnaddaf li għandha l-​Kelma tiegħu u għall-​ħajja ħielsa u s-​saħħa li nistgħu ngawdu issa.”

Il-​valur taʼ li wieħed ikun impjegat onest nistgħu narawh sewwa minn dak li ġara lil Kurt, li x-​xogħol tiegħu kien jinvolvi li jieħu ħsieb is-​sistemi tal-​kompjuter. Kien hemm bżonn li jinxtara xi tagħmir ġdid, u l-​imgħallem taʼ Kurt fdalu l-​biċċa xogħol li jixtrih bi prezz tajjeb. Kurt ikkuntattja kumpanija li tbigħ dan it-​tagħmir, u ftehmu prezz. Madankollu, l-​iskrivan taʼ din il-​kumpanija għamel żball fuq il-​kwotazzjoni tal-​prezz bil-​miktub, u minħabba f’hekk, il-​prezz naqas b’iktar minn Lm15,000. Kurt induna bl-​iżball, u ċempel lill-​kumpanija. Il-​maniġer taʼ din il-​kumpanija qal li fil-​25 sena li kien ilu fil-​karriera tiegħu, qatt qabel ma kien iltaqaʼ maʼ xi ħadd daqshekk onest. Kurt spjega li l-​kuxjenza tiegħu kienet imħarrġa fuq il-​Bibbja. Ir-​riżultat kien li l-​maniġer talbu jagħtih 300 kopja taʼ waħda mill-​ħarġiet taʼ Stenbaħ! li kienet tittratta dwar l-​onestà fin-​negozju ħalli jagħtihom lill-​ħaddiema sħabu. Inkwantu għal Kurt, l-​onestà tiegħu wasslet biex ngħata promozzjoni.

[Nota taʼ taħt]

a L-​ismijiet ġew mibdulin.

[Stampa f’paġna 7]

“Jien hu l-​Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-​ġid tiegħek.”-ISAIJA 48:17

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja