Gawdi l-Ferħ li Jiġi mill-Għoti!
“Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.”—ATTI 20:35.
1. Jehovah kif jurina li l-għoti jġib il-ferħ?
IL-FERĦ li għandna għax nafu l-verità u l-barkiet li jiġu permezz taʼ dan huma rigali prezzjużi mingħand Alla. Dawk li saru jafu lil Jehovah għandhom ħafna raġunijiet biex jifirħu. Imma waqt li min jaqlaʼ rigal jifraħ, min jagħti r-rigal jifraħ ukoll. Jehovah hu d-Donatur taʼ “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett,” u hu “dak Alla hieni.” (Ġakbu 1:17; 1 Timotju 1:11, NW) Lil dawk li jagħtu widen, hu jipprovdilhom tagħlim li jagħti s-saħħa spiritwali, u hu jitgħaxxaq meta dawk li jgħallem jobduh, l-istess bħalma l-ġenituri jifirħu meta wliedhom jaġixxu fuq il-gwida li jagħtuhom b’imħabba.—Proverbji 27:11.
2. (a) Ġesù x’qal dwar l-għoti? (b) Liema ferħ inħossu meta ngħallmu l-verità tal-Bibbja lil oħrajn?
2 B’mod simili, meta Ġesù kien fuq l-art kien jifraħ meta jara lin-nies jaġixxu b’mod pożittiv fuq it-tagħlim li kien jagħtihom. L-appostlu Pawlu semma li Ġesù qal: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) Il-ferħ li nħossu meta ngħallmu l-verità tal-Bibbja lil oħrajn m’huwiex sempliċement is-sodisfazzjon li xi ħadd ikun qed jaqbel mat-twemmin reliġjuż tagħna. Huwa xi ħaġa ferm iktar minn hekk—il-ferħ li jiġi għax nafu li qed nagħtu xi ħaġa li għandha valur ġenwin u li jiswa għal dejjem. Meta nagħtu lil oħrajn xi ħaġa li għandha valur spiritwali, inkunu nistgħu ngħinuhom jibbenefikaw kemm issa u kemm għall-eternità.—1 Timotju 4:8.
L-Għoti Jġib il-Ferħ
3. (a) L-appostlu Pawlu u l-appostlu Ġwanni kif esprimew il-ferħ li kellhom għax għenu lil oħrajn spiritwalment? (b) Li ngħallmu l-verità tal-Bibbja lil uliedna għala hija espressjoni taʼ mħabba?
3 Iva, bħalma Jehovah u Ġesù jifirħu meta jagħtu rigali spiritwali, l-istess jagħmlu l-Kristjani. Il-fatt li kien għen lil oħrajn jitgħallmu l-verità tal-Kelma t’Alla ġablu ħafna ferħ lill-appostlu Pawlu. Hu kiteb lill-kongregazzjoni f’Tessalonika: “Min hu t-tama tagħna, il-ferħ tagħna, il-kuruna tagħna, il-foħrija tagħna, għal quddiem Sidna Ġesù f’jum il-miġja tiegħu? Intom, u ħadd iżjed. Intom il-glorja u l-ferħ tagħna!” (1 Tessalonikin 2:19, 20) L-appostlu Ġwanni wkoll esprima ruħu b’mod simili meta rrefera għal uliedu spiritwali. Hu kiteb: “Ngħid għalija, ma nafx b’ferħ akbar minn dak li nħoss meta nismaʼ li wliedi mexjin fil-verità.” (3 Ġwann 4) Aħseb, ukoll, dwar il-ferħ li jkollna meta ngħinu lil uliedna stess biex isiru wliedna spiritwali! Li jrabbu lil uliedhom fid-“dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej” hija espressjoni taʼ mħabba min-naħa tal-ġenituri. (Efesin 6:4) Il-ġenituri b’hekk juru li jimpurtahom mill-benesseri etern taʼ wliedhom. Meta dawn jaġixxu, il-ġenituri jħossu ferħ u sodisfazzjon kbir.
4. Liema esperjenza turi kemm jistaʼ jkollna ferħ meta nagħtu xi ħaġa taʼ valur spiritwali lil oħrajn?
4 Waħda oħt jisimha Dell taqdi bħala pijuniera full-time u hija omm taʼ ħamest itfal. Hi tgħid: “Jien nistaʼ nifhem sew dak li ried jgħid l-appostlu Ġwanni, għaliex jien grata ħafna li erbgħa minn uliedi ‘mexjin fil-verità.’ Naf li meta l-familji jkunu magħqudin fil-qima vera, dan iġib unur u glorja lil Jehovah, u għalhekk inħoss sodisfazzjon kbir meta nara li hu qed ibierek l-isforzi tiegħi biex innaqqax il-verità f’qalb uliedi. Il-prospett sabiħ li ngħix għal dejjem fil-Ġenna taʼ l-art mal-familja tiegħi jimlieni bit-tama u jqanqalni biex nissaporti minkejja li niffaċċja d-diffikultajiet u l-ostakli.” Sfortunatament, waħda minn ulied Dell ġiet maqtugħa mis-sħubija minħabba li għażlet li tgħix stil taʼ ħajja li ma kienx fi qbil mal-prinċipji Kristjani. Xorta waħda, Dell tkompli taħdem iebes biex iżżomm attitudni pożittiva. “Nispera li xi darba binti terġaʼ lura lejn Jehovah bl-umiltà u s-sinċerità kollha,” tgħid hi. “Imma nirringrazzja lil Alla li l-biċċa l-kbira minn uliedi qegħdin jaqduh lealment. Il-ferħ li nħoss hu xi ħaġa li ssaħħaħni ferm.”—Neħemija 8:10.
Ħbiberiji Dejjiema
5. Hekk kif nagħtu mill-ħin u l-isforzi tagħna fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli, il-fatt li nafu liema ħaġa se jġibilna sodisfazzjon?
5 Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli Kristjani u jgħallmuhom dwar Jehovah u dak li jirrikjedi minna. (Mattew 28:19, 20) Jehovah u Ġesù qatt ma fittxew dak li kien jaqblilhom meta għenu lin-nies jitgħallmu t-triq tal-verità. Għalhekk, hekk kif nagħtu mill-ħin u l-isforzi tagħna fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli, ikollna s-sodisfazzjon li nkunu nafu li qed nimitaw l-eżempju taʼ Jehovah u taʼ Ġesù, bħalma għamlu l-ewwel Kristjani. (1 Korintin 11:1) Meta nikkooperaw b’dan il-mod m’Alla li Jistaʼ Kollox u Ibnu l-maħbub, ħajjitna tassew ikollha skop. X’barka hi dik li nkunu magħdudin fost dawk li huma “ħaddiema maʼ Alla”! (1 Korintin 3:9) U m’hijiex xi ħaġa eċċitanti li saħansitra l-anġli jieħdu sehem f’din l-attività taʼ ppridkar tas-Saltna?—Apokalissi 14:6, 7.
6. Meta nagħtu lil oħrajn b’mod spiritwali, min huma dawk li jsiru ħbieb tagħna?
6 Fil-fatt, billi nieħdu sehem f’dan ix-xogħol taʼ li nagħtu lil oħrajn b’mod spiritwali, nistgħu nsiru iktar minn uħud li jaħdmu m’Alla—jistaʼ jkollna ħbiberija dejjiema miegħu. Minħabba l-fidi li kellu, Abraham ġie msejjaħ il-ħabib taʼ Jehovah. (Ġakbu 2:23) Hekk kif nistinkaw biex nagħmlu r-rieda t’Alla, aħna wkoll nistgħu nsiru ħbieb tiegħu. Jekk nagħmlu hekk, aħna nsiru wkoll ħbieb taʼ Ġesù. Hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarraftulkom.” (Ġwann 15:15) Ħafna jkunu ferħanin li jitqiesu bħala ħbieb taʼ nies prominenti jew uffiċjali għoljin, imma aħna nistgħu nkunu meqjusin bħala ħbieb taʼ l-aqwa żewġ persuni li jeżistu fl-univers kollu!
7. (a) Waħda mara kif għamlet ħabiba vera? (b) Kellek xi esperjenza simili?
7 Iktar minn hekk, meta ngħinu lin-nies isiru jafu lil Alla, huma wkoll isiru l-ħbieb tagħna, u dan iġibilna ferħ speċjali. Joan, li tgħix fl-Istati Uniti, bdiet tistudja l-Bibbja maʼ mara jisimha Thelma. Għalkemm Thelma sabet ħafna oppożizzjoni mill-familja tagħha għax kienet tistudja, hi pperseverat u tgħammdet sena wara. Joan kitbet: “Dan ma kienx ifisser li I-kuntatt taʼ bejnietna kien spiċċa; anzi, kompla jikber u nbidel fi ħbiberija li issa ilha 35 sena. Kemm-il darba ħriġna fis-servizz u morna konvenzjonijiet flimkien. Wara xi żmien, jien mort noqgħod xi mkien ieħor madwar 800 kilometru ’l bogħod. Iżda Thelma baqgħet tibgħatli ittri mill-isbaħ li tassew iferrħuni, biex tgħidli li dejjem taħseb fija u tirringrazzjani talli jien ħabiba tagħha u eżempju tajjeb għaliha u talli għallimtha l-verità mill-Bibbja. Ħabiba kbira u tant għażiża bħalma hi Thelma hi premju meraviljuż għall-isforz li għamilt biex ngħinha titgħallem dwar Jehovah.”
8. Liema attitudni pożittiva tistaʼ tgħinna fil-ministeru?
8 Il-prospett li nsibu lil xi ħadd li jrid jitgħallem il-verità jistaʼ jgħinna ma naqtgħux qalbna avolja ħafna min-nies li niltaqgħu magħhom ftit li xejn juru interess fil-Kelma taʼ Jehovah. Din l-apatija tistaʼ tkun taʼ sfida għalina biex nibqgħu nżommu l-fidi tagħna u nissaportu. Madankollu, jekk ikollna attitudni pożittiva, din żgur se tgħinna. Fausto, li huwa mill-Gwatemala, qal: “Meta nkun qed nagħti xiehda lil oħrajn, nibda naħseb kemm ikun tajjeb kieku l-persuna li nkun qed inkellem kellha ssir ħu jew oħt spiritwali. Nirraġuna li mill-inqas persuna waħda minn dawk kollha li niltaqaʼ magħhom maż-żmien tistaʼ taċċetta l-verità tal-Kelma t’Alla. Dan il-ħsieb jgħinni nkompli nippriedka u jġibli ħafna ferħ.”
Naħżnu Teżori fis-Sema
9. Ġesù x’qal dwar it-teżori fis-sema, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?
9 Ix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli, sew jekk ikunu wliedna u sew jekk ikunu individwi oħrajn, mhux dejjem ikun faċli. Jistaʼ jeħtieġ iż-żmien, il-paċenzja, u l-perseveranza. Ftakar, iżda, li ħafna nies huma lesti li jaħdmu iebes biex jaħżnu abbundanza t’affarijiet materjali, affarijiet li normalment ma jġibulhomx ferħ u ma jibqgħux għal dejjem. Ġesù qal lil dawk li kienu jisimgħuh li jkun aħjar għalihom jekk jaħdmu għal affarijiet spiritwali. Hu qal: “Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu. Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu.” (Mattew 6:19, 20) Billi jkollna miri spiritwali, inkluż li nieħdu sehem fix-xogħol importanti taʼ li nagħmlu dixxipli, jistaʼ jkollna s-sodisfazzjon li nkunu nafu li qegħdin nagħmlu r-rieda t’Alla u li hu se jippremjana. L-appostlu Pawlu kiteb: “Għax Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-imħabba li wrejtu lejn ismu meta qdejtu u għadkom taqdu lill-qaddisin.”—Lhud 6:10.
10. (a) Għala nistgħu ngħidu li Ġesù kellu teżori spiritwali? (b) Ġesù kif ta mill-ħin u l-isforzi tiegħu, u oħrajn kif ibbenefikaw bil-kbir minn dan?
10 Jekk inkunu ħabrieka fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli, inkunu qed naħżnu “teżori fis-sema” għalina nfusna, fi qbil maʼ dak li qal Ġesù. Dan iġibilna l-ferħ li jiġi meta naqilgħu xi ħaġa. Jekk aħna ma nfittxux dak li jaqbel lilna imma nagħtu lil oħrajn, nispiċċaw biex nibbenefikaw aħna stess. Ġesù stess kien qeda lil Jehovah lealment għal biljuni taʼ snin. Aħseb dwar it-teżori kollha li kien ġemmaʼ fis-sema! Minkejja dan, Ġesù ma fittixx l-interessi tiegħu. L-appostlu Pawlu kiteb: “[Ġesù] ta lilu nnifsu għal dnubietna, biex jeħlisna minn din id-dinja ħażina tallum, skond ir-rieda taʼ Alla u Missierna.” (Galatin 1:4, korsiv tagħna.) Ġesù mhux talli ta mill-ħin u l-isforzi tiegħu fil-ministeru imma talli ta ħajtu stess bħala prezz li tħallas għall-fidwa sabiex b’hekk oħrajn setaʼ jkollhom l-opportunità li jaħżnu teżori fis-sema.
11. Ir-rigali spiritwali għala huma aħjar minn dawk materjali?
11 Meta ngħallmu lin-nies dwar Alla, inkunu qed ngħinuhom jaraw kif huma wkoll jistgħu jaħżnu teżori spiritwali li ma jispiċċaw qatt. Kif tistaʼ tagħti rigal akbar minn dan? Jekk tagħti xi arloġġ li jiswa ħafna, karozza, jew saħansitra dar lil ħabib tiegħek, dak il-ħabib x’aktarx li se jħossu grat u ferħan ħafna li għamilt hekk, u int se tħoss dak il-ferħ li jiġi mill-għoti. Imma x’se jkun sar minnu dak ir-rigal sa 20 sena oħra? Sa 200 sena oħra? Jew sa 2,000 sena oħra? Mill-banda l-oħra, jekk tagħti mill-ħin u l-isforzi tiegħek biex tgħin lil xi ħadd jaqdi lil Jehovah, dak li jkun jistaʼ jibqaʼ jibbenefika minn dan ir-rigal għal dejjem.
Infittxu lil Dawk li Jridu l-Verità
12. Ħafna kif taw mill-ħin u l-isforzi tagħhom biex jgħinu lil oħrajn spiritwalment?
12 Biex igawdu l-ferħ li jiġi mill-għoti b’mod spiritwali, in-nies taʼ Jehovah marru sa truf l-art. Eluf minnhom ħallew warajhom id-djar u l-familji tagħhom biex ikunu jistgħu jaqdu bħala missjunarji f’artijiet oħra, fejn kellhom jaddattaw ruħhom għal lingwi u kulturi ġodda. Oħrajn marru joqogħdu fi nħawi fejn kien hemm iktar bżonn taʼ proklamaturi tas-Saltna f’pajjiżhom stess. Jerġaʼ oħrajn tgħallmu lingwa ġdida, u b’hekk kellhom opportunitajiet ġodda fit-territorju tagħhom stess biex jippridkaw lil nies li kienu emigraw minn pajjiżi oħrajn. Per eżempju, wara li rabbew żewġt itfal li issa qegħdin jaqdu fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah, koppja minn New Jersey, fl-Istati Uniti, bdew jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier u tgħallmu ċ-Ċiniż. Fi tliet snin, huma kkonduċew studji tal-Bibbja maʼ 74 persuna li jitkellmu biċ-Ċiniż, li kollha kienu jattendu kulleġġ fil-qrib. Tistaʼ int tagħmel xi ħaġa biex ikollok sehem akbar fil-ministeru u tgawdi iktar mill-ferħ li jiġi mix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli?
13. X’tistaʼ tagħmel jekk tixtieq li jkollok ministeru iktar produttiv?
13 Forsi int tixtieq ħafna li tikkonduċi studju tal-Bibbja imma ma rnexxilekx tagħmel dan. F’xi pajjiżi huwa diffiċli ħafna li ssib uħud interessati. Jistaʼ jkun li n-nies li tiltaqaʼ magħhom ma juru ebda interess fil-Bibbja. Jekk inhu hekk, forsi tistaʼ ssemmi x-xewqa tiegħek iktar spiss fit-talb, billi taf li kemm Jehovah u kemm Ġesù Kristu huma interessati ferm f’dan ix-xogħol u jistgħu jiggwidawk lejn persuna li tistaʼ tkun nagħġa. Staqsi lil uħud fil-kongregazzjoni tiegħek li għandhom iktar esperjenza jew li l-ministeru tagħhom hu iktar produttiv biex jagħtuk xi suġġerimenti. Ħu vantaġġ mit-taħriġ u s-suġġerimenti li jingħataw fil-laqgħat Kristjani. Ibbenefika mill-pariri taʼ l-indokraturi li jivvjaġġaw u n-nisa tagħhom. Fuq kollox, qatt taqtaʼ qalbek. L-għaref Salamun kiteb: “Iżraʼ fil-għodu ż-żerriegħa tiegħek, u tagħtix mistrieħ lil idek fil-għaxija, għax ma tafx liema tinbet.” (Koħèlet 11:6) Sadanittant, ftakar f’dak li għaddew minnu nies leali bħal Noè u Ġeremija. Għalkemm ftit ferm aġixxew b’mod pożittiv fuq dak li ppridkaw huma, il-ministeru tagħhom kien suċċess. Fuq kollox, il-ministeru tagħhom għoġob lil Jehovah.
Agħmel l-Aħjar li Tistaʼ
14. Jehovah kif iqis lil dawk li xjaħu fis-servizz tiegħu?
14 Jistaʼ jkun li ċ-ċirkustanzi tiegħek ma jħallukx tagħmel kemm tixtieq fil-ministeru. Per eżempju, l-età avanzata tistaʼ tillimita dak li tistaʼ tagħmel fis-servizz taʼ Jehovah. Xorta waħda, ftakar x’kiteb l-għaref Salamun: “Ix-xagħar abjad kuruna taʼ ġieh; jekk jinsab fi triq is-sewwa.” (Proverbji 16:31, KŻ) Jehovah tassew jitgħaxxaq b’xi ħadd li jkun qattaʼ ħajtu jaqdih fis-servizz tiegħu. Iktar minn hekk, l-Iskrittura tgħid: “Sa xjuħitkom jien [Jehovah] dejjem hu, sa meta jibjad xagħarkom nibqaʼ nġorrkom. Jiena għamiltkom u jien nitgħabba bikom; u jien inġorrkom u nsalvakom.” (Isaija 46:4) Missierna tas-sema li tant iħobbna jwegħedna li hu se jsostni u jappoġġa lil min hu leali.
15. Temmen int li Jehovah jifhem iċ-ċirkustanzi tiegħek? Għala?
15 Forsi int qed tissielet maʼ xi marda, tissaporti l-oppożizzjoni minn żewġek jew martek li ma temminx, iġġorr ħafna responsabbiltà tal-familja, jew tiffaċċja xi problema diffiċli oħra. Jehovah jaf x’inhuma l-limitazzjonijiet u ċ-ċirkustanzi tagħna, u hu jħobbna talli nagħmlu ħilitna biex naqduh bl-aħjar mod li nistgħu. Dan jagħmlu anki jekk dak li nagħmlu aħna huwa inqas minn dak li jagħmel ħaddieħor. (Galatin 6:4) Jehovah jaf li aħna imperfetti, u ma jistenniex minna iktar milli nifilħu nagħtu. (Salm 147:11) Jekk nagħmlu l-aħjar li nistgħu fis-servizz tagħna, nistgħu nibqgħu ċerti li aħna prezzjużi f’għajnejn Alla u li hu m’huwiex se jinsa l-għemejjel li juru l-fidi tagħna.—Luqa 21:1-4.
16. B’liema mod tieħu sehem il-kongregazzjoni kollha biex persuna ssir dixxiplu?
16 Ftakar ukoll li x-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli huwa xogħol li jsir bħala grupp. Ħadd ma jistaʼ jagħmel dixxiplu bil-ħila tiegħu biss, l-istess bħalma ebda qatra xita waħedha ma tistaʼ ġġiegħel pjanta tikber. Huwa veru li jkun Xhud wieħed li jsib lil persuna interessata u jikkonduċi studju tal-Bibbja magħha. Imma meta din il-persuna ġdida tiġi fis-Sala tas-Saltna, il-kongregazzjoni kollha tgħin lilu jew lilha tagħraf il-verità. L-affezzjoni li l-aħwa għandhom lejn xulxin turi l-effett tal-ħidma taʼ l-ispirtu qaddis. (1 Korintin 14:24, 25) It-tfal u ż-żgħażagħ jagħtu kummenti mimlijin entużjażmu, u b’hekk juru lill-persuna ġdida li ż-żgħar tagħna huma differenti miż-żgħażagħ tad-dinja. Il-morda, dawk li huma dgħajfin fiżikament, u x-xjuħ li hemm fil-kongregazzjoni jgħallmu lill-ġodda xi jfisser li tissaporti. Hi x’inhi l-età tagħna u huma x’inhuma l-limitazzjonijiet tagħna, ilkoll kemm aħna għandna sehem importanti f’li ngħinu lil uħud ġodda hekk kif l-imħabba tagħhom għall-verità tal-Bibbja tkompli tikber u jagħmlu progress u jaslu għall-magħmudija. Kull siegħa li nqattgħu fil-ministeru, kull żjara lura li nagħmlu, u kull konversazzjoni li jkollna maʼ persuna interessata fis-Sala tas-Saltna tistaʼ tidher li ma tiswa xejn jekk tqisha waħedha, imma hija parti minn xogħol kbir u effettiv li qed iwettaq Jehovah.
17, 18. (a) Minbarra li nieħdu sehem fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli, kif nistgħu ngawdu iktar il-ferħ li jiġi mill-għoti? (b) Billi ngawdu mill-ferħ li jiġi mill-għoti, lil min inkunu qed nimitaw?
17 M’għandniex xi ngħidu, minbarra li nieħdu sehem fix-xogħol importanti taʼ li nagħmlu dixxipli, bħala Kristjani aħna ngawdu l-ferħ li jiġi mill-għoti b’modi oħra wkoll. Nistgħu nwarrbu xi ħaġa tal-flus biex nagħtu kontribuzzjoni sabiex nappoġġaw il-qima vera u biex ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn. (Luqa 16:9; 1 Korintin 16:1, 2) Nistgħu nfittxu opportunitajiet biex nuru ospitalità lil oħrajn. (Rumani 12:13) Nistgħu nagħmlu ħilitna biex “nagħmlu l-ġid maʼ kulħadd, l-iktar maʼ qrabatna fil-fidi.” (Galatin 6:10) U nistgħu nagħtu lil oħrajn b’modi sempliċi imma importanti—billi nibagħtulhom xi ittra, inċemplulhom, nagħtuhom xi rigal, immorru nagħtuhom daqqa t’id, jew ngħidulhom xi kelma taʼ inkuraġġiment.
18 Meta nagħtu, nuru li qed nimitaw lil Missierna tas-sema. Nuru wkoll l-imħabba lejn ħutna, il-marka li minnha jintgħarfu l-Kristjani veri. (Ġwann 13:35) Jekk inżommu f’moħħna dawn l-affarijiet, dan se jgħinna ngawdu mill-ferħ li jiġi mill-għoti.
Tistaʼ Tispjega?
• Jehovah u Ġesù kif ħallewlna l-eżempju rigward l-għoti spiritwali?
• Kif nistgħu nifformaw ħbiberiji dejjiema?
• X’nistgħu nagħmlu biex il-ministeru tagħna jkun iktar produttiv?
• Kif jistgħu l-membri kollha tal-kongregazzjoni jgawdu l-ferħ li jiġi mill-għoti?
[Stampi f’paġna 13]
Meta t-tfal jaġixxu fuq it-taħriġ li jingħataw, il-ġenituri jkollhom ferħ u sodisfazzjon kbir
[Stampa f’paġna 15]
Meta nagħmlu dixxipli, nistgħu nagħmlu ħbieb veri
[Stampa f’paġna 16]
Jehovah jibqaʼ jappoġġana u jsaħħaħna meta nixjieħu
[Stampi f’paġna 17]
Li nagħtu b’modi sempliċi imma importanti jġibilna l-ferħ