Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Fejn kien Danjel meta t-tliet Ebrej iffaċċjaw dik il-prova quddiem l-istatwa enormi li Nabukodonosor kien waqqaf fil-wita taʼ Dura?
Il-Bibbja ma tgħidilniex, u għalhekk illum ħadd ma jistaʼ jgħid fiċ-ċert fejn kien Danjel waqt dik il-prova.
Xi wħud issuġġerew li Danjel kien imlaħħaq iktar jew kien iktar midħla taʼ Nabukodonosor milli kienu Sidrak, Mesak, u Għabednegu, u b’hekk ma kienx mitlub li jmur fil-wita taʼ Dura. Veru li Danjel 2:49 jindika li għal xi żmien hu kellu pożizzjoni iktar għolja minn dik taʼ ħbiebu. Imma m’hemmx provi li dan kien biżżejjed biex jiskużah milli jmur maʼ l-oħrajn quddiem l-istatwa.
Oħrajn, biex jipprovaw jispjegaw għala Danjel ma kienx maʼ sħabu, qalu li x’aktarx kellu jmur xi mkien fuq xi inkarigu uffiċjali jew li kien marid, u b’hekk ma setax jattendi. Madankollu, il-Bibbja ma tgħidx hekk. Kien x’kien il-każ, Danjel ma kien għamel xejn li għalih setaʼ jiġi kritikat minn dawk taʼ madwaru, għax kieku l-ewwel li kienu jixluh kienu jkunu dawk l-uffiċjali Babiloniżi li tant kienu jgħiru għalih. (Danjel 3:8) Kemm qabel ma seħħ dan l-episodju u kemm wara, Danjel dejjem wera li kien bniedem taʼ integrità, leali lejn Alla minkejja kull sfida li setaʼ jiffaċċja. (Danjel 1:8; 5:17; 6:5, 11, 12 [6:4, 10, 11, NW]) Mela, avolja l-Bibbja ma tgħidx għala Danjel ma kienx preżenti fil-wita taʼ Dura, nistgħu nkunu fiduċjużi li hu ma kkompromettiex il-lealtà tiegħu lejn Alla Jehovah.—Eżekjel 14:14; Lhud 11:33.