Ħenok Mexa m’Alla f’Dinja li Tiċħad ’l Alla
IX-XITAN isostni li hu jistaʼ jdawwar lill-bnedmin kollha lil hinn minn Alla, u xi drabi forsi deher bħallikieku qed jirnexxilu. Għal kważi ħames sekli wara l-mewt t’Abel, ħadd ma ddistingwa lilu nnifsu bħala qaddej leali taʼ Jehovah. Għall-kuntrarju, il-kondotta midinba għall-aħħar u kontra Alla saret xi ħaġa normali.
Ħenok kien jgħix matul dak iż-żmien taʼ taħsir spiritwali. Skond il-kronoloġija Biblika t-twelid tiegħu kien fis-sena 3404 Q.E.K. Kontra dawk li kienu jgħixu fi żmienu, Ħenok kien raġel aċċettabbli għal Alla. L-appostlu Pawlu inkludih fost il-qaddejja taʼ Jehovah li l-fidi tagħhom hi t’eżempju għall-Kristjani. Min kien Ħenok? Liema diffikultajiet kellu jiffaċċja? Kif għelibhom? U kemm hija importanti l-integrità tiegħu għalina?
Fi żmien Enos, kważi erbaʼ sekli qabel żmien Ħenok, “bdew isejjħu isem il-Mulej [jew, Jehovah].” (Ġenesi 4:26) L-isem divin kien ilu jintuża mill-bidu taʼ l-istorja umana. Għaldaqstant, l-evidenza turi li din is-sejħa għal Jehovah li bdiet fi żmien Enos ma kinitx waħda bil-fidi u l-qima pura. Xi studjużi Lhud huma tal-fehma li Ġenesi 4:26 għandu jinqara “bdew ikasbru” jew “beda t-tkasbir.” In-nies għandhom mnejn applikaw l-isem taʼ Jehovah għalihom infushom jew għal bnedmin oħra li permezz tagħhom mingħalihom kienu jersqu lejn Alla fil-qima. Jew forsi użaw ismu għall-idoli.
“Ħenok Kien Jimxi maʼ Alla”
Għalkemm Ħenok kien imdawwar b’nies li jiċħdu ’l Alla, hu “kien jimxi maʼ Alla,” Jehovah. Ma jingħadx li l-antenati tiegħu—Set, Enos, Kenan, Maħlalel, u Ġared—kienu jimxu m’Alla. Għallinqas ma kinux għamlu dan sal-punt li kien għamel Ħenok, li mid-dehra l-mod kif kien jgħix kien jiddistingwih minnhom.—Ġenesi 5:3-27.
Li jimxi maʼ Jehovah kien jirrikjedi li jkollu relazzjoni mill-qrib u intima miegħu li kienet possibbli biss għall-fatt li Ħenok għex fi qbil mar-rieda divina. Jehovah approvaha d-devozzjoni taʼ Ħenok. Fil-fatt, is-Settanta Griega tgħid li “Ħenok kien jogħġob sew” lil Alla, ħsieb li esprimieh l-appostlu Pawlu wkoll.—Ġenesi 5:22; Lhud 11:5.
Xi ħaġa fundamentali biex Ħenok setaʼ jkollu relazzjoni tajba maʼ Jehovah kienet il-fidi tiegħu. Hu żgur li eżerċita fidi fin-‘nisel’ imwiegħed tal-“mara” t’Alla. Jekk kien jafu personalment lil Adam, Ħenok forsi setaʼ kiseb xi tagħrif dwar il-mod kif Alla ttratta maʼ l-ewwel koppja umana f’Għeden. L-għarfien li Ħenok kellu dwar Alla għamlu t-tip taʼ persuna li kien ‘ifittxu’ bil-ħeġġa kollha.—Ġenesi 3:15; Lhud 11:6, 13.
Fil-każ taʼ Ħenok u f’dak tagħna, biex ikollna relazzjoni tajba maʼ Jehovah jirrikjedi iktar milli sempliċement ikollna għarfien dwar Alla. Jekk aħna tassew napprezzaw l-intimità tagħna maʼ ċerta persuna, m’huwiex minnu li l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħna jiġu influwenzati mill-mod kif hi tħares lejn l-affarijiet? Għalhekk nevitaw kliem u azzjonijiet li jistgħu jirrovinaw din il-ħbiberija. U jekk inkunu qed naħsbu li nbiddlu xi ħaġa miċ-ċirkustanzi tagħna stess, ma nikkunsidrawx ukoll kif se jeffettwa din ir-relazzjoni?
Bl-istess mod, ix-xewqa li nżommu relazzjoni mill-qrib m’Alla teffettwa dak kollu li nagħmlu. Ħaġa meħtieġa hi li jkollna għarfien eżatt dwar dak li japprova u dak li ma japprovax. Imbagħad, ikollna bżonn niġu gwidati minn dan l-għarfien, billi nistinkaw biex nogħġbuh kemm bil-ħsieb u kemm bl-azzjoni.
Iva, biex nimxu m’Alla rridu nogħġbuh. Hekk għamel Ħenok għal mijiet taʼ snin. Fil-fatt, il-forma tal-verb Lhudi li tindika li Ħenok “kien jimxi” m’Alla tfisser azzjoni kontinwa u ripetuta. Raġel leali ieħor li “kien jimxi sewwa maʼ Alla” kien Noè.—Ġenesi 6:9.
Ħenok kien raġel tal-familja. Kellu mara u kien missier taʼ “subjien u bniet.” Wieħed minn uliedu kien Matusala. (Ġenesi 5:21, 22) Żgur li Ħenok għamel dak kollu li setaʼ biex jippresiedi fuq daru bl-aħjar mod possibbli. Madankollu, b’dawk in-nies kollha li jiċħdu ’l Alla madwaru, ma kienx faċli għalih biex jaqdi lil Alla. Lamek, missier Noè, għandu mnejn li kien l-uniku wieħed li kien jgħix fl-istess żmien u li kien jeżerċita fidi f’Jehovah. (Ġenesi 5:28, 29) Madankollu, Ħenok ipprattikaha b’kuraġġ il-qima vera.
X’għenu lil Ħenok biex jibqaʼ leali lejn Alla? Mingħajr ebda dubju, hu ma kienx jassoċja maʼ dawk li kienu jkasbru l-isem taʼ Jehovah jew m’oħrajn li ma kinux ħbieb xierqa għal adoratur t’Alla. Li jfittex l-għajnuna taʼ Jehovah fit-talb żgur li saħħaħ ukoll id-determinazzjoni taʼ Ħenok sabiex jevita kwalunkwe ħaġa li setgħet ma togħġobx lill-Ħallieq tiegħu.
Il-Profezija Kontra Dawk li Jiċħdu ’l Alla
Li nżommu livelli għoljin diġà huwa iebes ferm meta nkunu mdawrin b’nies li jiċħdu ’l Alla. Imma Ħenok wassal ukoll messaġġ taʼ ġudizzju mingħajr kompromess kontra n-nies mill-agħar. Gwidat mill-ispirtu t’Alla, Ħenok iddikjara profetikament: “Ara, il-Mulej ġej, bl-eluf taʼ l-anġli qaddisa tiegħu, biex jagħmel ħaqq minn kulħadd u jikkundanna l-ħżiena kollha għal kull xorta taʼ ħażen li għamlu, u għall-kliem iebes kollu li qalu kontra tiegħu l-midinbin ħżiena.”—Ġuda 14, 15.
Liema effett kien se jkollu dan il-messaġġ fuq dawk stinati li ma jemmnux? Huwa raġunevoli li naħsbu li Ħenok ma kienx maħbub minħabba dan il-kliem li jniggeż, li forsi qanqal lil dawn in-nies biex jidħqu bih, iżebilħuh, u jhedduh. Xi wħud riedu jsikktuh darba għal dejjem. Madankollu, Ħenok ma beżax. Hu kien jaf xi ġralu t-twajjeb Abel, u bħalu, Ħenok kien determinat li jaqdi lil Alla, akkost taʼ kollox.
“Ħadu Alla”
Mid-dehra Ħenok kien f’periklu tal-mewt meta “ħadu Alla.” (Ġenesi 5:24) Jehovah ma ppermettiex li l-profeta leali tiegħu jbati taħt idejn l-għedewwa estremament vjolenti. Skond l-appostlu Pawlu, “Ħenok ittieħed minn fostna hekk li hu l-mewt ma rahiex.” (Lhud 11:5) Ħafna jgħidu li Ħenok ma mietx imma li Alla ħadu fis-sema u baqaʼ jgħix hemm. Madankollu, Ġesù stqarr b’mod ċar: “Ħadd ma telaʼ s-sema ħlief Bin il-bniedem, li niżel mis-sema.” Ġesù kien il-wieħed li telaʼ ‘qabel’ dawk kollha li jitilgħu s-sema.—Ġwann 3:13; Lhud 6:19, 20.
Għalhekk, xi ġralu Ħenok? Il-fatt li “ttieħed minn fostna hekk li hu l-mewt ma rahiex” jistaʼ jfisser li Alla aljenah profondament permezz taʼ viżjoni profetika u temmlu ħajtu waqt li kien f’dak l-istat. F’ċirkustanzi bħal dawn, Ħenok m’esperjenzax l-uġigħ tal-mewt. Imbagħad “ma nstabx iżjed,” mid-dehra għax Jehovah ħeba ’l ġismu, bħalma kien ħeba l-ġisem taʼ Mosè.—Dewteronomju 34:5, 6.
Ħenok għex 365 sena—mhux daqshekk fit-tul daqs il-biċċa l-kbira minn dawk li kienu jgħixu fi żmienu. Imma l-iktar ħaġa importanti għal dawk li jħobbu lil Jehovah hi li jaqduh fedelment sa l-aħħar jum taʼ ħajjithom. Aħna nafu li Ħenok għamel dan għax “qabel ma ttieħed kien kiseb xhieda li hu kien għoġob lil Alla.” L-Iskrittura ma tgħidilniex kif Jehovah kkomunika dan maʼ Ħenok. Minkejja dan, qabel miet, ngħata l-assiguranza li kien approvat minn Alla, u nistgħu nibqgħu ċerti li Jehovah se jiftakar fih fl-irxoxt.
Imita l-Fidi taʼ Ħenok
Nistgħu bix-xieraq nimitaw il-fidi taʼ bnedmin li kienu devoti lejn Alla. (Lhud 13:7) Kien permezz tal-fidi li Ħenok qeda bħala l-ewwel profeta leali t’Alla. Id-dinja fi żmien Ħenok kienet bħal tagħna—vjolenti, tiċħad ’l Alla, u tkasbar l-affarijiet tiegħu. Madankollu, Ħenok kien differenti. Kellu fidi vera u kien t’eżempju fid-devozzjoni lejn Alla. Iva, Jehovah tah messaġġ importanti taʼ ġudizzju x’jiddikjara, imma saħħu wkoll biex jipproklamah. Ħenok wettaq l-inkarigu tiegħu b’kuraġġ, u Alla ħa ħsiebu meta ffaċċja l-oppożizzjoni mill-għedewwa.
Jekk aħna neżerċitaw fidi bħal dik taʼ Ħenok, Jehovah se jsaħħaħna biex niddikjaraw il-messaġġ tiegħu matul dawn l-aħħar jiem. Hu se jgħinna niffaċċjaw l-oppożizzjoni b’kuraġġ, u d-devozzjoni tagħna lejh se tagħmilna differenti ħafna minn dawk li jiċħdu ’l Alla. Il-fidi se tgħinna nimxu m’Alla u nġibu ruħna b’mod li nferrħulu qalbu. (Proverbji 27:11) Bil-fidi, it-twajjeb Ħenok irnexxielu jimxi maʼ Jehovah f’dinja li tiċħad ’l Alla, u l-istess nistgħu nagħmlu aħna.
[Kaxxa f’paġna 30]
Tikkwota l-Bibbja mill-Ktieb taʼ Ħenok?
Il-Ktieb taʼ Ħenok huwa wieħed mill-kitbiet taʼ l-apokrifa u dawk anonimi jew b’isem falz imsejħin psewdepigrafiċi li m’humiex imdaħħlin fil-kanoni Bibliċi. Dan il-ktieb jattribwuh b’mod falz lil Ħenok. Sar x’aktarx f’xi żmien matul it-tieni u l-ewwel seklu Q.E.K., u huwa kollezzjoni taʼ ħrejjef Lhud esaġerati u mhux storiċi. Mid-dehra huwa l-prodott taʼ dettalji żejda u komplikati fit-tifsir tar-referenza qasira fil-Ġenesi fuq Ħenok. Dan biss huwa biżżejjed biex dawk li jħobbu l-Kelma ispirata t’Alla ma jikkunsidrawx dan il-ktieb.
Fil-Bibbja, il-ktieb taʼ Ġuda biss fih il-kliem profetiku taʼ Ħenok: “Ara, il-Mulej ġej, bl-eluf taʼ l-anġli qaddisa tiegħu, biex jagħmel ħaqq minn kulħadd u jikkundanna l-ħżiena kollha għal kull xorta taʼ ħażen li għamlu, u għall-kliem iebes kollu li qalu kontra tiegħu l-midinbin ħżiena.” (Ġuda 14, 15) Ħafna studjużi jsostnu li l-profezija taʼ Ħenok, kontra dawk li jiċħdu ’l Alla li kienu jgħixu fi żmienu, hija kwotata direttament mill-Ktieb taʼ Ħenok. Jistaʼ jkun li Ġuda uża ktieb taʼ l-apokrifa li ma tistax toqgħod fuqu bħala s-sors tiegħu?
Fl-Iskrittura m’għandniex rivelat il-mod kif Ġuda sar jaf dwar il-profezija taʼ Ħenok. Hu setaʼ sempliċement ikkwota sors komuni, tradizzjoni taʼ min joqgħod fuqha li kienet ilha tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra minn żmien il-qedem. Pawlu mid-dehra għamel xi ħaġa simili meta semma lil Ġannes u Ġambri bħala s-saħħara tal-qorti tal-Fargħun li opponew lil Mosè illi kieku kienu jibqgħu anonimi. Jekk il-kittieb tal-Ktieb taʼ Ħenok setaʼ uża sors antik taʼ dan it-tip, għala għandna niċħdu li Ġuda wkoll setaʼ għamel l-istess?a—Eżodu 7:11, 22; 2 Timotju 3:8.
Il-mod kif Ġuda rċieva l-informazzjoni dwar il-messaġġ taʼ Ħenok kontra dawk li jiċħdu ’l Alla huwa fatt taʼ ftit importanza. Il-fatt li Ġuda kiteb taħt l-ispirazzjoni divina jagħti xiehda li dan hu taʼ min joqgħod fuqu. (2 Timotju 3:16) L-ispirtu qaddis t’Alla kien jgħasses fuqu biex ma jistqarrx xi ħaġa li ma kinitx vera.
[Nota taʼ taħt]
a Id-dixxiplu Stiefnu wkoll ipprovda informazzjoni li ma tinsab imkien ieħor fl-Iskrittura Ebrajka. Din kienet tikkonċerna l-edukazzjoni Eġizzjana taʼ Mosè, il-fatt li taʼ 40 sena ħarab mill-Eġittu, l-40 sena li dam jgħix f’Midjan, u l-irwol taʼ l-anġli biex iwasslu l-Liġi Mosajka.—Atti 7:22, 23, 30, 38.
[Stampa f’paġna 31]
Ħenok wassal il-messaġġ taʼ Jehovah b’kuraġġ