LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 9/1 pp. 13-17
  • Imxi m’Alla f’Dan iż-Żmien Instabbli

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Imxi m’Alla f’Dan iż-Żmien Instabbli
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Imxi m’Alla, Mhux mal-​Ġnus
  • Kif u Għala Timxi m’Alla?
  • Ħenok Mexa m’Alla fi Żmien instabbli
  • X’Saħħaħ lil Ħenok biex Jimxi m’Alla?
  • Imita l-​Eżempju taʼ Ħenok
  • “Kien għoġob sew lil Alla”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2017
  • Ħenok Mexa m’Alla f’Dinja li Tiċħad ’l Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Raġel Kuraġġuż
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Jinnota Jehovah Dak li Tagħmel Int?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 9/1 pp. 13-17

Imxi m’Alla f’Dan iż-​Żmien Instabbli

“Ħenok kien jimxi sewwa maʼ Alla; u ma deherx aktar, għax ħadu Alla.”​—ĠENESI 5:24.

1. X’inhuma xi affarijiet li jimlew lil żmienna bl-​inkwiet?

ŻMIEN instabbli! Dan il-​kliem jiddeskrivi tajjeb is-​snin taʼ inkwiet u vjolenza li għaddiet minnhom l-​umanità minn meta bdiet is-​Saltna Messjanika fl-​1914. Minn dak iż-​żmien ’l hawn, il-​bnedmin kienu jinsabu fl-​“aħħar jiem.” Problemi bħall-​ġuħ, il-​mard, it-​terremoti, u l-​gwerer qed jgħakksu lill-​umanità fuq skala li qatt ma kien hawn bħalha. (2 Timotju 3:1; Rivelazzjoni 6:​1-8) Dawk li jqimu lil Ġeħova m’humiex meħlusin minn dan. Kemm jekk fuq skala akbar jew iżgħar, aħna lkoll irridu nkampaw mat-​tbatija u l-​inkwiet taʼ żmienna. Il-​pressjonijiet ekonomiċi, l-​inkwiet politiku, il-​kriminalità, u l-​mard huma fost l-​affarijiet li jagħmlulna ħajjitna tassew diffiċli.

2. Il-​qaddejja taʼ Ġeħova liema sfidi ffaċċjaw?

2 Barra minn hekk, ħafna mill-​qaddejja taʼ Ġeħova ssaportew attakk wara l-​ieħor taʼ persekuzzjoni ħarxa, hekk kif Satana kompla jiggwerra kontra “dawk li josservaw il-​kmandamenti t’Alla u li għandhom ix-​xogħol li jixhdu dwar Ġesù.” (Rivelazzjoni 12:17) U għalkemm mhux ilkoll kemm aħna batejna minn persekuzzjoni diretta, il-​Kristjani veri kollha għandhom ġlieda kontra Satana x-​Xitan u l-​ispirtu li qed inissel fl-​umanità. (Efesin 2:2; 6:12) Irridu noqogħdu attenti l-​ħin kollu biex ma niġux influwenzati minn dan l-​ispirtu, ladarba niffaċċjawh fuq ix-​xogħol, fl-​iskola, u f’kull post ieħor fejn ikollna kuntatt maʼ dawk li ma jinteressahomx mill-​qima pura.

Imxi m’Alla, Mhux mal-​Ġnus

3, 4. Il-​Kristjani b’liema mod huma differenti mid-​dinja?

3 Lura fl-​ewwel seklu, il-​Kristjani bl-​istess mod iġġieldu kemm felħu kontra l-​ispirtu taʼ din id-​dinja, u dan għamilhom tassew differenti minn dawk barra l-​kongregazzjoni Kristjana. Pawlu ddeskriva d-​differenza meta qal: “Għalhekk, dan ngħid u nixhed dwaru fil-​Mulej, li ma tibqgħux timxu iktar kif jimxu l-​ġnus fil-​frugħa taʼ moħħhom, li qegħdin fi dlam mentali u mbegħdin mill-​ħajja li jagħti Alla, minħabba l-​injoranza li tinsab fihom u minħabba l-​ebusija taʼ qlubhom. Billi tilfu kull sens morali, ngħataw għall-​kondotta laxka biex b’regħba jagħmlu kull xorta taʼ nuqqas taʼ ndafa.”—Efesin 4:​17-​19.

4 Kemm hu eżatt dan il-​kliem meta jiddeskrivi d-​dinja mdallma għall-​aħħar kemm spiritwalment u kemm moralment—fi żmien Pawlu u fi żmienna! L-​istess bħall-​ewwel seklu, il-​Kristjani llum ‘ma jibqgħux jimxu iktar kif jimxu l-​ġnus.’ Minflok, huma jgawdu l-​privileġġ meraviljuż li jimxu m’Alla. Huwa minnu li xi nies għandhom mnejn jiddubitaw huwiex raġunevoli li tgħid li sempliċi bnedmin imperfetti jimxu maʼ Ġeħova. Però, il-​Bibbja turi li jistgħu. Iktar minn hekk, Ġeħova jistenna minnhom li jagħmlu dan. Fit-​tmien seklu qabel l-​Era Komuni tagħna, il-​profeta Mikea kiteb il-​kliem ispirat li ġej: “X’jitlob minnek il-​Mulej ħlief li tagħmel biss is-​sewwa, u tħobb it-​tjieba, u timxi bl-​umiltà m’Alla tiegħek.”—Korsiv tagħna; Mikea 6:​8, Karm Żammit.

Kif u Għala Timxi m’Alla?

5. Kif jistaʼ bniedem imperfett jimxi m’Alla?

5 Kif nistgħu nimxu m’Alla li jistaʼ kollox u li huwa inviżibbli? Jidher ċar li mhux bil-​mod kif nimxu maʼ bnedmin sħabna. Fil-​Bibbja l-​espressjoni “li timxi” tistaʼ tfisser “li taġixxi b’ċertu mod.”a Jekk inżommu dan f’moħħna, se nifhmu li min jimxi m’Alla jgħix ħajtu skond ir-​rieda t’Alla u b’tali mod li togħġob lilu. Jekk nipprovaw ngħixu ħajja bħal din se nkunu differenti mill-​maġġuranza tan-​nies taʼ madwarna. Madankollu, din hi l-​unika għażla adattata għall-​Kristjani. Għala? Hemm ħafna raġunijiet.

6, 7. Għala huwa l-​mixi m’Alla l-​aħjar mod taʼ ħajja possibbli?

6 L-​ewwelnett, Ġeħova hu l-​Ħallieq tagħna, is-​Sors tal-​ħajja, u l-​Wieħed li jipprovdi dak kollu li għandna bżonn biex ngħixu. (Rivelazzjoni 4:11) Minħabba f’hekk, hu biss għandu d-​dritt jgħidilna kif għandna nimxu. Barra minn hekk, il-​mixi m’Alla hu l-​iktar mod taʼ ħajja li hu taʼ ġid għalina. Għal dawk li jimxu miegħu, Ġeħova pprovda mezz kif jaħfrilhom dnubiethom, u hu joffrilhom tama ċerta taʼ ħajja taʼ dejjem. Missierna tas-​sema li tassew jaf iħobb, jipprovdi wkoll gwida għaqlija li tgħin lil dawk li jimxu miegħu biex jirnexxu f’ħajjithom minn issa, minkejja li huma imperfetti u jgħixu f’dinja li tinsab taħt il-​qawwa taʼ Satana. (Ġwanni 3:16; 2 Timotju 3:​15, 16; 1 Ġwanni 1:8; 2:25; 5:19) Raġuni oħra għala għandna nimxu m’Alla hi li ladarba nagħmlu dan minn jeddna, aħna nkunu qed nikkontribwixxu għas-​sliem u l-​għaqda tal-​kongregazzjoni.—Kolossin 3:​15, 16.

7 Fl-​aħħar, u l-​iktar importanti, meta nimxu m’Alla aħna nuru fuq liema naħa ninsabu fil-​kwistjoni kbira li tqajmet lura fil-​ġnien taʼ l-​Għeden—il-​kwistjoni tas-​sovranità. (Ġenesi 3:​1-6) Bil-​mod kif ngħixu ħajjitna nuru li aħna ninsabu għalkollox man-​naħa taʼ Ġeħova, u bla ebda biżaʼ aħna nipproklamaw li hu biss għandu d-​dritt ikun is-​Sovran. (Salm 83:19 [83:​18, NW]) B’hekk, naġixxu fi qbil mat-​talba tagħna li isem Alla jiġi mqaddes u li sseħħ ir-​rieda tiegħu. (Mattew 6:​9, 10) Kemm huma għaqlin dawk li jagħżlu li jimxu m’Alla! Huma jistgħu jkunu ċerti li sejrin fid-​direzzjoni t-​tajba, ladarba Ġeħova “biss hu għaref.” Hu qatt ma jiżbalja.—Rumani 16:27.

8. Żmien Ħenok u Noè kif kienu simili għal żmienna?

8 Però, kif inhu possibbli li tgħix ħajja taʼ Kristjan meta tkun fi żmien instabbli bħal dan u meta l-​maġġuranza tan-​nies m’għandhom l-​ebda interess biex jaqdu lil Ġeħova? It-​tweġiba nsibuha meta nikkunsidraw l-​irġiel leali tal-​qedem li żammew l-​integrità tagħhom waqt żminijiet tassew diffiċli. Tnejn minn dawn kienu Ħenok u Noè. It-​tnejn li huma kienu jgħixu fi żmien xi ftit jew wisq simili għal żmienna. Kulfejn tħares kont tara l-​ħażen. Fi żmien Noè l-​art kienet mimlija bil-​vjolenza u l-​immoralità. Però, Ħenok u Noè ġġieldu kontra l-​ispirtu tad-​dinja taʼ żmienhom u mxew maʼ Ġeħova. Kif irnexxielhom jagħmlu dan? Biex inwieġbu din il-​mistoqsija, f’dan l-​artiklu se niddiskutu l-​eżempju taʼ Ħenok. Fl-​artiklu li jmiss se nikkunsidraw lil Noè.

Ħenok Mexa m’Alla fi Żmien instabbli

9. Liema informazzjoni għandna dwar Ħenok?

9 Ħenok kien l-​ewwel individwu deskritt fl-​Iskrittura bħala li kien jimxi m’Alla. Ir-​rakkont imniżżel fil-​Bibbja jgħid li wara li kellu lil Matusala, Ħenok kompla jimxi m’Alla. (Ġenesi 5:​22) Imbagħad, wara li jsemmi t-​tul tal-​ħajja taʼ Ħenok—li, għalkemm jidher twil meta mqabbel maʼ kemm indumu ħajjin aħna, għal dak iż-​żmien ma kienx daqshekk twil—ir-​rakkont jgħid: “Ħenok kien jimxi sewwa maʼ Alla; u ma deherx aktar, għax ħadu Alla.” (Ġenesi 5:24) Jidher ċar li Ġeħova ttrasferixxa lil Ħenok mill-​art tal-​ħajjin għar-​raqda tal-​mewt qabel maʼ l-​opponenti setgħu jaħtfuh taħt idejhom. (Ebrej 11:​5, 13) Minbarra dawk il-​ftit versi, ma tantx insibu referenzi għal Ħenok fil-​Bibbja. Minkejja dan, mill-​informazzjoni li għandna u minn indikazzjonijiet oħra, għandna raġunijiet tajba biex ngħidu li żmien Ħenok kien żmien instabbli.

10, 11. (a) Il-korruzzjoni kif inxterdet wara r-​ribelljoni taʼ Adam u Eva? (b) Liema messaġġ profetiku ppriedka Ħenok, u liema reazzjoni żgur li rċieva?

10 Ikkunsidra, per eżempju, kemm infirxet malajr il-​korruzzjoni fir-​razza umana wara li dineb Adam. Il-​Bibbja tgħidilna li l-​ewwel imwieled taʼ Adam, Kajjin, kien l-​ewwel bniedem li qatel lil xi ħadd meta qatel lil ħuh Abel. (Ġenesi 4:​8-10) Wara l-​mewta vjolenti t’Abel, Adam u Eva kellhom iben ieħor u lil dan semmewh Set. Dwaru naqraw: “Lil Set ukoll twelidlu iben u semmieh Enos; mbagħad bdew isejjħu isem il-​Mulej.” (Ġenesi 4:​25, 26) B’dispjaċir, il-​fatt li “bdew isejjħu isem il-​Mulej” kien b’mod apostat.b Ħafna snin wara t-​twelid t’Enos, dixxendent taʼ Kajjin li jismu Lamek ikkompona għanja għaż-​żewġ nisa tiegħu li fiha qal li qatel żagħżugħ li kien weġġgħu. Hu wissa wkoll: “Għax sebaʼ darbiet jitħallas Kajjin, imma Lamek sebgħa u sebgħin darba.”—Ġenesi 4:​10, 19, 23, 24.

11 Dawn il-​fatti miġburin fil-​qosor li għadna kif semmejna jindikaw li l-​korruzzjoni li daħħal Satana fil-​ġnien taʼ l-​Għeden malajr wasslet biex il-​ħażen jinxtered fost id-​dixxendenti taʼ Adam. F’dinja bħal dik, Ħenok kien profeta taʼ Ġeħova li l-​kliem ispirat tiegħu għad għandu effett qawwi sa llum. Ġuda jirrapporta li Ħenok ipprofetizza: “Ara! Ġeħova ġie bil-​mirjadi mqaddsa tiegħu, biex jagħmel ġudizzju minn kulħadd, u jikkundanna lil dawk kollha li m’għandhomx devozzjoni lejn Alla għall-​għemejjel bla devozzjoni kollha tagħhom li għamlu mingħajr devozzjoni, u għall-​kliem li jkexkex kollu li ntqal kontrih minn midinbin li m’għandhomx devozzjoni lejh.” (Ġuda 14, 15) Dan il-​kliem se jkollu l-​aħħar twettiq tiegħu f’Armageddon. (Rivelazzjoni 16:​14, 16) Xorta waħda nistgħu nkunu ċerti li anki fi żmien Ħenok kien hemm ħafna ‘midinbin li ma kellhomx devozzjoni lejn Alla’ u li ddejqu meta semgħu l-​profezija taʼ Ħenok. Kemm wera mħabba Ġeħova meta ħa lill-​profeta minn taħt idejhom!

X’Saħħaħ lil Ħenok biex Jimxi m’Alla?

12. Ħenok għala kien differenti minn dawk li kienu jgħixu fl-​istess żmien?

12 Lura fil-​ġnien taʼ l-​Għeden, Adam u Eva semgħu minn Satana, u Adam irribella kontra Ġeħova. (Ġenesi 3:​1-6) Binhom Abel għex ħajja differenti, u Ġeħova approvah. (Ġenesi 4:​3, 4) B’dispjaċir, il-​maġġuranza taʼ nisel Adam ma kienx bħal Abel. Però, Ħenok, li twieled mijiet taʼ snin wara, kien. X’kienet id-​differenza bejn Ħenok u ħafna dixxendenti oħra taʼ Adam? L-​appostlu Pawlu wieġeb din il-​mistoqsija meta kiteb: “Bil-​fidi Ħenok ġie trasferit biex ma jarax il-​mewt, u ma nstab imkien għax Alla kien ittrasferieh; imma qabel ma ġie trasferit kellu x-​xiehda li kien għoġob sew lil Alla.” (Ebrej 11:5) Ħenok kien jagħmel parti minn “sħaba hekk kbira taʼ xhieda” taʼ qabel il-​Kristjanità li kienu eżempji eċċellenti tal-​fidi. (Ebrej 12:1) Kien minħabba l-​fidi li Ħenok setaʼ jibqaʼ jġib ruħu sew matul il-​ħajja tiegħu taʼ iktar minn 300 sena—iktar minn tliet darbiet taʼ kemm jgħixu ħafna minna llum!

13. Liema tip taʼ fidi kellu Ħenok?

13 Pawlu ddeskriva l-​fidi taʼ Ħenok u taʼ xhieda oħra meta kiteb: “Il-​fidi hi l-​istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom, it-​turija evidenti taʼ realtajiet li ma jidhrux.” (Ebrej 11:1) Iva, il-​fidi hi stennija fiduċjuża, ibbażata fuq garanziji, li dak li nittamaw għalih se jseħħ. Din tinvolvi stennija li tkun tant qawwija li teffettwa liema affarijiet inqisu bħala l-​iktar importanti f’ħajjitna. Dan it-​tip taʼ fidi għen lil Ħenok jimxi m’Alla avolja d-​dinja taʼ madwaru m’għamlitx hekk.

14. Fuq liema tip t’għarfien setgħet kienet ibbażata l-​fidi taʼ Ħenok?

14 Il-​fidi vera hija bbażata fuq l-​għarfien eżatt. X’għarfien kellu Ħenok? (Rumani 10:​14, 17; 1 Timotju 2:4) Żgur li kien jaf dwar il-​ġrajjiet li seħħew fl-​Għeden. Probabbilment, hu semaʼ wkoll dwar kif kienet il-​ħajja fil-​ġnien taʼ l-​Għeden—li probabbilment kien għadu jeżisti, għalkemm il-​bnedmin ma setgħux jidħlu fih. (Ġenesi 3:​23, 24) U hu kien jaf dwar l-​iskop t’Alla li nisel Adam kellu jimla l-​art u jagħmel il-​pjaneta kollha bħal dik il-​Ġenna taʼ l-​art tal-​bidu. (Ġenesi 1:28) Barra minn hekk, Ħenok żgur li kien jgħożż il-​wegħda taʼ Ġeħova li se jipproduċi Nisel li kellu jisħaq ras Satana u jneħħi l-​effetti ħżiena kollha li ġab miegħu l-​qerq taʼ Satana. (Ġenesi 3:15) Tabilħaqq, il-​profezija ispirata taʼ Ħenok stess, preservata fil-​ktieb taʼ Ġuda, hija konnessa mal-​qerda tan-​nisel taʼ Satana. Ladarba Ħenok kellu l-​fidi, aħna nafu li hu kien iqim lil Ġeħova bħala l-​wieħed li “jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa.” (Ebrej 11:6) Għalhekk, avolja Ħenok ma kellux l-​għarfien kollu li għandna aħna, hu kellu biżżejjed biex jifforma bażi għal fidi soda. B’din il-​fidi, hu żamm l-​integrità tiegħu fi żmien instabbli.

Imita l-​Eżempju taʼ Ħenok

15, 16. Kif nistgħu nsegwu l-​eżempju taʼ Ħenok?

15 Ladarba aħna, bħal Ħenok, irridu nogħġbu lil Ġeħova matul iż-​żmien instabbli li jeżisti llum, nagħmlu tajjeb jekk insegwu l-​eżempju taʼ Ħenok. Irridu niksbu u nżommu l-​għarfien eżatt dwar Ġeħova u l-​iskop tiegħu. Imma neħtieġu iktar minn hekk. Irridu nħallu dak l-​għarfien eżatt jidderiġilna ħajjitna. (Salm 119:101; 2 Pietru 1:19) Għandna bżonn niġu gwidati mill-​ħsieb t’Alla, dejjem nistinkaw biex nogħġbuh b’kull ħsieb u għemil tagħna.

16 Ma nsibu xejn imniżżel dwar jekk kienx hemm xi ħadd ieħor li kien jaqdi lil Ġeħova fi żmien Ħenok, imma jidher ċar li jew kien waħdu jew inkella ftit li xejn kien hemm nies. Aħna wkoll minorità fid-​dinja, imma dan ma jaqtgħalniex qalbna. Ġeħova se jappoġġana jkun min ikun kontrina. (Rumani 8:31) Ħenok wissa bil-​kuraġġ dwar il-​qerda li kienet ġejja fuq in-​nies li jiċħdu ’l Alla. Aħna wkoll nuru kuraġġ hekk kif nippridkaw “din l-​aħbar tajba tas-​saltna” minkejja t-​tmaqdir, l-​oppożizzjoni, u l-​persekuzzjoni. (Mattew 24:14) Ħenok ma kellux ħajja twila daqskemm kellhom dawk taʼ żmienu. Xorta waħda, it-​tama tiegħu ma kinitx f’dik id-​dinja. Hu kellu l-​ħarsa tiegħu ffokata fuq xi ħaġa ħafna aqwa. (Ebrej 11:​10, 35) Aħna wkoll għandna l-​ħarsa tagħna ffokata fuq it-​twettiq taʼ l-​iskop taʼ Ġeħova. Għalhekk, aħna ma nużawx lil din id-​dinja bis-​sħiħ. (1 Korintin 7:31) Minflok, nużaw saħħitna u r-​riżorsi tagħna primarjament fis-​servizz taʼ Ġeħova.

17. Liema għarfien għandna li Ħenok ma kellux, u allura x’għandna nagħmlu?

17 Ħenok kien fiduċjuż li n-​Nisel imwiegħed minn Alla kien se jidher meta jiddeċiedi Ġeħova. Issa għaddew kważi 2,000 sena minn meta dak in-​Nisel—Ġesù Kristu—deher, ipprovda l-​fidwa, u fetaħ it-​triq għalina, kif ukoll għal xiehda leali tal-​qedem bħal Ħenok, biex nirtu l-​ħajja taʼ dejjem. Dak in-​Nisel, issa Sultan maħtur tas-​Saltna t’Alla, tefaʼ lil Satana ’l barra mis-​sema ’l isfel lejn l-​art, u madwarna qed naraw it-​tribulazzjoni li rriżultat minħabba dan. (Rivelazzjoni 12:12) Iva, hemm ħafna iktar għarfien disponibbli għalina milli kien hemm għal Ħenok. Mela, jalla jkollna fidi soda bħal tiegħu. Jalla l-​fiduċja tagħna fit-​twettiq tal-​wegħdi t’Alla tinfluwenza kulma nagħmlu. Jalla aħna bħal Ħenok, nimxu m’Alla, avolja qed ngħixu fi żmien instabbli.

[Noti taʼ taħt]

a Ara l-​Insight on the Scriptures l-​1 Volum, paġna 220, paragrafu 6, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

b Qabel iż-​żmien t’Enos, Ġeħova kien ikellem lil Adam. Abel għamel offerta aċċettabbli lil Ġeħova. Alla saħansitra kkomunika maʼ Kajjin qabel ma r-​rabja għajjura tiegħu ġagħlitu joqtol. Għalhekk, meta bdew “isejjħu isem il-​Mulej” dan kien b’mod differenti, mhux bil-​qima pura.

Int Kif Twieġeb?

• Xi jfisser il-​mixi m’Alla?

• Għala l-​mixi m’Alla hu l-​aħjar mod taʼ ħajja?

• X’għen lil Ħenok jimxi m’Alla minkejja li ż-​żmien kien instabbli?

• Kif nistgħu nimitaw lil Ħenok?

[Stampa f’paġna 15]

Bil-​fidi, “Ħenok kien jimxi sewwa maʼ Alla”

[Stampa f’paġna 17]

Aħna nemmnu bis-​sħiħ li l-​wegħdi taʼ Ġeħova se jseħħu

[Sors tal-​istampi f’paġna 13]

Mara, fit-​tarf fuq il-​lemin: FAO photo/B. Imevbore; bini qed jaqaʼ: San Hong R-​C Picture Company

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja