Hija t-Tmexxija taʼ Kristu Reali Għalik?
“Tħallux min isejjħilkom mexxejja, għax il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija.”—MATTEW 23:10.
1. Min huwa l-uniku Mexxej tal-Kristjani veri?
KIEN it-Tlieta, 11 taʼ Nisan. Tlett ijiem wara, Ġesù Kristu kien se jiġi maqtul. Din kienet l-aħħar żjara tiegħu fit-tempju. Dak in-nhar, Ġesù għallem xi ħaġa importanti lid-dixxipli tiegħu u lill-folla li kienet inġemgħet hemmhekk. Hu qal: “Tħallux min isejjħilkom Rabbi, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejjħu lil ħadd missierkom fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet. Hekk ukoll tħallux min isejjħilkom mexxejja, għax il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija.” (Mattew 23:8-10) Jidher ċar, li Ġesù Kristu huwa l-Mexxej tal-Kristjani veri.
2, 3. Xi jkun l-effett f’ħajjitna meta nisimgħu minn Jehovah u naċċettaw il-Mexxej maħtur tiegħu?
2 Kemm nibbenefikaw mit-tmexxija taʼ Ġesù meta naċċettawha! Waqt li kien qed ibassar il-miġja taʼ dan il-Mexxej, Alla Jehovah iddikjara permezz tal-profeta Isaija: “Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma; intom ukoll li m’għandkomx flus. Ejjew, ixtru u kulu b’xejn, nbid u ħalib bla ħlas. . . . Isimgħu minni, u tieklu tajjeb, u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin. . . . Ara, jien qegħedtu xhud fost il-ġnus, [“mexxej u kmandant,” KŻ] fuq il-popli.”—Isaija 55:1-4.
3 Isaija uża likwidi komuni—ilma, ħalib, u nbid—bħala metafori biex juri kif il-ħajja persunali tagħna tiġi effettwata meta nisimgħu minn Jehovah u nimxu wara l-Mexxej u l-Kmandant li tana. Ir-riżultat huwa wieħed rifreskanti. Hu bħal meta tixrob tazza ilma kiesaħ f’ġurnata sħuna. L-għatx li għandna għall-verità u t-tjieba jinqatgħalna. Bħalma l-ħalib isaħħaħ lit-trabi u jgħinhom jikbru, ‘il-ħalib tal-kelma’ (KŻ) jsaħħaħna u jgħinna nikbru spiritwalment fir-relazzjoni tagħna m’Alla. (1 Pietru 2:1-3) U min jistaʼ jiċħad li l-inbid iġib il-ferħ f’okkażjonijiet festivi? Bl-istess mod, meta nqimu lil dak Alla veru u nimxu fil-passi tal-Mexxej maħtur tiegħu ‘nkunu tassew ferħanin.’ (Dewteronomju 16:15) Mela, huwa vitali li lkoll kemm aħna—żgħar u kbar, irġiel u nisa—nuru li t-tmexxija taʼ Kristu hija reali għalina. Iżda, kif nistgħu nuru fil-ħajja tagħna taʼ kuljum li l-Messija huwa l-Mexxej tagħna?
Żgħażagħ—‘Ibqgħu Ikbru fl-Għerf’
4. (a) X’ġara meta Ġesù kellu 12-il sena u mar Ġerusalemm fi żmien il-Qbiż? (b) Ġesù x’għarfien kellu fl-età tenera taʼ 12-il sena?
4 Ikkunsidra l-eżempju li l-Mexxej tagħna ħalla biex iż-żgħażagħ jimxu fuqu. Għalkemm ftit li xejn nafu dwar it-tfulija taʼ Ġesù, hemm ġrajja li tgħidilna ħafna affarijiet. Meta Ġesù kellu 12-il sena, il-ġenituri tiegħu ħaduh magħhom Ġerusalemm, fejn kienu jitilgħu kull sena sabiex jiċċelebraw il-Qbiż. F’din l-okkażjoni Ġesù kien mitluf f’diskussjoni fuq l-Iskrittura, u mingħajr ma induna ħadd, il-familja tiegħu telqet mingħajru. Tlett ijiem wara, il-ġenituri tiegħu, Ġużeppi u Marija, li kienu inkwetati ferm, sabuh fit-tempju “bil-qiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom.” Iktar minn hekk, “kull min semgħu baqaʼ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu.” Immaġina ftit, fl-età tenera taʼ 12-il sena, Ġesù mhux biss kien kapaċi jqajjem mistoqsijiet dwar affarijiet spiritwali b’mod li jġagħlek taħseb, imma wkoll jagħti tweġibiet intelliġenti! Mingħajr ebda dubju, hu kien megħjun jagħmel dan bit-taħriġ li tawh il-ġenituri tiegħu.—Luqa 2:41-50.
5. Iż-żgħażagħ kif jistgħu jeżaminaw l-attitudni tagħhom lejn l-istudju tal-Bibbja bħala familja?
5 Forsi int żagħżugħ. Jekk il-ġenituri tiegħek huma qaddejja devoti t’Alla, x’aktarx li d-dar issegwu programm regulari taʼ studju tal-Bibbja bħala familja. Int kif tħares lejh l-istudju tal-familja? Għala ma tirriflettix fuq mistoqsijiet bħal: ‘Qed nappoġġa jien b’qalbi kollha l-arranġament tal-familja tiegħi għall-istudju tal-Bibbja? Nikkoopera billi ma nagħmel xejn li jistaʼ jfixkel dan l-arranġament?’ (Filippin 3:16) ‘Nipparteċipa b’mod attiv fl-istudju? Meta jkun xieraq, nistaqsi mistoqsijiet dwar il-materjal li nkunu qed nistudjaw u nikkummenta dwar kif nistgħu napplikawh? Hekk kif nimxi ’l quddiem spiritwalment, qiegħed jien inkompli niżviluppa xenqa għall-“ikel sħiħ” li hu tan-nies maturi?’—Lhud 5:13, 14.
6, 7. Kemm jistaʼ jiswielhom liż-żgħażagħ li jkollhom skeda biex jaqraw il-Bibbja kuljum?
6 Barra minn hekk, huwa imprezzabbli li jkollok skeda biex taqra l-Bibbja kuljum. Is-salmista kanta: “Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-parir tal-ħżiena, . . . imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu.” (Salm 1:1, 2) Ġożwè, is-suċċessur taʼ Mosè, ‘kien jaħseb fuq il-ktieb tal-liġi lejl u nhar.’ Dan għenu biex jaġixxi bil-għaqal u jirnexxi fit-twettiq taʼ l-inkarigu li tah Alla. (Ġożwè 1:8) Il-Mexxej tagħna, Ġesù Kristu, qal: “Hemm miktub, ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’” (Mattew 4:4) Jekk kuljum għandna bżonn nieklu fiżikament, kemm iktar għandna bżonn li nieklu spiritwalment fuq bażi regulari!
7 Taʼ 13-il sena, Nicole għarfet il-bżonn spiritwali tagħha u bdiet taqra l-Bibbja kuljum.a Issa li għandha 16-il sena, diġà qrat il-Bibbja kollha darba u diġà kważi reġgħet qrat nofsha. Il-metodu tagħha huwa sempliċi. “Jien determinata li naqra minn taʼ l-inqas kapitlu kuljum,” tgħid hi. Kif għenha l-fatt li taqra l-Bibbja kuljum? Hi twieġeb: “Illum hawn ħafna influwenzi ħżiena. Il-fidi tiegħi tkun taħt prova kuljum fl-iskola jew xi mkien ieħor. Il-qari tal-Bibbja taʼ kuljum jgħinni niftakar iktar malajr f’dawk il-kmandi u l-prinċipji tal-Bibbja li jinkuraġġuni biex nirreżisti għal dawn il-pressjonijiet. Bħala riżultat, inħossni iktar qrib taʼ Jehovah u taʼ Ġesù.”
8. X’kienet id-drawwa taʼ Ġesù fis-sinagoga, u ż-żgħażagħ kif jistgħu jimitawh?
8 Ġesù kellu d-drawwa li jismaʼ u jipparteċipa fil-qari taʼ l-Iskrittura fis-sinagoga. (Luqa 4:16; Atti 15:21) Kemm huwa taʼ benefiċċju għaż-żgħażagħ li jimxu fuq dak l-eżempju billi jattendu regolarment għal-laqgħat Kristjani, fejn isir qari u studju tal-Bibbja! Richard, li għandu 14-il sena, jgħid hekk biex jesprimi l-apprezzament tiegħu għal dawn il-laqgħat: “Il-laqgħat huma importanti ħafna għalija. Hemmhekk niġi mfakkar il-ħin kollu dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, x’inhu morali u immorali, x’kien jagħmel u x’ma kienx jagħmel Kristu. M’għandix għalfejn nitgħallem dan b’xi esperjenza qarsa.” Iva, “il-liġi . . . tal-Mulej hi sewwa, u tgħallem lil min ma jafx.” (Salm 19:8 [19:7, NW]) Nicole wkoll tagħmilha l-mira tagħha li tattendi l-ħames laqgħat tal-kongregazzjoni kull ġimgħa. Barra minn hekk, hi tqattaʼ bejn sagħtejn jew tliet sigħat tipprepara għalihom.—Efesin 5:15, 16.
9. Iż-żgħażagħ kif jistgħu jkomplu ‘jikbru fl-għerf’?
9 Iż-żgħożija hija żmien tajjeb biex wieħed jikseb għarfien eżatt dwar l-uniku Alla veru u dwar il-wieħed li hu bagħat, Ġesù Kristu. (Ġwann 17:3) Forsi taf b’xi żgħażagħ li jqattgħu ħafna ħin jaqraw il-komiks, jaraw it-televixin, jilagħbu fuq il-kompjuter, jew iqallbu fl-Internet. Għala għandek timita lil dawn meta tistaʼ timxi fuq l-eżempju perfett tal-Mexxej tagħna? Meta kien għadu tifel, kienet l-għaxqa tiegħu jitgħallem dwar Jehovah. U x’kien ir-riżultat? Minħabba l-imħabba li kellu għall-affarijiet spiritwali, “Ġesù baqaʼ jikber fl-għerf.” (Luqa 2:52) U hekk tistaʼ tagħmel int.
“Oqogħdu għal Xulxin”
10. X’se jgħin biex il-ħajja fil-familja tkun sors taʼ paċi u ferħ?
10 Id-dar tistaʼ tkun post taʼ sigurtà fejn jirrenjaw il-paċi u l-kuntentizza, jew inkella kamp tal-battalja mimli ġlied u inkwiet. (Proverbji 21:19; 26:21) Jekk naċċettaw it-tmexxija taʼ Kristu se jkollna iktar paċi u ferħ fil-familja. Fil-fatt, l-eżempju taʼ Ġesù huwa mudell fuqiex infasslu r-relazzjonijiet fil-familja. L-Iskrittura tgħid: “Oqogħdu għal xulxin fil-biżaʼ taʼ Kristu. Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej, għax ir-raġel hu ras il-mara, bħalma Kristu hu ras il-Knisja [“kongregazzjoni,” NW], is-salvatur tal-Ġisem tiegħu. . . . Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja [“kongregazzjoni,” NW] u ta ħajtu għaliha.” (Efesin 5:21-25) L-appostlu Pawlu kiteb lill-kongregazzjoni tal-Kolossin: “Intom, tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom f’kollox, għax dan hu li jogħġob lill-Mulej.”—Kolossin 3:18-20.
11. Ir-raġel kif jistaʼ juri li t-tmexxija taʼ Kristu hi reali għalih?
11 Dan il-parir ifisser li r-raġel għandu jkun il-wieħed li jmexxi l-familja tiegħu, il-mara għandha tappoġġah lealment, u t-tfal għandhom jobdu ’l-ġenituri tagħhom. Madankollu, l-istat taʼ kap tar-raġel iġib il-ferħ biss jekk jiġi użat b’mod xieraq. Raġel għaqli jrid jitgħallem kif jeżerċita l-istat taʼ kap billi jimita l-Kap u l-Mexxej tiegħu stess, Kristu Ġesù. (1 Korintin 11:3) Għalkemm Ġesù iktar tard sar il-kap fuq l-affarijiet kollha tal-kongregazzjoni, meta ġie fuq l-art, hu “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi.” (Efesin 1:22; Mattew 20:28) Bl-istess mod, raġel Kristjan jeżerċita l-istat taʼ kap tiegħu mhux għall-vantaġġi persunali, imma biex jieħu ħsieb il-bżonnijiet taʼ martu u wliedu—iva, il-familja kollha tiegħu. (1 Korintin 13:4, 5) Hu jfittex li jimita l-kwalitajiet divini tal-kap tiegħu, Ġesù Kristu. Bħal Ġesù, hu “taʼ qalb ħelwa u umli.” (Mattew 11:28-30) Ma jsibhiex bi tqila biex meta jiżbalja jgħid kliem bħal “jiddispjaċini” jew “għandek raġun.” L-eżempju mill-aħjar tiegħu jagħmilha eħfef għal martu biex tkun t’għajnuna, kompliment, u sieħba għalih, titgħallem mingħandu u taħdem id f’id miegħu.—Ġenesi 2:20; Malakija 2:14.
12. X’se jgħin lill-mara toqgħod għall-prinċipju taʼ l-istat taʼ kap?
12 Il-mara, min-naħa tagħha, trid tkun sottomessa lejn żewġha. Madankollu, jekk tiġi effettwata mill-ispirtu tad-dinja, dan jistaʼ jibda jdgħajfilha l-ħarsa tagħha lejn il-prinċipju taʼ l-istat taʼ kap, u l-idea li tkun sottomessa għar-raġel tagħha ma tibdiex togħġobha. L-Iskrittura ma tissuġġerix li r-raġel għandu jkun dominanti, imma huwa fatt li n-nisa tgħidilhom biex ikunu sottomessi lejn żwieġhom. (Efesin 5:24) Barra minn hekk, il-Bibbja żżomm lir-raġel jew il-missier responsabbli, u meta l-pariri li nsibu fiha jiġu applikati, dan iwassal għall-paċi u l-ordni fil-familja.—Filippin 2:5.
13. Ġesù liema eżempju taʼ sottomissjoni tahom lit-tfal?
13 It-tfal għandhom jobdu lill-ġenituri tagħhom. F’dan ir-rigward, Ġesù ħallilna eżempju eċċellenti. Wara dik id-darba fit-tempju, meta bħala tifel taʼ 12-il sena ntilef u damu tlett ijiem biex sabuh, Ġesù “niżel [mal-ġenituri tiegħu] u raġaʼ mar Nazaret; u kien jobdihom.” (Luqa 2:51) Is-sottomissjoni tat-tfal lejn il-ġenituri tagħhom iġġib il-paċi u l-armonija fil-familja. Meta kulħadd fil-familja joqgħod għat-tmexxija taʼ Kristu, ir-riżultat se jkun familja ferħana.
14, 15. X’se jgħinna nirnexxu meta nħabbtu wiċċna maʼ sitwazzjoni diffiċli fil-familja? Agħti eżempju.
14 Saħansitra meta jqumu sitwazzjonijiet diffiċli fil-familja, iċ-ċavetta għas-suċċess hi li nimitaw lil Ġesù u naċċettaw il-gwida tiegħu. Per eżempju, iż-żwieġ bejn Jerry, li għandu 35 sena, u Lana, omm tfajla adolexxenti, ħoloq problema li lanqas biss kienu ħolmuha qabel. Jerry jispjega: “Kont naf li biex inkun kap tajjeb ridt napplika l-istess prinċipji Bibliċi li jirnexxu f’familji oħrajn. Imma ma domtx ma skoprejt li kelli napplikahom b’iżjed għerf u dehen.” Bintu tar-rispett kienet tħares lejh bħala wieħed li daħal bejnha u bejn ommha u ħaditu fuq demm id-dars. Jerry kellu bżonn id-dehen biex jagħraf li din l-attitudni kienet qed teffettwa kulma kienet tgħid u tagħmel it-tifla. Kif ittrattaha s-sitwazzjoni? Jerry iwieġeb: “Jien u Lana qbilna li għall-ewwel tkun Lana li tieħu ħsieb id-dixxiplina, filwaqt li jien nagħmel l-almu tiegħi biex nibni relazzjoni tajba maʼ binti tar-rispett. Maż-żmien, dan ġab riżultati tajbin.”
15 Meta nħabbtu wiċċna maʼ sitwazzjonijiet diffiċli fil-familja, ikollna bżonn id-dehen biex nifhmu għala l-membri tal-familja jitkellmu u jaġixxu b’ċertu mod. Għandna bżonn ukoll l-għerf sabiex napplikaw tajjeb il-prinċipji divini. Per eżempju, Ġesù fehem ċar għala l-mara li kienet tbati bit-tnixxija tad-demm messitu, u hu ttrattaha b’għerf u b’mogħdrija. (Levitiku 15:25-27; Mark 5:30-34) L-għerf u d-dehen huma karatteristiċi tal-Mexxej tagħna. (Proverbji 8:12) Aħna nkunu ferħanin jekk naġixxu bil-mod kif kien jaġixxi hu.
‘Ibqgħu Fittxu l-Ewwel is-Saltna’
16. X’għandu jkun iċ-ċentru taʼ ħajjitna, u Ġesù kif wera dan bl-eżempju tiegħu?
16 Ġesù ma ħallielna l-ebda dubju fuqiex għandhom jiċċentraw ħajjithom dawk li jaċċettaw it-tmexxija tiegħu. Hu qal: “Fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla.” (Mattew 6:33) U bl-eżempju tiegħu, hu wriena kif nagħmlu dan. Wara li tgħammed u għamel 40 jum isum, jimmedita, u jitlob, Ġesù ġie ttantat. Satana x-Xitan offrielu l-ħakma fuq “is-saltniet kollha tad-dinja.” Immaġina l-ħajja li setaʼ kellu Ġesù kieku aċċetta l-offerta tax-Xitan! Madankollu, Kristu kien dejjem iffokat f’li jagħmel ir-rieda taʼ Missieru. Hu għaraf ukoll li ħajja bħal din fid-dinja taʼ Satana kienet se tkun għomorha qasir. Hu mill-ewwel irrifjuta l-offerta tax-Xitan, u qal: “Hemm miktub, ‘Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi.’” Ftit wara, Ġesù “beda jxandar u jgħid: ‘Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.’” (Mattew 4:2, 8-10, 17) Għall-bqija taʼ ħajtu fuq l-art, Kristu kien proklamatur full-time tas-Saltna t’Alla.
17. Kif nistgħu nuru li l-interessi tas-Saltna huma fl-ewwel post f’ħajjitna?
17 Nagħmlu tajjeb li nimitaw il-Mexxej tagħna u ma nħallux id-dinja taʼ Satana tħajjarna biex nagħmlu xi karriera li trendi ħafna flus il-mira ewlenija f’ħajjitna. (Mark 1:17-21) Xi bluha tkun jekk inħallu lilna nfusna nitħabblu fix-xibka taʼ miri dinjin u nħallu l-interessi tas-Saltna jaqgħu fit-tieni post! Ġesù fdana bix-xogħol taʼ l-ippridkar dwar is-Saltna u li nagħmlu dixxipli. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Iva, forsi għandna familja jew xi responsabbiltajiet oħrajn li rridu nieħdu ħsiebhom, iżda m’aħniex ferħanin aħna li nistgħu nwettqu r-responsabbiltà Kristjana tagħna li nippridkaw u ngħallmu fil-għaxijiet u fi tmiem il-ġimgħa? U kemm huwa inkuraġġanti li nkunu nafu li matul is-sena taʼ servizz 2001, xi 780,000 setgħu jaqdu bħala ministri full-time, jew pijunieri!
18. X’jgħinna jkollna l-ferħ fil-ministeru?
18 Ir-rakkonti taʼ l-Evanġelju jiddeskrivu lil Ġesù bħala bniedem t’azzjoni u li kellu wkoll sentimenti teneri. Meta ra l-bżonnijiet spiritwali tan-nies taʼ madwaru, hu tħassarhom u kollu ħerqan offra li jgħinhom. (Mark 6:31-34) Aħna jistaʼ jkollna l-ferħ fil-ministeru tagħna meta nieħdu sehem fih għax inkunu mqanqlin mill-imħabba għan-nies u minn xewqa sinċiera li ngħinuhom. Imma kif nistgħu niksbu xewqa bħal din? “Meta kont adolexxent,” jgħid żagħżugħ jismu Jayson, “ma tantx kont nieħu pjaċir fil-ministeru.” X’għenu jiżviluppa mħabba għal dan ix-xogħol? Jayson iwieġeb: “Il-familja tiegħi dejjem kienet tħalli s-Sibt fil-għodu għas-servizz taʼ l-għalqa. Dan kien tajjeb għalija għax iktar ma kont noħroġ fil-ministeru, iktar stajt nara kemm joħroġ ġid minnu u iktar bdejt nieħu pjaċir.” Aħna wkoll għandna nieħdu sehem fil-ministeru b’mod regulari u b’ħeġġa kbira.
19. X’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna rigward it-tmexxija taʼ Kristu?
19 Li naċċettaw it-tmexxija taʼ Kristu huwa tabilħaqq rifreskanti u premjanti. Meta nagħmlu hekk, iż-żgħożija tkun żmien biex nimxu ’l quddiem fl-għarfien u fl-għerf. Il-ħajja tal-familja tkun sors taʼ paċi u hena, u l-ministeru jkun attività li ġġib il-ferħ u s-sodisfazzjon. Ċertament, mela, ejja nkunu determinati li nuru li t-tmexxija taʼ Kristu hija reali għalina fil-ħajja tagħna taʼ kuljum u fid-deċiżjonijiet li nagħmlu. (Kolossin 3:23, 24) Iżda, Ġesù Kristu huwa l-Mexxej tagħna f’aspett ieħor—il-kongregazzjoni Kristjana. L-artiklu li jmiss se jiddiskuti kif nistgħu nibbenefikaw minn dan l-arranġament.
[Nota taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
X’Tiftakar?
• Kif nibbenefikaw jekk nimxu wara l-Mexxej maħtur t’Alla?
• Iż-żgħażagħ kif juru li jridu jimxu taħt it-tmexxija taʼ Ġesù?
• X’effett għandha t-tmexxija taʼ Kristu fil-ħajja tal-familja taʼ dawk li jissottomettu ruħhom għaliha?
• Il-ministeru tagħna kif jistaʼ juri li t-tmexxija taʼ Kristu hi reali għalina?
[Stampi f’paġna 9]
Iż-żgħożija hija żmien tajjeb biex niksbu l-għarfien dwar Alla u l-Mexxej maħtur tagħna
[Stampa f’paġna 10]
Is-sottomissjoni għat-tmexxija taʼ Kristu ġġib il-ferħ fil-familja
[Stampi f’paġna 12]
Ġesù fittex l-ewwel is-Saltna. Int hekk tagħmel?