Nibbenefikaw mill-Qalb Tajba bl-Imħabba taʼ Jehovah
“Min hu bil-għaqal . . . jifhem it-tjieba [“l-atti taʼ qalb tajba bl-imħabba,” “NW”] tal-Mulej.”—SALM 107:43.
1. Il-kelma Ebrajka għal “qalb tajba bl-imħabba” meta ntużat għall-ewwel darba fil-Bibbja, u liema mistoqsijiet se nikkunsidraw rigward din il-kwalità?
XI 4,000 sena ilu, Lot, in-neputi t’Abraham, qal dwar Jehovah: “Kbira l-ħniena [“il-qalb tajba bl-imħabba,” NW] li wrejt miegħi.” (Ġenesi 19:19) Din hija l-ewwel darba li l-kelma Ebrajka għal “qalb tajba bl-imħabba” tidher fil-Bibbja. Ġakobb, Nagħomi, David, u qaddejja oħra t’Alla wkoll tkellmu dwar din il-kwalità taʼ Jehovah. (Ġenesi 32:11 [32:10, NW]; Rut 1:8; 2 Samwel 2:6) Fil-fatt, l-espressjoni “qalb tajba bl-imħabba” tidher mal-250 darba fil-kitba oriġinali taʼ l-Iskrittura Ebrajka. Imma x’inhi l-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah? Maʼ min intweriet fil-passat? U kif nistgħu nibbenefikaw minnha llum?
2. Għala hu diffiċli li tagħti t-tifsira tal-kelma Ebrajka li qed niddiskutu dwarha, u liema għażla oħra tajba hemm għaliha?
2 Fl-Iskrittura, l-espressjoni “qalb tajba bl-imħabba” hija traduzzjoni taʼ kelma Ebrajka li tant fiha tifsir profond li l-biċċa l-kbira tal-lingwi m’għandhomx kelma waħda li tesprimi s-sens kollu bl-eżatt. B’hekk, traduzzjonijiet bħal “ħniena,” “tjieba,” u “tjubija” li jidhru f’versi meħudin mill-Bibbja Maltija f’dan l-artiklu u taʼ warajh, kif ukoll il-kliem “imħabba” u “fedeltà” ma jiġbrux it-tifsir kollu taʼ din il-kelma. Madankollu, it-traduzzjoni “qalb tajba bl-imħabba,” li tfisser ħafna iktar, hija iżjed viċin tat-tifsira eżatta tal-kelma. In-New World Translation of the Holy Scriptures—With References, fin-nota taʼ taħt għal Eżodu 15:13 u Salm 5:8 (5:7, NW) b’mod xieraq tagħti “mħabba leali” bħala għażla oħra għal kelma Ebrajka tradotta “qalb tajba bl-imħabba.”
Differenti mill-Imħabba u l-Lealtà
3. Il-qalb tajba bl-imħabba kif inhi differenti mill-imħabba?
3 Il-qalb tajba bl-imħabba, jew l-imħabba leali, għandha x’taqsam ħafna mal-kwalitajiet taʼ l-imħabba u l-lealtà. Imma hija differenti minnhom b’modi importanti. Ikkunsidra d-differenza bejn il-qalb tajba bl-imħabba u l-imħabba. L-imħabba tistaʼ tintwera lejn oġġetti jew affarijiet astratti. Il-Bibbja titkellem dwar min “iħobb l-inbid u ikel bnin” u min “iħobb l-għerf.” (Proverbji 21:17; 29:3) Imma l-qalb tajba bl-imħabba tapplika għan-nies, mhux għal affarijiet astratti jew oġġetti bla ħajja. Per eżempju, Eżodu 20:6 jitkellem dwar in-nies meta jgħid li Jehovah ‘jagħder [‘jeżerċita qalb tajba bl-imħabba,’ NW] sa l-elf nisel.’
4. Il-qalb tajba bl-imħabba kif inhi differenti mil-lealtà?
4 Il-kelma Ebrajka tradotta “qalb tajba bl-imħabba” tfisser ħafna iktar mill-kelma “lealtà.” F’xi lingwi, il-kelma “lealtà” tintuża taʼ spiss għall-attitudni li xi ħadd juri lejn min hu ogħla minnu. Imma bħalma nnotat ċerta studjuża, mil-lat Bibliku, il-qalb tajba bl-imħabba “ħafna drabi tirreferi eżattament għad-direzzjoni opposta f’relazzjoni: is-setgħan huwa leali lejn id-dgħajjef jew lejn min hu fil-bżonn jew lejn xi ħadd li jiddependi minnu.” Is-Sultan David għalhekk setaʼ jissupplika lil Jehovah: “Uri d-dawl taʼ wiċċek lill-qaddej tiegħek; fit-tjieba [“il-qalb tajba bl-imħabba,” NW] tiegħek eħlisni.” (Salm 31:17 [31:16, NW]) Jehovah, il-wieħed setgħan, qed jintalab biex juri l-qalb tajba bl-imħabba, jew l-imħabba leali, maʼ min hu fil-bżonn, David. Peress li dawk fil-bżonn m’għandhom l-ebda awtorità fuq is-setgħana, f’każ bħal dan il-qalb tajba bl-imħabba tintwera volontarjament u mhux taʼ bilfors.
5. (a) Liema karatteristiċi tal-qalb tajba bl-imħabba t’Alla jispikkaw fil-Kelma tiegħu? (b) Liema espressjonijiet tal-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah se nikkunsidraw?
5 “Min hu bil-għaqal . . . jifhem it-tjieba [“l-atti taʼ qalb tajba bl-imħabba,” NW] tal-Mulej,” qal is-salmista. (Salm 107:43) Il-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah tistaʼ tirriżulta f’ħelsien u f’li wieħed jinżamm ħaj. (Salm 6:5 [6:4, NW]; 119:88, 159) Hija protezzjoni u ingredjent essenzjali li jwassal għal serħan mill-inkwiet. (Salm 31:17, 22 [31:16, 21, NW]; 40:12 [40:11, NW]; 143:12) Minħabba din il-kwalità, huwa possibbli li wieħed jikseb il-maħfra għal dnubietu. (Salm 25:7) Billi nirrivedu ċerti rakkonti Skritturali u ninnotaw xi versi oħra mill-Bibbja, se naraw li l-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah (1) tintwera b’azzjonijiet speċifiċi u (2) tiġi esperjenzata mill-qaddejja leali tiegħu.
Il-Ħelsien—Espressjoni taʼ Qalb Tajba bl-Imħabba
6, 7. (a) Il-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah kif intweriet bil-kbir fil-każ taʼ Lot? (b) Lot meta semma l-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah?
6 Forsi l-aħjar mod biex nifhmu x’tinvolvi l-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah, hu li neżaminaw xi rakkonti Skritturali li jinvolvu din il-kwalità. F’Ġenesi 14:1-16 insibu li Lot, in-neputi t’Abraham, inqabad mill-forzi taʼ l-għadu. Imma Abraham ħeles lil Lot. Ħajjet Lot reġgħet kienet fil-periklu meta Jehovah iddeċieda li jeqred il-belt mill-agħar taʼ Sodoma, fejn kienu jgħixu Lot u l-familja tiegħu.—Ġenesi 18:20-22; 19:12, 13.
7 Eżatt qabel ma nqerdet Sodoma, l-anġli taʼ Jehovah ħarġu lil Lot u lill-familja tiegħu ’l barra mill-belt. Dakinhar, Lot qal: “Sab ħniena f’għajnejk il-qaddej tiegħek, u kbira l-ħniena [“il-qalb tajba bl-imħabba,” NW] li wrejt miegħi biex salvajtli ħajti.” (Ġenesi 19:16, 19) B’dan il-kliem Lot għaraf li Jehovah kien urieh qalb tajba bl-imħabba straordinarja billi salvah. F’dan il-każ, Alla esprima l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu billi ħelsu u żammu ħaj.—2 Pietru 2:7.
Il-Qalb Tajba bl-Imħabba taʼ Jehovah u l-Gwida Tiegħu
8, 9. (a) X’kien l-inkarigu tal-qaddej t’Abraham? (b) Il-qaddej t’Abraham għala talab għall-qalb tajba bl-imħabba t’Alla, u x’ġara waqt li kien qed jitlob?
8 F’Ġenesi kapitlu 24, naqraw dwar espressjoni oħra taʼ qalb tajba bl-imħabba, jew imħabba leali, divina. Ir-rakkont jgħid li Abraham qabbad lill-qaddej tiegħu biex imur fl-art fejn kienu joqogħdu nies Abraham u jsib mara għal ibnu Iżakk. (Versi 2-4) Dan kien inkarigu diffiċli, imma l-qaddej ġie żgurat li l-anġlu taʼ Jehovah kien se jiggwidah. (Vers 7) Wara xi żmien il-qaddej wasal ħdejn bir barra “l-belt taʼ Naħor” (Ħaran jew xi mkien fil-qrib) eżatt x’ħin in-nisa kienu ġejjin biex jimlew l-ilma. (Versi 10, 11) Malli ra n-nisa joqorbu, għaraf li kien wasal mument vitali fl-inkarigu tiegħu. Imma kif setaʼ qatt jagħżel il-mara t-tajba?
9 Il-qaddej t’Abraham kien jaf li kellu bżonn l-għajnuna t’Alla, u talab: “Mulej, Alla taʼ sidi Abraham, agħtini r-riżq illum, nitolbok, u uri t-tjieba [“il-qalb tajba bl-imħabba,” NW] maʼ sidi Abraham.” (Vers 12) Jehovah kif kien se jesprimi l-qalb tajba bl-imħabba? Il-qaddej talab għal sinjal speċifiku li bih setaʼ jagħraf iż-żagħżugħa li kien għażel Alla. (Versi 13, 14) Waħda mara għamlet eżatt bħalma kien talab lil Jehovah. Qisha kienet semgħetu jitlob! (Versi 15-20) Il-qaddej “baqaʼ jħares lejha” mibluh. Madankollu, kien għad hemm xi fatti importanti ferm li riedu jiġu determinati. Kienet din il-mara sabiħa fl-għajn tiġi minn Abraham? U kienet hi diġà miżżewġa? Għalhekk, il-qaddej baqaʼ “sieket biex jara jekk il-Mulej tahx ir-riżq fi triqtu jew le.”—Versi 16, 21.
10. Il-qaddej t’Abraham għala kkonkluda li Jehovah kien wera qalb tajba bl-imħabba maʼ sidu?
10 Ftit wara, iż-żagħżugħa qalet li kienet “bint Betwel bin Milka, li wildet lil Naħor [ħu Abraham].” (Ġenesi 11:26; 24:24) Dak il-ħin il-qaddej irrealizza li Jehovah kien wieġeb it-talba tiegħu. Hu baqaʼ impressjonat ħafna, u niżżel wiċċu fl-art u qal: “Mbierek il-Mulej, Alla taʼ Sidi Abraham, li ma warrabx it-tjieba [“il-qalb tajba bl-imħabba,” NW] u l-fedeltà tiegħu minn maʼ sidi Abraham! U lili, mexxieni l-Mulej fi triqti lejn dar ħu sidi.” (Vers 27) Billi pprovda l-gwida tiegħu, Alla wera qalb tajba bl-imħabba maʼ sid il-qaddej, Abraham.
Il-Qalb Tajba bl-Imħabba t’Alla Ġġib Serħan u Protezzjoni
11, 12. (a) Ġużeppi matul liema provi esperjenza l-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah? (b) Alla kif esprima l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu fil-każ taʼ Ġużeppi?
11 Issa ejja nikkunsidraw Ġenesi kapitlu 39. Dan jiffoka fuq it-tifel tan-neputi t’Abraham, Ġużeppi, li ġie mibjugħ bħala lsir fl-Eġittu. Minkejja dan, “il-Mulej kien maʼ Ġużeppi.” (Versi 1, 2) Fil-fatt, anki Putifar, is-sid Eġizzjan taʼ Ġużeppi, ikkonkluda li Jehovah kien maʼ Ġużeppi. (Vers 3) Madankollu, Ġużeppi ffaċċja prova serja ħafna. Hu ġie akkużat b’mod falz li attakka sesswalment lil mart Putifar u ntefaʼ l-ħabs. (Versi 7-20) Kien “f’dan il-ħabs” li “rabtulu riġlejh bil-ktajjen, dawwrulu l-ħadid maʼ għonqu.”—Ġenesi 40:15; Salm 105:18.
12 X’ġara waqt li kien għaddej minn dik il-prova tant diffiċli? “Il-Mulej kien maʼ Ġużeppi u wera tjieba [“qalb tajba bl-imħabba,” NW] miegħu.” (Vers 21a) Permezz t’att partikulari taʼ qalb tajba bl-imħabba bdew jiġru xi affarijiet li iktar tard wasslu biex Ġużeppi jistrieħ mill-inkwiet li kien għaddej minnu. Jehovah għamel li Ġużeppi “jsib grazzja f’għajnejn il-kap tal-ħabs.” (Vers 21b) Minħabba f’hekk, il-kap fada f’idejn Ġużeppi pożizzjoni taʼ responsabbiltà. (Vers 22) Wara, Ġużeppi ltaqaʼ mar-raġel li iktar tard tkellem dwaru mal-Fargħun, il-mexxej taʼ l-Eġittu. (Ġenesi 40:1-4, 9-15; 41:9-14) Imbagħad, is-sultan ta lil Ġużeppi l-pożizzjoni tat-tieni mexxej taʼ l-Eġittu, bir-riżultat li meta l-art taʼ l-Eġittu ntlaqtet mill-ġuħ Ġużeppi għamel xogħol li salva ħafna ħajjiet. (Ġenesi 41:37-55) It-tbatija taʼ Ġużeppi bdiet meta kellu 17-il sena u damet sejra għal iktar minn 12-il sena! (Ġenesi 37:2, 4; 41:46) Imma matul dawk is-snin kollha taʼ wġigħ u tbatija kbira, Alla Jehovah wera l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu maʼ Ġużeppi billi pproteġieh minn diżastru assolut u żammu ħaj biex setaʼ jkollu rwol uniku fit-twettiq taʼ l-iskop divin.
Il-Qalb Tajba bl-Imħabba t’Alla Qatt Ma Tonqos
13. (a) Liema espressjonijiet tal-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah jinsabu f’Salm 136? (b) X’inhi attwalment il-qalb tajba bl-imħabba?
13 Għal darba wara l-oħra, Jehovah esprima l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu maʼ l-Iżraelin bħala poplu. Salm 136 jirrakkonta li bil-qalb tajba bl-imħabba tiegħu, hu pprovdielhom il-ħelsien (Versi 10-15), il-gwida (Vers 16), u l-protezzjoni. (Versi 17-20) Alla wera wkoll il-qalb tajba bl-imħabba tiegħu maʼ individwi. Persuna li turi qalb tajba bl-imħabba maʼ bnedmin oħrajn tagħmel dan b’atti volontarji bl-iskop li jissodisfaw bżonn vitali. Rigward il-qalb tajba bl-imħabba, referenza Biblika tgħid: “Hija att li jippreserva jew itejjeb il-ħajja. Intervent f’isem xi ħadd li jkun qed ibati f’xi sitwazzjoni kerha jew f’xi inkwiet.” Studjuż wieħed jiddeskriviha bħala “mħabba mfissra bl-azzjoni.”
14, 15. Għala nistgħu nkunu ċerti li Lot kien qaddej approvat t’Alla?
14 Ir-rakkonti li eżaminajna f’Ġenesi juruna li Jehovah qatt ma jonqos li juri l-qalb tajba bl-imħabba maʼ dawk li jħobbuh. Lot, Abraham, u Ġużeppi għexu f’ċirkustanzi differenti u ffaċċjaw provi distinti minn xulxin. Kienu bnedmin imperfetti, imma kienu qaddejja approvati taʼ Jehovah, u kellhom bżonn l-għajnuna tiegħu. Nistgħu niksbu faraġ mill-fatt li Missierna tas-sema kollu mħabba juri l-qalb tajba bl-imħabba maʼ individwi bħal dawn.
15 Lot ħa xi deċiżjonijiet mhux għaqlin li wasslu għal tbatija. (Ġenesi 13:12, 13; 14:11, 12) Madankollu, hu wera wkoll kwalitajiet taʼ min ifaħħarhom. Meta ż-żewġ anġli t’Alla waslu f’Sodoma, Lot uriehom l-ospitalità. (Ġenesi 19:1-3) B’fidi hu wissa lill-irġiel taʼ wliedu li Sodoma kienet se tinqered fi żmien qasir. (Ġenesi 19:14) Fit-2 Pietru 2:7-9 naraw kif Alla kien iqis lil Lot. Hemmhekk naqraw: “[Jehovah] ħeles biss lil Lot, raġel ġust, mifni kif kien ħtija taʼ l-imġiba bla rażan tal-ħżiena—għax dan ir-raġel ġust, waqt li kien jgħix magħhom, b’dak li kien jara u jismaʼ minn jum għal ieħor, kien iħoss qalbu tingħafas quddiem l-imġiba ħażina tagħhom; jaf mela l-Mulej jeħles it-tajbin [“lin-nies taʼ devozzjoni lejn Alla,” NW] mit-tiġrib.” Iva, Lot kien raġel ġust, u l-mod kif inhu mqiegħed il-kliem hawnhekk jimplika li kellu devozzjoni lejn Alla. Bħalu, aħna ngawdu l-qalb tajba bl-imħabba t’Alla hekk kif ngħixu ħajja “qaddisa u tajba [“taʼ devozzjoni lejn Alla,” NW].”—2 Pietru 3:11, 12.
16. Il-Bibbja b’liema mod favorevoli titkellem dwar Abraham u Ġużeppi?
16 Ir-rakkont f’Ġenesi kapitlu 24 ma jħalli l-ebda dubju dwar ir-rabta t’Abraham maʼ Jehovah. L-ewwel vers jgħid li “l-Mulej kien bierku f’kollox.” Il-qaddej t’Abraham sejjaħ lil Jehovah “Alla taʼ sidi Abraham.” (Versi 12, 27) U d-dixxiplu Ġakbu jgħid li Abraham ġie dikjarat ġust u “msejjaħ ħabib taʼ Alla.” (Ġakbu 2:21-23) L-istess ħaġa nistgħu ngħidu għal Ġużeppi. Ir-relazzjoni mill-qrib bejn Jehovah u Ġużeppi hija enfasizzata f’Ġenesi kapitlu 39. (Versi 2, 3, 21, 23) Iżjed minn hekk, id-dixxiplu Stiefnu qal rigward Ġużeppi: “Alla kien miegħu.”—Atti 7:9.
17. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempji taʼ Lot, Abraham, u Ġużeppi?
17 L-uħud li esperjenzaw il-qalb tajba bl-imħabba divina u li għadna kemm ikkunsidrajna kienu individwi li kellhom relazzjoni tajba m’Alla Jehovah u li qdew l-iskop divin b’ċerti modi. Iffaċċjaw ostakli li ma setgħux jegħlbuhom waħedhom. F’riskju kien hemm il-ħajja taʼ Lot, il-linja tal-familja t’Abraham li riedet titkompla, u l-irwol taʼ Ġużeppi li ried jiġi mħares. Jehovah biss setaʼ jissodisfa l-bżonnijiet taʼ dawn l-irġiel devoti, u hu għamel preċiż dan billi interviena b’atti taʼ qalb tajba bl-imħabba. Jekk irridu nesperjenzaw il-qalb tajba bl-imħabba t’Alla Jehovah għal dejjem, aħna wkoll għandna jkollna relazzjoni persunali mill-qrib miegħu, u għandna nkomplu nagħmlu r-rieda tiegħu.—Esdra 7:28; Salm 18:51 (18:50, NW).
Il-Qaddejja t’Alla Għandhom il-Favur Tiegħu
18. X’jindikaw diversi versi fil-Bibbja dwar il-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah?
18 Il-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah ‘imliet l-art,’ u kemm napprezzawha din il-kwalità t’Alla! (Salm 119:64) Aħna b’qalbna kollha nwieġbu għar-ritornell tas-salmista: “Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu [“il-qalb tajba bl-imħabba,” NW], għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.” (Salm 107:8, 15, 21, 31) Aħna nifirħu li Jehovah jestendi l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu lejn il-qaddejja approvati tiegħu—sew bħala individwi u sew bħala grupp. Fit-talba tiegħu, il-profeta Danjel indirizza lil Jehovah bħala “Alla l-kbir u tal-biżaʼ, li jżomm il-patt [“u l-qalb tajba bl-imħabba,” NW] maʼ dawk li jħobbuh u jħarsu l-kmandamenti tiegħu.” (Danjel 9:4) Is-Sultan David talab: “Żomm it-tjieba [“il-qalb tajba bl-imħabba,” NW] tiegħek maʼ min jagħrfek.” (Salm 36:11 [36:10, NW]) Kemm aħna grati li Jehovah jesprimi l-qalb tajba bl-imħabba mal-qaddejja tiegħu!—1 Slaten 8:23; 1 Kronaki 17:13.
19. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
19 Tassew, aħna favoriti bħala l-poplu taʼ Jehovah! Minbarra li nibbenefikaw mill-imħabba li Alla wera maʼ l-umanità b’mod ġenerali, aħna ngawdu barkiet speċjali li jirriżultaw mill-qalb tajba bl-imħabba, jew l-imħabba leali, taʼ Missierna tas-sema. (Ġwann 3:16) Aħna nibbenefikaw minn din il-kwalità prezzjuża taʼ Jehovah speċjalment meta nkunu għaddejjin minn żmien taʼ bżonn. (Salm 36:8 [36:7, NW]) Imma kif nistgħu nimitaw il-qalb tajba bl-imħabba t’Alla Jehovah? Qegħdin nuru individwalment din il-kwalità taʼ l-għaġeb? Dawn il-mistoqsijiet u oħrajn li għandhom x’jaqsmu magħhom se jiġu kunsidrati fl-artiklu li jmiss.
Tiftakar Int?
• X’inhi għażla oħra Skritturali għall-espressjoni “qalb tajba bl-imħabba”?
• Il-qalb tajba bl-imħabba kif inhi differenti mill-imħabba u l-lealtà?
• Jehovah b’liema modi wera l-qalb tajba bl-imħabba maʼ Lot, Abraham, u Ġużeppi?
• Liema assiguranza nistgħu nieħdu mill-mod kif Jehovah esprima l-qalb tajba bl-imħabba fil-passat?
[Stampa f’paġna 13]
Taf kif Alla wera qalb tajba bl-imħabba maʼ Lot?
[Stampi f’paġna 15]
Bil-qalb tajba bl-imħabba tiegħu, Jehovah iggwida lill-qaddej t’Abraham
[Stampi f’paġna 16]
Jehovah esprima l-qalb tajba bl-imħabba billi pproteġa lil Ġużeppi