Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Huwa għaqli li Kristjan veru jattendi funeral jew tieġ fil-knisja?
Jehovah ma jiħux gost li aħna nieħdu sehem fi kwalunkwe tip taʼ reliġjon falza, u dan irid jiġi evitat. (2 Korintin 6:14-17; Apokalissi 18:4) Funeral fil-knisja huwa ċerimonja reliġjuża li x’aktarx tinvolvi priedka b’ideat mhux skritturali bħalma huma l-immortalità tar-ruħ u l-premju fis-sema għan-nies tajbin kollha. Jistaʼ jinkludi wkoll prattiċi bħal li wieħed irodd is-salib u jitlob mal-qassis. It-talb u xi drawwiet reliġjużi oħra li jmorru kontra t-tagħlim tal-Bibbja jistgħu wkoll ikunu parti minn ċerimonja reliġjuża taʼ tieġ li ssir fil-knisja jew xi mkien ieħor. Peress li jkun imdawwar minn nies li lkoll ikunu qed jieħdu sehem f’att reliġjuż falz, il-Kristjan forsi jsibha diffiċli li jiflaħ għall-pressjoni biex jieħu sehem hu wkoll. Kemm ma jkunx għaqli li wieħed jesponi ruħu għal pressjoni bħal din!
Xi ngħidu jekk Kristjan iħossu obbligat li jattendi funeral jew tieġ fil-knisja? Per eżempju, raġel li m’huwiex Xhud jistaʼ jħeġġeġ lil martu li hija Kristjana biex tmur miegħu f’okkażjoni bħal din. Tistaʼ tmur u toqgħod tosserva biss mingħajr ma tieħu sehem? Biex tirrispetta x-xewqat taʼ żewġha, il-mara forsi tiddeċiedi li tmur miegħu, u tkun determinata li ma tieħu sehem f’ebda ċerimonja reliġjuża. Mill-banda l-oħra, forsi tiddeċiedi li ma tmurx, għax tirraġuna li f’dawn iċ-ċirkustanzi tistaʼ ma tkunx tiflaħ għall-pressjoni emozzjonali, u din forsi tistaʼ ġġagħalha tikkomprometti xi prinċipju divin. Id-deċiżjoni hi trid tiħodha. Hi ċertament trid tkun konvinta li d-deċiżjoni li tieħu tkun il-waħda t-tajba, u b’hekk ikollha kuxjenza nadifa.—1 Timotju 1:19.
Tagħmel x’tagħmel, ikun aħjar għaliha jekk tispjega lil żewġha li l-kuxjenza tagħha ma tħallihiex tieħu sehem fi kwalunkwe ċerimonja reliġjuża jew tkanta magħhom jew tbaxxi rasha meta jingħad xi talb. B’dan f’moħħu, żewġha jistaʼ forsi jikkonkludi li l-preżenza tagħha għandha mnejn toħloq sitwazzjoni li tistaʼ tkun imbarazzanti għalih. Jistaʼ forsi jagħżel li jmur waħdu għax ikun iħobb lil martu u jirrispetta t-twemmin tagħha, jew inkella għaliex ma jixtieqx li jimbarazza ruħu. Imma jekk jinsisti li hi għandha tmur miegħu, tistaʼ tmur u sempliċement toqgħod tosserva biss mingħajr ma tieħu sehem.
Ma rridux ninsew ukoll l-effett li jistaʼ jkollu fuq sħabna l-Kristjani l-fatt li nattendu xi ċerimonja f’bini reliġjuż. Jistaʼ dan iweġġaʼ l-kuxjenza taʼ xi ħadd minnhom? Jistaʼ dan idgħajjef ir-reżistenza tagħhom biex jevitaw li jieħdu sehem fl-idolatrija? ‘Kunu żguri mill-affarijiet iktar importanti,’ wissa l-appostlu Pawlu, ‘sabiex tistgħu tkunu bla difett u ma tkunux qegħdin tfixklu lil oħrajn sa jum Kristu.’—Filippin 1:10, NW.
Jekk l-okkażjoni tkun tinvolvi lil xi ħadd li jkun jiġi mill-Kristjan mill-qrib, jistaʼ jkun hemm pressjonijiet oħra mill-familja. Fi kwalunkwe sitwazzjoni, il-Kristjan irid jiżen sew il-fatturi kollha involuti. F’ċerti ċirkustanzi l-individwu involut għandu mnejn jikkonkludi li ma se jkun hemm ebda diffikultà jekk jattendi għall-funeral jew tieġ fil-knisja, basta ma jiħux sehem. Madankollu, jistaʼ jiġri li billi jattendi jkun hemm ċans li jweġġaʼ l-kuxjenza tiegħu jew dik t’oħrajn, u dan se jirriżulta f’iktar deni milli ġid. Tkun xi tkun is-sitwazzjoni, il-Kristjan għandu jaċċerta ruħu li bid-deċiżjoni li jieħu se jibqaʼ jżomm kuxjenza tajba quddiem Alla u l-bnedmin.