LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 6/1 pp. 24-28
  • Premjat Talli Wrejt Devozzjoni Lejn Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Premjat Talli Wrejt Devozzjoni Lejn Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kuntatt maʼ Diversi Reliġjonijiet
  • Inbiddel ir-​Reliġjon
  • Il-​Konsegwenzi tal-​Bidla Tiegħi
  • Irrabbu t-​Tfal fil-​Mogħdijiet t’Alla
  • Premjat għad-​Devozzjoni Lejn Alla
  • Kien taʼ Sfida u taʼ Ferħ li Rrabbi Tmint Itfal fil-Mogħdijiet taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Il-Kuntentizza minn Alla Sostnietni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Minn Xogħol fl-Armamenti għal Xogħol li Jsalva l-Ħajjiet
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Familji Kbar Magħqudin fis-Servizz taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 6/1 pp. 24-28

Bijografija

Premjat Talli Wrejt Devozzjoni Lejn Alla

KIF RAKKONTATA MINN WILLIAM AIHINORIA

Qomt f’nofs taʼ lejl minħabba li missieri beda jokrob bħalma kien jagħmel taʼ sikwit. Kien qed jitkagħweġ maʼ l-​art iżomm żaqqu. Ommi, oħti l-​kbira, u jien tgezzizna madwaru. Meta l-​uġigħ deher li kien qed jonqos, qam bil-​qiegħda, tniehed, u qal: “Ix-​Xhieda taʼ Jehovah biss għandhom il-​paċi fuq din l-​art.” Din l-​istqarrija ħawditni, iżda ħalliet effett profond fuqi għax qatt qabel ma kont smajt bix-​Xhieda taʼ Jehovah. Kont nitħasseb dwar x’ried jgħid biha.

DAN l-​inċident seħħ fl-​1953 meta kelli sitt snin. Missieri kien poligamu u konna noqogħdu f’Ewossa, raħal agrikolu fil-​punent nofsani tan-​Niġerja. Kont it-​tieni wild, iżda l-​ewwel iben ġewwa familja li maż-​żmien saret tinkludi t-​3 nisa taʼ missieri u t-​13-il tifel u tifla. Konna ngħixu man-​nannu, f’erbaʼ kmamar magħmulin mit-​tajn u b’saqaf tat-​tiben. Fid-​dar kienu joqogħdu wkoll in-​nanna u t-​tliet aħwa rġiel taʼ missieri, flimkien mal-​familji tagħhom.

Tfuliti kienet mimlija dwejjaq. Raġuni partikulari għal dan kienet is-​saħħa batuta taʼ missieri. Kien ibati b’uġigħ kroniku taʼ l-​istonku li baqaʼ bih sakemm miet ħafna snin wara. Għall-​marda tiegħu ma sab l-​ebda serħan fil-​kura medika li setgħet taffordja familja Afrikana tal-​kampanja—sew jekk kienet kura bbażata fuq il-​ħxejjex u sew jekk kienet kura tradizzjonali. Qattajna ħafna ljieli nibku ħdejn missieri hekk kif hu kien jitkagħweġ maʼ l-​art bl-​uġigħ sakemm kien jidden is-​serduq l-​għada fil-​għodu. Biex ifittex kura għall-​marda li kellu, kien spiss jivvjaġġa maʼ ommi, filwaqt li jħalli lili u lil ħuti man-​nanna biex tieħu ħsiebna.

Bħala familja konna ngħixu billi nikkultivaw u nbigħu l-​jam (tip taʼ patata ħelwa), il-​kassava, u ż-​żerriegħa tal-​kola. Xi kultant konna wkoll niġimgħu l-​gomma biex jgħinna nżidu ftit mad-​dħul miżeru tagħna. L-​ikel bażiku tagħna kien il-​jam. Konna nieklu l-​jam fil-​għodu, ngħaffġuh wara nofsinhar, u nerġgħu nieklu l-​jam fil-​għaxija. Xi kultant, kien ikollna xi ħaġa differenti meta konna nieklu banana mixwija.

Il-qima lill-​antenati kienet parti importanti minn ħajjitna. Il-​familja kienet toffri l-​ikel lil bsaten bl-​arzell imwaħħal magħhom. Missieri kien ukoll iqim idolu biex iżomm ’il bogħod l-​ispirti ħżiena u s-​sħaħar.

Meta kelli ħames snin, tlaqna mir-​raħal tagħna u morna għal xi żmien f’post fejn stajna nagħmlu xi xogħol tal-​biedja madwar 11-il kilometru ’l bogħod. Hemmhekk missieri marad bil-​guinea worm. Din il-​marda kompliet iżżidlu l-​uġigħ li kien iħoss f’żaqqu. Ma setax jaħdem matul il-​ġurnata, u l-​uġigħ f’żaqqu kien jifnih lejl u nhar. Jien imradt bis-​sandflea, tip taʼ tifu. Minħabba f’dan, spiċċajna ngħixu bil-​karità li kienu jagħtuna l-​kumplament tal-​familja. Biex ma mmutux bl-​għaks, erġajna lura lejn ir-​raħal taʼ Ewossa. Missieri ried li jien, l-​ewwel iben tiegħu, inkun iktar minn sempliċi bidwi li bilkemm ilaħħaq mal-​ħajja. Kien iħoss li b’edukazzjoni tajba stajt intejjeb il-​livell taʼ l-​għajxien tal-​familja u tgħinni rrabbi lil ħuti.

Kuntatt maʼ Diversi Reliġjonijiet

Lura fil-​villaġġ tagħna, stajt nibda t-​taħriġ tiegħi fl-​iskola. Dan ġabni f’kuntatt mar-​reliġjonijiet tal-​Kristjaneżmu. Fis-​snin 50, l-​edukazzjoni kienet marbuta ħafna mar-​reliġjon tal-​Punent tas-​sidien kolonjali. Il-​fatt li kont nattendi skola primarja Kattolika kien ifisser li kelli nkun Kattoliku Ruman.

Fl-1966, is-​sena li għalaqt 19-il sena, ġejt aċċettat fl-​Iskola Sekondarja tal-​Pellegrini Battisti fir-​raħal taʼ Ewohinmi, xi 8 kilometri ’l bogħod minn Ewossa. Hemmhekk l-​edukazzjoni reliġjuża tiegħi nbidlet. Peress li issa kont qed immur fi skola Protestanta, il-​qassisin Kattoliċi ma ħallewniex nieħu sehem fil-​quddiesa tal-​Ħadd.

Kien fiż-​żmien li qattajt fl-​iskola Battista li ġejt f’kuntatt mal-​Bibbja għall-​ewwel darba. Għalkemm bqajt nattendi l-​knisja Kattolika, kont naqra l-​Bibbja waħdi kull nhar taʼ Ħadd wara l-​quddiesa fil-​knisja Kattolika. It-​tagħlim taʼ Ġesù Kristu affaxxinani, u qanqal fija xewqa li ngħix ħajja sinifikanti taʼ devozzjoni lejn Alla. Iktar ma kont naqra l-​Bibbja, iktar kont inħossni diżgustat bl-​ipokrisija taʼ xi wħud mill-​mexxejja reliġjużi u bl-​istil taʼ ħajja taʼ ħafna mil-​lajċi. L-​affarijiet li rajt fost dawk li jistqarru li huma Kristjani tant kienu differenti minn dak li għallmu u għamlu Ġesù u d-​dixxipli tiegħu.

Kien hemm ċerti inċidenti partikulari li ħasduni. Darba waħda, meta mort f’ħanut li jbigħ l-​affarijiet reliġjużi biex nixtri kuruna tar-​rużarju, rajt amulet kontra s-​seħer imdendel mal-​koxxa tal-​bieb. Darb’oħra, il-​kap taʼ l-​iskola Battista pprova jabbuża minni sesswalment. Wara sirt naf li kien omosesswali u li kien abbuża minn oħrajn. Kont noqgħod naħseb fil-​fond dwar dawn l-​affarijiet, u kont ngħid bejni u bejn ruħi, ‘Imma Alla japprovahom ir-​reliġjonijiet li l-​membri tagħhom u anki dawk li jmexxuhom ma jħallsux għad-​dnubiet gravi li jagħmlu?’

Inbiddel ir-​Reliġjon

Xorta waħda, kien jogħġobni ħafna dak li kont naqra mill-​Bibbja, u għalhekk iddeċidejt li nkompli naqraha. Kien f’dak iż-​żmien li bdejt naħseb fil-​fond dwar il-​kumment taʼ missieri xi 15-il sena qabel: “Ix-​Xhieda taʼ Jehovah biss għandhom il-​paċi fuq din l-​art.” Iżda kont nibżaʼ għaliex ix-​Xhieda żgħażagħ fl-​iskola kienu jiġu ridikolati u xi kultant anki kastigati talli ma kinux jingħaqdu magħna fl-​attivitajiet reliġjużi li kien ikollna fil-​għodu. U xi ftit mit-​twemmin tagħhom kien jidher stramb. Per eżempju, kont insibha diffiċli biex nemmen li 144,000 biss kienu se jmorru fis-​sema. (Apokalissi 14:3) Peress li xtaqt immur fis-​sema, kont naħseb ħafna dwar jekk dan in-​numru kienx diġà komplet qabel ma twelidt.

Kien jidher ċar li x-​Xhieda kienu differenti fil-​kondotta u l-​attitudni tagħhom. Ma kinux jieħdu sehem fl-​attivitajiet immorali u vjolenti taż-​żgħażagħ l-​oħra fl-​iskola. Għalija, huma kienu verament separati mid-​dinja, bħalma kont qrajt fil-​Bibbja li għandhom ikunu dawk li jipprattikaw ir-​reliġjon vera.—Ġwann 17:​14-16; Ġakbu 1:27.

Iddeċidejt li nfittex biex insir naf iktar. F’Settembru taʼ l-​1969, irnexxieli nikseb il-​ktieb “Il-​Verità li Twassal għal Ħajja Eterna.” Ix-​xahar taʼ wara, wieħed pijunier, kif jissejjaħ evanġelizzatur full-time tax-​Xhieda taʼ Jehovah, beda jistudja l-​Bibbja miegħi. Imqanqal mill-​ewwel studju tiegħi, bdejt naqra l-​ktieb tal-​Verità s-​Sibt fil-​għaxija u spiċċajtu sa wara nofsinhar il-​jum taʼ wara. Mill-​ewwel bdejt nitkellem maʼ l-​istudenti sħabi dwar l-​affarijiet meraviljużi li kont qrajt. L-​istudenti u l-​għalliema ħasbu li l-​fidi l-​ġdida tiegħi kienet qed iġġenninni. Iżda jien kont naf li ma kontx qed niġġennen.—Atti 26:24.

L-aħbar li qed nippriedka reliġjon ġdida twasslet lill-​ġenituri tiegħi. Talbuni mmur lura d-​dar mill-​iktar fis possibbli ħalli jaraw eżatt x’kienet il-​problema li kelli. Ma kien hemm ħadd għand min immur għall-​parir, għax ix-​Xhieda kollha kienu marru għal konvenzjoni distrettwali f’Ilesha. Meta mort lura d-​dar, ommi u xi qraba oħrajn ibbombardjawni bil-​mistoqsijiet u bil-​kritika. Ipprovajt nagħmel l-​aħjar li nistaʼ biex niddefendi dak li kont qed nitgħallem mill-​Bibbja.—1 Pietru 3:​15, 16a.

Wara li pprova jurini mingħajr suċċess li x-​Xhieda taʼ Jehovah kienu għalliema foloz, iz-​ziju tiegħi pprova jdawwarni b’tattika differenti. Qalli bi kliem sinċier: “Ftakar li int mort l-​iskola biex tkompli tistudja. Jekk tħalli l-​istudji tiegħek biex tmur tippriedka, qatt ma se tispiċċahom. Allura għax ma tistenniex sakemm tispiċċa l-​iskola, qabel ma tingħaqad maʼ din ir-​reliġjon il-​ġdida?” Dak il-​ħin dan kien jidher li jagħmel sens, u allura waqaft nistudja max-​Xhieda.

F’Diċembru taʼ l-​1970, eżatt wara li ggradwajt, mort dritt fis-​Sala tas-​Saltna, u ilni nattendi l-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Jehovah minn dak in-​nhar ’l hawn. Fit-​30 t’Awissu, 1971, tgħammidt bħala simbolu tad-​dedikazzjoni tiegħi ’l Alla. Dan inkwieta mhux biss lill-​familja tiegħi iżda wkoll lill-​komunità kollha. Qalu li kont iddiżappuntajthom minħabba li jien kont l-​ewwel wieħed minn Ewossa jew dawk l-​inħawi li ngħatajt borża taʼ studju mill-​gvern. Ħafna kienu dawk li bdew jistennew affarijiet kbar minni. Kienu qed jittamaw li nuża l-​edukazzjoni tiegħi biex intejjeb il-​komunità.

Il-​Konsegwenzi tal-​Bidla Tiegħi

Il-​familja tiegħi u l-​irġiel xjuħ fil-​komunità bagħtu delegazzjoni ħalli jipprovaw jikkonvinċuni niċħad il-​fidi tiegħi. Sabiex jipperswaduni pprovaw anki jisħtuni. “Jekk ma titlaqx din ir-​reliġjon,” qaluli, “il-​futur tiegħek misħut. M’intix se ssib xogħol. M’intix se tibni dar għalik. Mhux se tkun tistaʼ tiżżewweġ u trabbi familja.”

Kuntrarju għat-​teħbir tagħhom kollu theddid, għaxar xhur wara li spiċċajt l-​iskola, sibt xogħol bħala għalliem. F’Ottubru taʼ l-​1972, iżżewwiġt lill-​għażiża marti, Veronica. Iktar tard, ngħatajt taħriġ mill-​gvern bħala aġent biex ngħin lill-​bdiewa jifformaw kooperattivi u jorganizzaw ruħhom finanzjarjament. Xtrajt l-​ewwel karozza tiegħi, u bdejt nibni d-​dar tagħna. Fil-​5 taʼ Novembru, 1973, twieldet l-​ewwel tifla tagħna, Victory, u fis-​snin taʼ wara kellna lil Lydia, lil Wilfred, u lil Joan. Fl-​1986 twildilna l-​aħħar tifel, Micah. Kollha wrewna li huma tfal prezzjużi, wirt mingħand Jehovah.—Salm 127:3.

Meta nħares lura, nistaʼ ngħid li s-​saħtiet li xtaqitli l-​komunità kollha nbidlu f’barkiet. Għalhekk semmejt l-​ewwel tifla tiegħi Victory. Dan l-​aħħar, in-​nies tal-​komunità kitbuli u qaluli: “Jekk jogħġbok, irriduk tiġi lura d-​dar u tieħu sehem fl-​iżvilupp tal-​komunità, issa li Alla qed ibierkek.”

Irrabbu t-​Tfal fil-​Mogħdijiet t’Alla

Jien u l-​mara konna nafu li ma stajniex inħalltu r-​responsabbiltà mogħtija minn Alla taʼ li rrabbu lil uliedna mal-​ġiri wara r-​rikkezzi materjali. Għalhekk, tgħallimna kif inkunu kuntenti b’ħajja sempliċi. Nippreferu ngħixu b’dan il-​mod minflok ma noqogħdu nbatu l-​konsegwenzi li jistaʼ jġib miegħu stil taʼ ħajja differenti.

Fil-parti tad-​dinja fejn noqogħdu, hija xi ħaġa komuni li dar waħda tkun maqsuma bejn diversi familji, fejn ilkoll jużaw l-​istess kamra tal-​banju, kċina, u dak kollu li jkun hemm. Min-​naħa tagħna, konna kuntenti li nikru post privat u li jkollu l-​bżonnijiet kollha, fi kwalunkwe post fejn kont nintbagħat bħala ħaddiem tal-​gvern. Veru, postijiet bħal dawn kienu jiswew iktar, iżda dan għenna biex it-​tfal ikollhom inqas kuntatt maʼ influwenzi li jagħmlulhom il-​ħsara. Nirringrazzja lil Jehovah li matul is-​snin, stajna rrabbu lil uliedna f’ambjent b’saħħtu spiritwalment.

Barra minn hekk, il-​mara baqgħet id-​dar sabiex trabbi lit-​tfal u tqattaʼ l-​ħin magħhom. Meta nispiċċa mix-​xogħol, nistinkaw biex nipprovaw nagħmlu l-​affarijiet flimkien bħala familja. Dak kollu li nagħmlu, nagħmluh bħala tim. Dan jinkludi l-​istudju tal-​Bibbja bħala familja, il-​preparazzjoni u l-​attendenza għal-​laqgħat, il-​parteċipazzjoni fil-​ministeru Kristjan, kif ukoll li nieħdu sehem f’attivitajiet soċjali.

Ipprovajna nimxu mal-​parir taʼ Dewteronomju 6:​6, 7, li jħeġġeġ lill-​ġenituri biex jgħallmu lit-​tfal mhux biss meta jkunu d-​dar iżda f’kull opportunità. Dan wassal biex uliedna jfittxu ħbiberiji fost ix-​Xhieda minflok fid-​dinja. Mill-​eżempju tagħna tgħallmu joqogħdu b’sebaʼ għajnejn maʼ min jagħmluha għaliex jien u Veronica ma nqattgħux ħin iktar milli jmissna maʼ dawk li m’humiex taʼ l-​istess twemmin.—Proverbji 13:20; 1 Korintin 15:33.

M’għandniex xi ngħidu, il-​gwida u t-​tagħlim tagħna ma kinux l-​uniċi effetti pożittivi fil-​ħajjiet taʼ wliedna. Darna minn dejjem kienet u għadha miftuħa għall-​Kristjani żelużi, li ħafna minnhom huma ministri li jivvjaġġaw tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Il-​ħin li dawn il-​Kristjani maturi qattgħu mal-​familja tagħna ta lil uliedna l-​opportunità li josservaw u jitgħallmu mill-​mod taʼ ħajja tagħhom mimli sagrifiċċji persunali. Dan saħħaħ it-​tagħlim tagħna, u t-​tfal għamlu l-​verità parti minn ħajjithom.

Premjat għad-​Devozzjoni Lejn Alla

Illum jien u marti, flimkien maʼ erbgħa minn uliedna, qed naqdu fis-​servizz full-time. Bdejt naqdi bħala pijunier fl-​1973. Matul is-​snin, xi kultant kelli nieqaf mill-​ministeru full-time minħabba ċirkustanzi ekonomiċi. Ukoll, xi drabi kelli l-​privileġġ li nieħu sehem fl-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna, li tipprovdi taħriġ għall-​indokraturi Kristjani tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Bħalissa qed ingawdi l-​privileġġ li naqdi fil-​Kumitat tal-​Koordinazzjoni maʼ l-​Isptarijiet, u wkoll li nkun l-​indokratur tal-​belt taʼ Uhonmora.

Iż-żewġt itfal il-​kbar, Victory u Lydia, iżżewġu żewġ anzjani Kristjani mill-​aħjar u għandhom żwieġ hieni. Flimkien maʼ żwieġhom qed jaqdu bħala membri taʼ l-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Igieduma, in-​Niġerja. It-​tifel il-​kbir, Wilfred, jaqdi bħala qaddej ministerjali, u l-​iżgħar wieħed, Micah, kultant jaqdi bħala pijunier awżiljarju. Fl-​1997, Joan spiċċat l-​edukazzjoni sekondarja tagħha u bdiet taqdi fis-​servizz bħala pijuniera regulari.

Waħda mill-​iktar esperjenzi premjanti li kelli f’ħajti kienet li ngħin lil oħrajn jaqdu lil Alla Jehovah. Uħud minnhom kienu membri tal-​familja kbira tiegħi. Missieri pprova jaqdi lil Jehovah, iżda peress li kien poligamu żamm lura. Miż-​żgħożija tiegħi ’l quddiem, dejjem ħabbejt lin-​nies. Meta nara lil oħrajn isofru, inħoss li l-​problemi tiegħi m’humiex daqshekk importanti. Naħseb li huma jindunaw li nixtieq ngħinhom sinċerament, u għalhekk iħossuhom iktar komdi jitkellmu miegħi.

Wieħed minn dawk li għent jieħdu l-​għarfien dwar l-​iskopijiet t’Alla kien żagħżugħ li ma setax iqum mis-​sodda. Kien jaħdem maʼ kumpanija taʼ l-​elettriku, fejn ħa xokk qawwi li ħallieh paralizzat mill-​qadd ’l isfel. Hu aċċetta li jibda studju tal-​Bibbja u bil-​mod il-​mod beda jirreaġixxi għal dak li tgħallem. L-​ewwel darba li ħareġ minn soddtu kien fl-​14 t’Ottubru, 1995, meta tgħammed fi xmara ħdejn id-​dar tagħna. Kien ilu 15-il sena ma joħroġ. Qal li kien l-​isbaħ jum taʼ ħajtu. Issa qed jaqdi bħala qaddej ministerjali fil-​kongregazzjoni.

Irrid ngħid li xejn ma jiddispjaċini talli xi 30 sena ilu għażilt li naqdi lil Jehovah flimkien man-​nies magħqudin u dedikati tiegħu. Fosthom rajt l-​imħabba vera fl-​azzjoni. Anki li kieku t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem ma kinitx inkluża fil-​premju li Jehovah se jagħti lil dawk li jaqduh lealment, xorta waħda kont nixtieq li ngħix ħajja taʼ devozzjoni lejn Alla. (1 Timotju 6:​6, NW; Lhud 11:6) Din għenitni nfassal ħajti fis-​sod, u ġabet il-​ferħ, is-​sodisfazzjon u l-​kuntentizza kemm lili kif ukoll lill-​familja tiegħi.

[Stampa f’paġna 25]

Maʼ marti u wliedi fl-​1990

[Stampa f’paġna 26]

Maʼ marti u wliedi u tnejn mill-​irġiel tat-​tfal

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja