Bijografija
Il-Kuntentizza minn Alla Sostnietni
KIF RAKKONTATA MINN BENJAMIN IKECHUKWU OSUEKE
Ftit wara li bdejt nieħu sehem bis-sħiħ fil-ministeru Kristjan, mort inżur id-dar tal-ġenituri tiegħi. Malli rani, missieri ħatafni mill-qmis u beda jgħajjat, “Ħalliel!” Qabad ix-xablott tiegħu u tahieli bin-naħa ċ-ċatta. Minħabba l-istorbju li semgħu, nies oħra mir-raħal inġabru d-dar tagħna. X’kont sraqt? Ħalli nispjega.
JIEN kont l-ewwel wieħed minn sebaʼ wlied u twilidt fl-1930, fil-villaġġ t’Umuariam fix-xlokk tan-Niġerja. L-akbar waħda minn ħuti l-bniet mietet taʼ 13-il sena. Il-ġenituri tiegħi kienu Anglikani. Missieri kien bidwi, u ommi kellha negozju żgħir. Hi kienet timxi xi 30 kilometru mir-raħal tagħna sas-swieq lokali, tixtri landa żejt tal-palm u tiġi lura tard fl-istess jum. Imbagħad, kmieni l-għada fil-għodu, kienet terħilha bil-mixi lejn belt bi stazzjon tal-ferrovija xi 40 kilometru ’l bogħod biex tbigħ iż-żejt. Jekk kienet tagħmel xi qligħ, ġeneralment mhux iktar minn 6 ċenteżmi, hi kienet tixtri l-ikel għall-familja u tiġi lura dakinhar stess. Din kienet ir-rutina tagħha għal madwar 15-il sena sakemm mietet fl-1950.
Jien bdejt nieħu l-edukazzjoni tiegħi fi skola mmexxija mill-Knisja Anglikana, imma biex nispiċċa l-iskola elementari, kelli ngħix f’alloġġ xi 35 kilometru ’l bogħod mid-dar. Peress li l-ġenituri tiegħi ma kellhomx flus biex jgħinuni nkompli l-iskola, bdejt infittex xogħol. Għall-ewwel bdejt naħdem bħala qaddej fid-dar taʼ wieħed gwardjan mar-rotta tal-ferrovija f’Lagos, fil-punent tan-Niġerja, u mbagħad ħdimt maʼ impjegat tal-gvern f’Kaduna, fit-tramuntana tan-Niġerja. Fil-Belt taʼ Benin, fil-punent nofsani tan-Niġerja, ħdimt bħala skrivan m’avukat, u iktar tard bħala ħaddiem f’impjant taʼ l-isserrar. Minn hemm, ivvjaġġajt lejn il-Kamerun fl-1953 biex ngħix maʼ kuġin li għenni nsib xogħol f’masġar tas-siġar tal-gomma. Kull xahar kont naqlaʼ xi Lm3.90ċ. Kelli biss xogħlijiet umli b’paga baxxa, però kont kuntent sakemm kelli biżżejjed biex nixtri x’niekol.
Raġel Fqir Iqassam l-Għana
Silvanus Okemiri, sieħbi fuq ix-xogħol, kien wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Hu kien juża kull opportunità biex jaqsam miegħi l-għarfien tiegħu mill-Bibbja waqt li konna naqtgħu l-ħaxix u npoġġu l-kompost madwar is-siġar tal-gomma. Għalkemm kont noqgħod nisimgħu, dak iż-żmien waqaft hemm. Xorta waħda, meta kuġinuwi sar jaf li għandi kuntatt max-Xhieda, hu għamel ħiltu kollha biex jaqtagħli qalbi. Hu wissieni: “Benji, tmurx għand is-Sur Okemiri. Dak wieħed minn taʼ Jehovah u fqir. Kulmin jagħmilha miegħu jsir eżatt bħalu.”
Kmieni fl-1954, minħabba li ma flaħtx iktar il-kundizzjonijiet iebsa tax-xogħol fil-kumpanija, mort lura d-dar. Dak iż-żmien, il-Knisja Anglikana kienet stretta ħafna dwar il-morali. Jien trabbejt nobgħod l-immoralità. Madankollu, malajr bqajt diżgustat bl-ipokrisija li kien hemm fost uħud bħali li jmorru l-knisja. Waqt li kienu jisħqu li jsegwu l-livelli tal-Bibbja, ħajjithom kienet tgiddeb dak li jgħidu. (Mattew 15:8) Kelli ħafna argumenti maʼ missieri, u dan ġab tensjoni kbira fir-relazzjoni taʼ bejnietna. Lejl minnhom qbadt u tlaqt mid-dar.
Mort ngħix f’Omoba, raħal żgħir ħdejn il-linja tal-ferrovija. Hemmhekk erġajt għamilt kuntatt max-Xhieda taʼ Jehovah. Priscilla Isiocha, li kont nafha mir-raħal tiegħi, tatni l-fuljetti “This Good News of the Kingdom” u After Armageddon—God’s New World.a Qrajthom bil-ħerqa kollha, u ħassejtni konvint li sibt il-verità. Fil-knisja tiegħi ma konniex nistudjaw il-Bibbja; konna nikkonċentraw fuq it-tradizzjonijiet tal-bniedem. Madankollu, il-letteratura tax-Xhieda kienet tikkwota l-Bibbja spiss.
Inqas minn xahar wara, staqsejt lil Ħuna u Oħtna Isiocha dwar meta kienu jmorru l-knisja. Meta attendejt laqgħa tax-Xhieda taʼ Jehovah għall-ewwel darba, ma fhimtx kelma. L-artiklu tat-Torri taʼ l-Għassa kien dwar l-attakk taʼ ‘Gog taʼ Magog,’ li jissemma fil-ktieb profetiku t’Eżekjel. (Eżekjel 38:1, 2) Ħafna termini kienu ġodda għalija, imma tant bqajt impressjonat bil-mod kif laqgħuni bl-imħabba li ddeċidejt li nerġaʼ mmur il-Ħadd taʼ wara. Matul it-tieni laqgħa, issemma l-ippridkar. Allura staqsejt lil Priscilla meta kienu jmorru jippridkaw. Fit-tielet Ħadd, ħadt miegħi Bibbja żgħira u mort magħhom. La kelli basket u lanqas letteratura bbażata fuq il-Bibbja. Minkejja dan, sirt pubblikatur tas-Saltna u rrapportajt is-servizz taʼ l-għalqa fi tmiem dak l-istess xahar!
Ħadd ma studja l-Bibbja miegħi, imma kulmeta kont inżur lill-kopja Isiocha, kont nislet kliem taʼ fidi u inkuraġġiment mill-Iskrittura u kont nikseb xi letteratura Biblika. Fil-11 taʼ Diċembru, 1954, f’konvenzjoni distrettwali f’Aba, issimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħi lil Jehovah permezz tal-magħmudija bl-ilma. Kuġin ieħor li kont ngħix miegħu u naħdimlu bħala apprendist ma baqax jipprovdili l-ikel u t-taħriġ, u lanqas biss ħallasni ċenteżmu wieħed tax-xogħol li tajtu. Madankollu, ma kontx irrabjat għalih, imma kont grat li kelli relazzjoni persunali m’Alla. Dan farraġni u tani l-paċi tal-moħħ. Ix-Xhieda lokali pprovdewli l-għajnuna. Il-koppja Isiocha tawni x’niekol, u oħrajn silfuli l-flus sabiex nibda negozju żgħir. F’nofs l-1955, xtrajt rota użata, u f’Marzu taʼ l-1956, bdejt naqdi fix-xogħol taʼ pijunier regulari. Ftit wara dan irnexxieli nħallas id-dejn li kelli. Il-qligħ li kelli min-negozju kien verament żgħir, imma issa stajt nieħu ħsieb tiegħi nnifsi. Dak li kien qed jipprovdi Jehovah kien biżżejjed għalija.
“Nisraq” lil Ħuti
Malli kelli fejn noqgħod, l-ewwel ħaġa li kelli fuq moħħi kienet li nagħti għajnuna spiritwali lil ħuti. Missieri, minħabba li kien preġudikat u suspettuż ħafna, kien kontra l-fatt li jien sirt Xhud. Allura, kif stajt ngħin lil ħuti biex jitgħallmu l-verità tal-Bibbja? Offrejt lil Missieri biex nieħu ħsieb lil ħija ż-żgħir Ernest, u allura ħallieh jiġi joqgħod miegħi. Ernest malajr ħaddan il-verità u tgħammed fl-1956. Il-bidla li għamel żiedet l-oppożizzjoni taʼ missieri. Minkejja dan, oħti li kienet diġà miżżewġa ġiet ukoll fil-verità flimkien maʼ żewġha. Meta għamilt l-arranġamenti biex it-tieni waħda minn ħuti l-bniet, Felicia, tqattaʼ l-btajjel taʼ l-iskola miegħi, missieri aċċetta fuq qalbu. Felicia malajr tgħammdet ukoll bħala Xhud taʼ Jehovah.
Fl-1959, mort id-dar biex nieħu lil Bernice, it-tielet waħda minn ħuti l-bniet, ħalli toqgħod maʼ Ernest. Kien dakinhar meta missieri attakkani u akkużani li sraqtlu lil uliedu. Hu ma setax jifhem li huma kienu ħadu deċiżjoni persunali biex jaqdu lil Jehovah. Missieri ħalifli li qatt ma kien se jħalli lil Bernice tiġi miegħi. Imma id Jehovah tlaħħaq safejn irid hu, għaliex is-sena taʼ wara, Bernice ġiet tqattaʼ l-btajjel taʼ l-iskola maʼ Ernest. L-istess bħal ħutha l-bniet l-oħra, hi ħaddnet il-verità u tgħammdet.
‘Nitgħallem is-Sigriet’
F’Settembru taʼ l-1957, bdejt naqdi bħala pijunier speċjali, jiġifieri bdejt niddedika 150 siegħa fix-xogħol taʼ l-ippridkar kull xahar. Jien u sieħbi, Sunday Irogbelachi, qdejna fit-territorju mifrux t’Akpu-na-abuo, f’Etche. Fl-ewwel assemblea tas-circuit li attendejna meta konna hemmhekk, tgħammdu 13-il persuna mill-grupp tagħna. Kemm aħna henjin issa li hemm 20 kongregazzjoni f’dan il-post!
Fl-1958, iltqajt maʼ Christiana Azuike, pijuniera regulari li kienet tissieħeb mal-Kongregazzjoni tal-Lvant t’Aba. Kont nammira ż-żelu tagħha, u f’Diċembru taʼ dik is-sena żżewwiġna. Kmieni fl-1959, ġejt maħtur bħala indokratur li jivvjaġġa biex inżur u nsaħħaħ lill-kongregazzjonijiet taʼ ħutna spiritwali. Minn dakinhar sa l-1972, jien u marti żorna kważi l-kongregazzjonijiet kollha tan-nies taʼ Jehovah fil-lvant u l-punent nofsani tan-Niġerja.
Il-kongregazzjonijiet kienu mbegħdin minn xulxin, u l-mezz prinċipali tagħna biex nivvjaġġaw kienet ir-rota. Meta konna naqdu lill-kongregazzjonijiet fil-bliet il-kbar, ħutna kienu jikru taxi biex tiħodna fil-kongregazzjoni li jmiss. Kultant konna noqogħdu f’postijiet li kellhom l-art tat-tajn u kienu bla saqaf. Konna norqdu f’sodod magħmulin miz-zkuk tar-raffja. Xi sodod kien ikollhom saqqu tal-ħaxix mgħotti b’tapit; oħrajn lanqas kien ikollhom saqqu. Il-kwantità u l-kwalità taʼ l-ikel ma kinitx problema għalina. Peress li fil-passat tgħallimna ngħaddu bi ftit, konna nieħdu pjaċir bi kwalunkwe ikel li kien jiġi provdut, u min kien jilqagħna għandu kien jieħu pjaċir bl-attitudni tagħna. Xi bliet f’dak iż-żmien lanqas kellhom elettriku, allura dejjem konna nġorru magħna l-lampa tal-pitrolju li kellna. Madankollu, minkejja l-kundizzjonijiet diffiċli, gawdejna ħafna mumenti sbieħ mal-kongregazzjonijiet.
Matul dawk is-snin, sirna napprezzaw il-valur tat-twissija taʼ l-appostlu Pawlu: “Sakemm għandna x’nieklu u x’nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina.” (1 Timotju 6:8) Meta kien għaddej mid-diffikultajiet, Pawlu tgħallem sigriet li għenu jibqaʼ kuntent. X’kien dan? Hu spjega: “Naf ngħix fl-għaks, u naf ngħix fil-ġid; kollox drajt u noqgħod għal kollox [“tgħallimt is-sigriet,” NW]; ix-xabaʼ u l-ġuħ; il-ġid u l-għaks.” Aħna tgħallimna l-istess sigriet. Pawlu qal ukoll: “Għal kollox niflaħ bis-saħħa taʼ dak [Alla] li jqawwini.” (Filippin 4:12, 13) Kemm kien minnu dan fil-każ tagħna! Aħna ġejna mberkin bil-kuntentizza, b’ħajja mimlija attivitajiet Kristjani li jibnu, u bil-paċi tal-moħħ.
Naqdu lill-Kongregazzjonijiet Bħala Familja
Fl-aħħar taʼ l-1959, twieled l-ewwel iben tagħna Joel, u fl-1962 twildilna t-tieni iben Samuel. Jien u Christiana komplejna fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar, inżuru l-kongregazzjonijiet mas-subien. Fl-1967, faqqgħet il-gwerra ċivili tan-Niġerja. L-iskejjel ngħalqu minħabba l-attakki kontinwi u għal għarrieda mill-ajru. Marti kienet għalliema taʼ l-iskola qabel ma ngħaqdet miegħi fix-xogħol taʼ l-ippridkar, allura waqt il-gwerra għallmet lil uliedna fid-dar stess. Sakemm għalaq sitt snin, Samuel kien diġà jaf jikteb u jaqra. Meta mar l-iskola wara l-gwerra, hu kien sentejn ’il quddiem fit-tagħlim meta mqabbel maʼ sħabu.
Dak iż-żmien, ma tantx irrealizzajna kemm setgħet tkun diffiċli t-trobbija tat-tfal waqt li bqajna fix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar. Madankollu, kien taʼ benefiċċju għalina meta ġejna inkarigati naqdu bħala pijunieri speċjali fl-1972. Dan ippermettielna nibqgħu f’post wieħed, u għalhekk stajna nieħdu ħsieb sew l-ispiritwalità tal-familja tagħna. Minn kmieni, għallimna lil uliedna l-valur tal-kuntentizza minn Alla. Fl-1973, Samuel tgħammed, u Joel beda jaqdi bħala pijunier regulari f’dik l-istess sena. Iż-żewġ uliedna żżewġu nisa Kristjani mill-aqwa u issa qed irabbu l-familji tagħhom stess fil-verità.
Il-Miżerja tat-Taqbid Ċivili
Meta faqqgħet il-gwerra ċivili, kont qed naqdi bħala indokratur li jivvjaġġa f’kongregazzjoni f’Onitsha, flimkien mal-familja tiegħi. Din il-gwerra wrietna iktar biċ-ċar kemm hu fieragħ li tiġmaʼ l-affarijiet materjali jew tafda fihom. Rajt in-nies jaħarbu biex isalvaw ħajjithom—waqt li ħallew warajhom fit-triq l-affarijiet li tant kienu jgħożżu.
Hekk kif il-gwerra bdiet tiħrax, l-irġiel b’saħħithom kollha nkitbu bil-lieva. Ħafna aħwa rġiel li ma ridux jinkitbu ġew torturati. Ma konniex liberi mmorru fejn irridu. In-nuqqas taʼ ikel qajjem ħafna konfużjoni u diżordni fil-pajjiż. Il-prezz taʼ nofs kilo kassava telaʼ minn xi 3 ċenteżmi għal iktar minn Lm6 u dak taʼ tazza melħ minn xi Lm3.50ċ għal iktar minn Lm18. Il-ħalib, il-butir, u z-zokkor sparixxew. Biex ikollna x’nieklu konna nitħnu l-papaja nejja u nħalltuha maʼ ftit dqiq tal-kassava. Konna nieklu wkoll il-ġradijiet, il-qxur tal-kassava, il-weraq taʼ l-ibisku, il-ħaxix twil taʼ l-Afrika li jissejjaħ elephant grass—kwalunkwe weraq li stajna nsibu. Il-laħam kien lussu, allura kont naqbad il-gremxul ħalli jikluhom it-tfal. Minkejja dan, marru kemm marru ħażin l-affarijiet, Jehovah dejjem sostniena.
Madankollu, l-akbar periklu kien il-ġuħ spiritwali minħabba l-gwerra. Ħafna aħwa ħarbu mill-inħawi tal-gwerra lejn il-ġungla jew lejn irħula oħra, u waqt li kienu qed jaħarbu, tilfu ħafna mill-pubblikazzjonijiet tagħhom mill-Bibbja, jekk mhux kollox. Barra minn hekk, l-imblokk tat-truppi tal-gvern ma ppermettiex li tiddaħħal letteratura ġdida mill-Bibbja fl-inħawi taʼ Biafra. Għalkemm ħafna mill-kongregazzjonijiet ipprovaw jagħmlu l-laqgħat, l-ispiritwalità taʼ l-aħwa bdiet tmur lura minħabba li ma setgħux jaslulhom direzzjonijiet mill-uffiċċju tal-fergħa.
Negħlbu l-Ġuħ Spiritwali
L-indokraturi li jivvjaġġaw għamlu kulma setgħu biex ikomplu l-arranġament taż-żjajjar lil kull kongregazzjoni. Peress li ħafna aħwa ħarbu mill-irħula, jien kont infittixhom kulfejn setgħu marru. Darba minnhom, ħallejt lil marti u ’l uliedi f’post ħieles mill-periklu u vvjaġġajt waħdi għal sitt ġimgħat, inżur diversi rħula u partijiet tal-ġungla biex infittex lill-aħwa.
Waqt li kont qed naqdi f’kongregazzjoni ġewwa Ogbunka, smajt li kien hemm grupp kbir taʼ Xhieda fl-inħawi taʼ Isouchi fid-distrett t’Okigwe. Allura, tlabt li titwassal il-kelma lill-aħwa f’dawk l-inħawi biex jinġabru ħdejn masġar taʼ l-anakardju fir-raħal t’Umuaku. Jien u ħu anzjan fl-età vvjaġġajna bir-roti tagħna għal xi 15-il kilometru lejn il-masġar, fejn kienu nġabru xi 200 Xhud, inkluż nisa u tfal. Bl-għajnuna t’oħt pijuniera, irnexxieli nsib grupp ieħor taʼ xi mitt Xhud, li kienu stkennew fil-foresta taʼ Lomara.
Lawrence Ugwuegbu kien wieħed minn grupp t’aħwa kuraġġużi li kienu qed jgħixu f’Owerri, belt imħarbta bil-gwerra. Hu qalli li kien hemm ħafna Xhieda fl-inħawi t’Ohaji. Ma setgħux imorru fejn iridu, għaliex is-suldati okkupaw il-post. It-tnejn li aħna morna bir-rota sa dan il-post fis-satra tal-lejl u ltqajna maʼ xi 120 Xhud f’post magħluq u għall-kenn taʼ wieħed ħu. Ukoll, użajna din l-opportunità biex inżuru lil xi Xhieda fil-moħbiet tagħhom.
Ħuna Isaac Nwagwu rriskja ħajtu biex jgħinni nsib aħwa oħra li kellhom jiċċaqalqu minn darhom. Hu ħadni bil-kenura naqsam ix-Xmara Otamiri ħalli niltaqaʼ maʼ iktar minn 150 Xhud miġburin f’Egbu-Etche. F’dan il-post kien hemm ħu li qal bil-ferħ: “Dan hu l-isbaħ jum taʼ ħajti! Qatt ma ħsibt li se ngħix biżżejjed biex nerġaʼ nara indokratur tas-circuit. Issa jekk immut waqt din il-gwerra qalila, se mmut kuntent.”
Jien kont fil-periklu li ninqabad bil-lieva, imma kont inħoss il-protezzjoni taʼ Jehovah il-ħin kollu. Darba minnhom, wara nofsinhar, hekk kif kont sejjer lura lejn l-akkomodazzjoni tiegħi wara li ltqajt maʼ xi 250 ħu, grupp taʼ suldati militari waqqafni f’roadblock. “Għaliex ma ngħaqadtx maʼ l-armata?” staqsewni. Jien spjegajtilhom li kont missjunarju nippriedka s-Saltna t’Alla. Indunajt li huma kienu determinati li jarrestawni. Wara talba taʼ malajr f’qalbi, għedt lill-kaptan tagħhom, “Jekk jogħġbok, ħallini mmur.” B’sorpriża għalija, hu weġibni, “Qed tgħid li għandna nħalluk titlaq?” Għedtlu, “Iva, eħlisni.” Qalli, “Tistaʼ titlaq.” Ebda wieħed mis-suldati l-oħra ma qal kelma oħra.—Salm 65:2, 3 (65:1, 2, NW).
Il-Kuntentizza Ġġib Iktar Barkiet
Wara li spiċċat il-gwerra fl-1970, komplejt naqdi fix-xogħol tas-circuit. Kelli l-privileġġ li ngħin biex il-kongregazzjonijiet jerġgħu jiġu organizzati. Imbagħad, jien u Christiana qdejna bħala pijunieri speċjali sa l-1976, meta erġajt ġejt maħtur bħala indokratur tas-circuit. F’nofs dik l-istess sena, ġejt inkarigat bix-xogħol tad-distrett. Sebaʼ snin wara, jien u marti ġejna mistidnin biex naqdu fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah fin-Niġerja, id-dar tagħna sa llum. Hawnhekk, fil-fergħa dejjem niksbu ferħ kbir meta nerġgħu naraw l-aħwa li nkunu ltqajna magħhom waqt il-gwerra ċivili u drabi oħra u li għadhom jaqdu lil Jehovah lealment.
Tul is-snin Christiana kienet appoġġ mill-aqwa u sieħba leali lejja. L-ispirtu pożittiv u determinat tagħha, minkejja problemi persistenti taʼ saħħa li ilha tissaportihom mill-1978, għenni biex ma naqtax qalbi u nibqaʼ għaddej. Aħna esperjenzajna kemm hu minnu l-kliem tas-salmista: “Il-Mulej jieqaf miegħu fuq is-sodda tal-mard.”—Salm 41:4 (41:3, NW).
Meta nħares lura tul is-snin t’attività teokratika, nirringrazzja lil Jehovah minn qalbi għall-barkiet meraviljużi tiegħu. Nistaʼ verament ngħid li sibt ferħ kbir minħabba li kont kuntent b’dak li pprovda. Il-ferħ li nħoss meta nara lil ħuti, lil uliedi, u l-familji tagħhom ilkoll jaqdu lil Jehovah miegħi u maʼ marti huwa barka li ma tistaʼ titqabbel maʼ xejn. Jehovah issodisfani b’ħajja għanja u mimlija skop. Ix-xewqat kollha tiegħi saru realtà.
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikati mix-Xhieda taʼ Jehovah. Issa m’għadhomx jiġu stampati.
[Kaxxa f’paġna 27]
Arranġament f’Waqtu Jgħin biex Isostni l-Fratellanza
F’nofs is-snin 60, il-mibegħda bejn gruppi etniċi fit-tramuntana u l-lvant tan-Niġerja wasslet għal ħafna inkwiet, rewwixti, ksur taʼ liġi, u vjolenza etnika. Dawn l-iżviluppi għamlu pressjoni kbira fuq ix-Xhieda taʼ Jehovah, li kienu determinati jibqgħu newtrali għalkollox fil-ġlied. Xi 20 Xhud inqatlu. Ħafna kienu dawk li tilfu kulma kellhom.
Fit-30 taʼ Mejju taʼ l-1967, l-istati tal-lvant tan-Niġerja nfirdu mill-federazzjoni, u fformaw ir-Repubblika taʼ Biafra. Tlestiet l-armata federali, u l-Lvant ġie mdawwar minn kullimkien. Imbagħad segwiet gwerra ċivili mdemmija u vjolenti.
Minħabba n-newtralità tax-Xhieda taʼ Jehovah fl-inħawi taʼ Biafra, huma saru l-mira taʼ l-attakki. Il-gazzetti ppubblikaw kummenti ħorox fuqhom, u għalhekk qanqlu lill-pubbliku biex idur kontra l-aħwa. Madankollu, Jehovah għamel li l-qaddejja tiegħu żgur jirċievu l-ikel spiritwali. Kif?
Kmieni fl-1968, impjegat tal-gvern ġie inkarigat f’uffiċċju fl-Ewropa u ieħor fejn jinżlu l-ajruplani f’Biafra. It-tnejn li huma kienu Xhieda. Dan l-inkarigu poġġiehom fit-truf opposti taʼ l-uniku kuntatt bejn Biafra u d-dinja taʼ barra. Iż-żewġ Xhieda offrew li jagħmlu x-xogħol riskjuż taʼ li jdaħħlu l-ikel spiritwali f’Biafra. Huma għenu wkoll biex jipprovdu l-għajnuna materjali lil ħutna li kienu jinsabu fl-inkwiet. Dawn iż-żewġ aħwa rnexxielhom iżommu dan l-arranġament vitali matul il-gwerra, li spiċċat fl-1970. Iktar tard, wieħed minnhom qal, “Dan l-arranġament kien bil-wisq superjuri għal dak kollu li setaʼ jippjana kwalunkwe bniedem.”
[Stampa f’paġna 23]
Fl-1956
[Stampa f’paġna 25]
Fl-1965, maʼ wliedna, Joel u Samuel
[Stampa f’paġna 26]
Kemm aħna mberkin li nistgħu naqdu lil Jehovah bħala familja!
[Stampa f’paġna 27]
Illum, jien u Christiana naqdu fil-fergħa tan-Niġerja