X’Sar Minnu n-Nar taʼ l-Infern?
LIEMA stampa ġġiblek f’moħħok il-kelma “infern”? Tara l-infern bħala post letterali bin-nar u l-kubrit, post taʼ tbatija u turment li ma jispiċċa qatt? Jew forsi l-infern huwa deskrizzjoni simbolika taʼ kundizzjoni, jew sitwazzjoni?
Għal sekli sħaħ, il-mexxejja reliġjużi tal-Kristjaneżmu taw stampa taʼ infern bin-nar b’turmenti taʼ wġigħ kbir bħala l-post fejn żgur se jispiċċaw il-midinbin. Din l-idea għadha popolari fost ħafna gruppi reliġjużi oħra. “Forsi veru li l-Kristjanità għamlet l-infern kelma magħrufa sew,” jgħid il-U.S.News & World Report, “iżda m’għandhiex il-monopolju fuq din id-duttrina. It-theddida taʼ tpattija bl-uġigħ fil-ħajja wara l-mewt għandha l-pariġġ fi kważi kull reliġjon ewlenija fid-dinja u anki f’xi wħud li huma iżgħar.” Il-Ħindu, il-Buddiżmu, l-Islam, il-Ġajniżmu, u t-Taoiżmu għandhom twemmin taʼ xi tip taʼ infern.
Madankollu, in-nies illum għandhom ħarsa differenti lejn it-tifsira taʼ l-infern. “Filwaqt li l-istampa tradizzjonali taʼ l-infern għad hemm min jemminha,” tistqarr ir-rivista li ssemmiet qabel, “opinjonijiet moderni tal-kundanna għal dejjem bħala post partikolarment mhux pjaċevoli fejn l-individwu jkun maqful waħdu, qed jibdew jidħlu fix-xena, u dawn jissuġġerixxu li l-infern jistaʼ jkun li ma jaħraqx daqshekk wara kollox.”
Il-ġurnal Ġiżwita La Civiltà Cattolica osserva: “Tistaʼ tiġi mqarraq . . . meta taħseb li Alla, permezz tad-demonji, jaħqar lil dawk kundannati b’turmenti tal-biżaʼ bħal dak tan-nar.” U żied: “L-infern ma jeżistix bħala post iżda bħala sitwazzjoni li tiġi fiha, mod t’eżistenza taʼ individwu li jbati mill-uġigħ li jiġi għaliex ikun mifrud minn Alla.” Fl-1999, il-Papa Ġwanni Pawlu II qal: “Minflok ma huwa post, l-infern jindika l-qagħda taʼ dawk li deliberatament u b’mod definit jisseparaw ruħhom minn Alla, is-sors tal-ħajja u l-ferħ kollu.” Rigward l-istampi taʼ l-infern bħala post bin-nar, hu qal: “Dawn juru d-dwejjaq totali u l-ħajja vojta u bla skop taʼ dawk li m’għandhomx lil Alla.” Kieku l-papa ddeskriva l-infern bħala post bil-“fjammi u xitan liebes bl-aħmar u bil-furkettun f’idu, in-nies ma kinux jiħduh bis-serjetà,” qal Martin Marty, studjuż taʼ l-istorja tal-knisja.
Bidliet bħal dawn qed iseħħu wkoll f’organizzazzjonijiet reliġjużi oħrajn. Rapport mill-kummissjoni duttrinali taċ-Church of England qal: “L-infern m’huwiex it-turment etern, iżda huwa l-għażla aħħarija, li ma tistax titraġġaʼ lura, taʼ dak li jmur kontra Alla b’mod tant komplet u totali li l-uniku tmiem għalih ikun li assolutament ma jibqax jeżisti.”
Il-katekiżmu tal-Knisja Episkopali taʼ l-Istati Uniti jispjega l-infern bħala “l-mewt għal dejjem talli nkunu rrifjutajna ’l Alla.” Numru li dejjem jiżdied taʼ nies, jgħid il-U.S.News & World Report, qed ixerrdu l-idea li “t-tmiem tal-ħżiena huwa l-qerda, mhux it-tbatija għal dejjem. . . . [Huma] jistqarru li dawk li fl-aħħar mill-aħħar jirrifjutaw ’l Alla sempliċement se jitneħħew mill-eżistenza fin-‘nar li jiblaʼ’ taʼ l-infern.”
Għalkemm ix-xejra taʼ żmienna hija li jwarrbu fil-ġenb il-mentalità tan-nar u l-kubrit, ħafna għadhom iżommu sod mat-twemmin li l-infern hu post letterali taʼ turment. “L-Iskrittura titkellem ċar dwar l-infern bħala post fiżiku taʼ turment bin-nar,” jgħid Albert Mohler tas-Southern Baptist Theological Seminary f’Louisville, Kentucky, U.S.A. U r-rapport The Nature of Hell, imħejji mill-Kummissjoni taʼ l-Alleanza Evanġelika, jistqarr: “L-infern huwa l-esperjenza taʼ li tkun taf li int imwarrab u qed tiġi turmentat.” Iżid: “Fl-infern hemm livelli taʼ kastigi u tbatija li jingħataw skond kemm ikunu gravi d-dnubiet li saru fid-dinja.”
Għal darb’oħra, huwa l-infern post taʼ turment etern jew taʼ qerda totali? Jew huwa sempliċement stat taʼ firda minn Alla? X’inhu tassew l-infern?
[Kaxxa/Stampi f’paġna 4]
Storja fil-Qosor dwar in-Nar taʼ l-Infern
DAWK li jsostnu li huma Kristjani meta bdew jemmnu fl-infern? Ħafna żmien wara li għexu Ġesù u l-appostli tiegħu. “L-Apocalypse of Peter (it-2 seklu E.K.) kien l-ewwel xogħol Kristjan [apokrifali] li ddeskriva l-kastig u t-torturi tal-midinbin fl-infern,” tistqarr l-Encyclopædia Universalis Franċiża.
Madankollu, Missirijiet il-Knisja tal-bidu ma qablux bejniethom dwar il-kwistjoni taʼ l-infern. Ġustinu Martri, Klement taʼ Lixandra, Tertuljanu, u Ċiprijan kienu jemmnu li l-infern huwa post bin-nar. Oriġene u t-teologu Girgor taʼ Nissa kienu jaħsbu li l-infern huwa post taʼ separazzjoni minn Alla—taʼ tbatija spiritwali. Mill-banda l-oħra, Wistin taʼ Ħippo saħaq li t-tbatija fl-infern kienet tinħass kemm spiritwalment kif ukoll fiżikament—ħarsa li maż-żmien saret aċċettata iktar.
“Sal-ħames seklu d-duttrina riġida li l-midinbin mhux se jkollhom ċans ieħor wara din il-ħajja u li n-nar li kien se jiblagħhom ma kien se jintefa qatt kienet tispikka maʼ kullimkien,” kiteb il-Professur J.N.D. Kelly.
Fis-seklu 16, riformisti Protestanti bħal Martin Luther u John Calvin kienu jifhmu li t-turment bin-nar taʼ l-infern kien ifisser li tqattaʼ eternità mifrud minn Alla. Madankollu, l-idea taʼ l-infern bħala post taʼ turment reġgħet tfaċċat fiż-żewġ sekli taʼ wara. Il-predikatur Protestant Jonathan Edwards kien inissel biżaʼ fi qlub l-Amerikani Kolonjali tas-seklu 18 bi stampi impressjonanti taʼ l-infern.
Madankollu, ftit wara dan, il-fjammi taʼ l-infern bdew iteptpu u jintfew. “Is-seklu 20 kien kważi l-mewt taʼ l-infern,” jistqarr il-U.S.News & World Report.
[Stampi]
Ġustinu Martri kien jemmen li l-infern hu post bin-nar
Wistin taʼ Ħippo għallem li t-tbatija fl-infern kienet kemm spiritwali kif ukoll fiżika