X’Inhu Verament l-Infern?
HI X’INHI l-istampa li l-kelma “infern” iġġiblek quddiem għajnejk, l-infern ġeneralment huwa maħsub li hu post fejn jingħata l-kastig għad-dnub. Dwar id-dnub u l-effett tiegħu, il-Bibbja tgħid: “Kien permezz taʼ bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) L-Iskrittura tistqarr ukoll: “Il-ħlas tad-dnub hu l-mewt.” (Rumani 6:23) Peress li l-kastig għad-dnub hu l-mewt, il-mistoqsija fundamentali li tiddetermina xi jfisser verament l-infern hi: X’jiġrilna meta mmutu?
Wara l-mewt, tkompli l-ħajja b’xi mod ieħor jew f’xi forma oħra? X’inhu l-infern, u liema tip taʼ nies imorru fih? Hemm xi tama għal dawk li jinsabu fl-infern? Il-Bibbja tagħti tweġibiet veri u sodisfaċenti għal dawn il-mistoqsijiet.
Ħajja wara l-Mewt?
Hemm xi ħaġa fina, bħal ruħ jew spirtu, li tibqaʼ ħajja wara li jmut il-ġisem? Ikkunsidra kif l-ewwel bniedem, Adam, beda jgħix. Il-Bibbja tistqarr: “Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab taʼ l-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja.” (Ġenesi 2:7) Għalkemm in-nifs sostnielu ħajtu, li “nifs il-ħajja” jitqiegħed fi mnifsejh kien jinvolvi ħafna iktar milli sempliċement jonfoħlu l-arja fil-pulmuni. Dan kien ifisser li Alla jitfaʼ fil-ġisem bla ħajja taʼ Adam ix-xrara tal-ħajja—“nifs il-ħajja [“il-forza tal-ħajja,” NW],” li hija attiva fil-ħlejjaq kollha taʼ l-art. (Ġenesi 6:17; 7:22) Il-Bibbja tirreferi għal din il-forza li tagħti l-ħajja bħala “spirtu.” (Ġakbu 2:26, Karm Żammit) Dan l-ispirtu jistaʼ jitqabbel mal-kurrent elettriku li jħaddem magna jew apparat, u b’hekk jgħinu jagħmel il-funzjoni tiegħu. L-istess bħalma l-kurrent qatt ma jieħu l-karatteristiċi taʼ l-apparat li jħaddem, il-forza tal-ħajja ma tiħux il-karatteristiċi tal-ħlejjaq li lilhom tagħti l-ħajja. M’għandhiex personalità u mhix kapaċi taħseb.
X’jiġrilu l-ispirtu meta jmut individwu? Salm 146:4 jgħid: “Malli toħroġ ruħu [“l-ispirtu,” NW], lejn l-art jerġaʼ jmur; jintemmu dakinhar ħsibijietu.” Meta jmut individwu, l-ispirtu impersonali tiegħu ma jkomplix jgħix f’xi qasam ieħor bħala ħlejqa spirtu. Dan “jitlaq lejn Alla, minn fejn ġie.” (Koħèlet 12:7) Dan ifisser li kwalunkwe tama li dan l-individwu jerġaʼ jgħix fil-futur qiegħda kompletament f’idejn Alla.
Sokrate u Platun, il-filosfi Griegi tal-qedem, kienu jemmnu li r-ruħ li tinsab ġo l-individwu tibqaʼ ħajja wara l-mewt u ma tmut qatt. X’tgħallem il-Bibbja dwar ir-ruħ? Adam “sar ruħ ħajja,” jgħid l-1 Korintin 15:45. Hu ma ngħatax ruħ, hu kien ruħ—individwu kollu kemm hu. L-Iskrittura titkellem dwar ruħ li taħdem, tixxennaq għall-ikel, tinħataf, tgħaddi minn nuqqas taʼ rqad, u nibqgħu sejrin. (Levitiku 23:30, NW; Dewteronomju 12:20, KŻ; 24:7, NW; Salm 119:28, Saydon) Iva, il-bniedem innifsu huwa ruħ. Meta jmut individwu, din ir-ruħ tmut.—Eżekjel 18:4, KŻ.
Mela, allura, x’inhi l-kundizzjoni tal-mejtin? Meta lissen kundanna fuq Adam, Jehovah stqarr: “Trab int, u fit-trab terġaʼ tmur.” (Ġenesi 3:19) Fejn kien Adam qabel ma Alla fformah mit-trab taʼ l-art u tah il-ħajja? Hu sempliċement ma kienx jeżisti! Meta miet, Adam mar lura lejn dik il-kundizzjoni taʼ ineżistenza kompleta. Il-kundizzjoni tal-mejtin tidher biċ-ċar f’Koħèlet 9:5, 10, fejn naqraw: “Il-mejtin ma jafu xejn; . . . ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-Imwiet [“fil-qabar,” New International Version] fejn inti sejjer.” Skond l-Iskrittura, min ikun mejjet ma jibqax jeżisti. Il-mejtin ma huma konxji taʼ xejn, ma jħossu xejn, u ma jaħsbu xejn.
Turment li Ma Jispiċċa Qatt jew il-Qabar Komuni?
Peress li l-mejtin ma jafux li jeżistu, l-infern ma jistax ikun post taʼ turment bin-nar fejn il-ħżiena jbatu wara li jmutu. Mela, allura, x’inhu l-infern? Il-fatt li neżaminaw xi ġralu Ġesù wara li miet se jgħinna nwieġbu din il-mistoqsija. Luqa, il-kittieb Bibliku, jirrakkonta: “[Ġesù] la kien mitluq fl-imwiet [“fl-infern,” King James Version, jew “Ħades” bil-Grieg] u lanqas ġismu ma ra t-taħsir.”a (Atti 2:31) Fejn kien l-infern li saħansitra Ġesù mar fih? L-appostlu Pawlu kiteb: “Jien għallimtkom . . . li Kristu miet minħabba dnubietna, skond l-Iskrittura; difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skond l-Iskrittura.” (1 Korintin 15:3, 4) Mela Ġesù kien fl-infern, fil-qabar, iżda ma kienx abbandunat hemmhekk, għax ġie mqajjem, jew irxoxtat.
Ikkunsidra wkoll dak li ġralu r-raġel twajjeb Ġob, li bata ħafna. Peress li xtaq jeħles mill-istat imwiegħer tiegħu, hu talab bil-ħrara: “M’hux li kont taħbini f’Art l-Imwiet [“fl-infern,” Douay Version, jew “Xeol” bil-Grieg] fejn nistkenn sa ma tibred il-korla tiegħek u tiffissali żmien li tiftakar fija.”b (Ġob 14:13) Kemm ma jkunx raġunevoli jekk naħsbu li Ġob xtaq imur jistkenn f’post jaħraq bin-nar! Għal Ġob, l-“infern” kien sempliċement il-qabar, fejn it-tbatija tiegħu kellha tintemm. Allura, l-infern tal-Bibbja huwa l-qabar komuni tal-bnedmin fejn imorru kemm in-nies tajbin kif ukoll ħżiena.
In-Nar taʼ l-Infern—Jiblaʼ Kollox?
Jistaʼ jkun li n-nar taʼ l-infern jissimbolizza qerda li hi totali, jew li tiblaʼ kollox? Biex tiddistingwi n-nar minn Ħades, jew l-infern, l-Iskrittura tgħid: “Il-Mewt u Post il-Mejtin [“Ħades,” NW] ġew mixħuta fil-belliegħa [“l-għadira,” NW] tan-nar.” “L-għadira” msemmija hawn hija simbolika, peress li l-mewt u l-infern (Ħades) li jiġu mitfugħin fiha ma jistgħux jinħarqu b’mod letterali. “Din l-għadira tan-nar hija t-tieni mewt”—mewt li minnha m’hemmx tama taʼ rxoxt.—Apokalissi 20:14.
L-għadira tan-nar għandha tifsira simili għal dik tan-“nar taʼ l-infern [“Geħenna,” NW]” li tkellem dwaru Ġesù. (Mattew 5:22; Mark 9:47, 48) Il-kelma Geħenna tidher 12-il darba fl-Iskrittura Griega Kristjana, u tirreferi għall-wied taʼ Ħinnom, barra s-swar taʼ Ġerusalemm. Meta Ġesù kien fuq l-art, dan il-wied kien jintuża bħala post fejn jintrema l-iskart, “fejn il-katavri tal-kriminali, u l-iġsma mejtin taʼ l-annimali, u kull tip taʼ ħmieġ ieħor kien jintefaʼ.” (Smith’s Dictionary of the Bible) In-nirien kienu jinżammu mqabbdin billi jżidu l-kubrit biex jaħraq l-iskart. Ġesù uża dak il-wied bħala simbolu addattat taʼ qerda dejjiema.
Bħal Geħenna, l-għadira tan-nar tissimbolizza qerda eterna. Il-mewt u Ħades jiġu mitfugħin fiha għaliex se jinqerdu meta l-bnedmin se jinħelsu mid-dnub u mill-kundanna tal-mewt. Midinbin li jidinbu apposta u li ma jiddispjaċihomx ukoll se jkollhom “sehemhom” f’dik l-għadira. (Apokalissi 21:8) Anki huma se jinqerdu għal dejjem. Mill-banda l-oħra, dawk li jinsabu fil-memorja t’Alla u li qegħdin fl-infern—il-qabar komuni tal-bnedmin—għandhom futur meraviljuż.
L-Infern Imbattal!
Apokalissi 20:13 jistqarr: “Il-baħar radd lura l-mejtin li kien hemm ġo fih, u hekk ukoll il-Mewt u l-qiegħ taʼ l-art [“Ħades,” NW] raddew lura l-mejtin li kien hemm ġo fihom.” Iva, l-infern tal-Bibbja se jitbattal. Bħalma wiegħed Ġesù, “tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu [leħen Ġesù] u joħorġu.” (Ġwann 5:28, 29) Għalkemm bħalissa m’għadhom jeżistu f’ebda forma, il-miljuni taʼ mejtin li jinsabu fil-memorja t’Alla Jehovah se jiġu rxoxtati, jew jerġgħu jingħataw il-ħajja, f’art magħmula ġenna.—Luqa 23:43; Atti 24:15.
Fid-dinja l-ġdida li se jagħmel Alla, bnedmin irxoxtati li jgħixu fi qbil mal-liġijiet ġusti tiegħu qatt ma se jkollhom bżonn jerġgħu jmutu. (Isaija 25:8) Jehovah se “jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed.” Fil-fatt, se jkunu “għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.” (Apokalissi 21:4) X’barka hemm lesta għal dawk li jinsabu fl-infern—“fl-oqbra” tal-mafkar! Din il-barka tassew tagħtina raġuni biżżejjed biex nieħdu iktar għarfien dwar Alla Jehovah u dwar Ibnu, Ġesù Kristu.—Ġwann 17:3.
[Noti taʼ taħt]
a Fil-King James Version, il-kelma Griega Ħades hija tradotta bħala “infern” fl-għaxar darbiet li tidher fl-Iskrittura Griega Kristjana. It-traduzzjoni f’Luqa 16:19-31 issemmi t-turment, iżda r-rakkont kollu għandu tifsira simbolika. Ara kapitlu 88 taʼ L-Aqwa Bniedem Li Qatt Għex, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
b Il-Kelma Ebrajka Xeol tidher 65 darba fl-Iskrittura Ebrajka u tingħata bħala “mwiet,” “taħt l-art,” “f’qiegħ l-art,” “art l-imwiet,” “qabar,” “il-mewt,” u 8 darbiet minnhom bħala “Xeol” fil-Bibbja taʼ l-Għaqda Biblika Maltija.
[Stampa f’paġna 5]
Ġob talab għall-protezzjoni fl-infern
[Stampa f’paġna 6]
Geħenna bin-nar—simbolu taʼ qerda eterna
[Stampa f’paġna 7]
‘Dawk kollha li jkunu fl-oqbra [“tal-mafkar,” “NW”] joħorġu’