Kapitlu 9
X’Tip Taʼ Post Huwa L-Infern?
1. X’għallmu r-reliġjonijiet dwar l-infern?
MILJUNI taʼ nies ġew mgħallmin mir-reliġjonijiet tagħhom li l-infern huwa post fejn in-nies jiġu tturmentati. Skond l-Encyclopædia Britannica, “Il-Knisja Kattolika Rumana tgħallem li l-infern . . . se jibqaʼ għal dejjem; is-sofferenza tiegħu qatt ma se jkollha tmiem.” Dan it-tagħlim Kattoliku, tkompli tgħid din l-enċiklopedija, “għadu jinżamm minn ħafna gruppi Protestanti konservattivi.” Il-Ħindu, il-Buddisti u l-Mawmettani wkoll jgħallmu li l-infern huwa post taʼ turment. Mhux taʼ b’xejn li nies li ġew mgħallmin dan spiss jgħidu li jekk l-infern huwa post tant ikrah ma jridux jitkellmu dwaru.
2. Alla kif kien jaħsibha dwar il-ħruq taʼ tfal fin-nar?
2 Dan iqajjem il-mistoqsija: Ħalaq Alla li Jistaʼ Kollox post bħal dan taʼ turment? Sewwa, x’kienet il-ħarsa t’Alla meta l-Iżraeliti, billi segwew l-eżempju taʼ popli li kienu jgħixu ħdejhom, bdew jaħarqu lit-tfal tagħhom fin-nar? Hu jispjega fil-Kelma tiegħu: “Huma bnew il-postijiet għoljin taʼ Tofet, li qiegħed fil-wied taʼ Bin Ħinnom, sabiex jaħarqu lill-ulied subjien u bniet tagħhom fin-nar, ħaġa li jien ma kontx ikkmandajt u li ma kenitx ġiet f’qalbi.”—Ġeremija 7:31.
3. Għala m’hijiex ħaġa loġika u lanqas skritturali li taħseb li Alla jitturmenta lin-nies?
3 Aħseb ftit dwar dan. Jekk l-idea li jixwi n-nies fin-nar qatt ma kienet ġiet f’qalb Alla, jidher raġonevoli li ħalaq infern tan-nar għal dawk li ma jaqduhx? Il-Bibbja tgħid, “Alla hu mħabba.” (1 Ġwann 4:8) Kien Alla taʼ mħabba tassew se jitturmenta lin-nies għal dejjem? Kont int tagħmel hekk? Li nafu bl-imħabba t’Alla għandu jqanqalna biex immorru fil-Kelma tiegħu ħalli nsibu eżatt x’inhu l-infern. Min imur hemmhekk, u għal kemm żmien?
XEOL U ĦADES
4. (a) Liema kelmiet bl-Ebrajk u bil-Grieg jiġu tradotti “infern”? (b) Il-kelma Xeol kif tiġi tradotta fil-King James Version?
4 Webster’s Dictionary jgħid li l-kelma Ingliża “hell” hija ekwivalenti għall-kelma Ebrajka Xeol u l-kelma Griega Ħades. Fil-Bibbji Ġermaniżi Hoelle hija l-kelma wżata minflok “hell”; bil-Portugiż il-kelma wżata hija inferno, bl-Ispanjol infierno, u bil-Franċiż Enfer. It-tradutturi Ingliżi taʼ l-Authorized Version, jew il-King James Version, ittraduċew Xeol 31 darba bħala “hell,” 31 darba bħala “grave,” u 3 darbiet bħala “pit.” Id-Douay Version Kattolika ttraduċiet Xeol 64 darba bħala “hell.” Fl-Iskrittura Kristjana Griega (magħrufa bħala t-“Testment il-Ġdid”), il-King James Version ittraduċiet Ħades bħala “hell” fl-10 darbiet li tidher.—Mattew 11:23; 16:18; Luqa 10:15; 16:23; Atti 2:27, 31; Rivelazzjoni 1:18; 6:8; 20:13, 14.
5. Liema mistoqsija tqum rigward Xeol u Ħades?
5 Tqum il-mistoqsija: X’tip taʼ post huwa Xeol, jew Ħades? Il-fatt li l-King James Version tittraduċi l-kelma waħda Ebrajka Xeol fi tliet modi differenti juri li infern, qabar u ħofra kollha jfissru l-istess ħaġa. U jekk l-infern ifisser il-qabar komuni tal-bnedmin, ma jistax fl-istess ħin ifisser post taʼ tortura bin-nar. Sewwa, allura, ifissru Xeol u Ħades il-qabar, jew ifissru post taʼ tortura?
6. (a) Il-Bibbja kif turi li Xeol u Ħades ifissru l-istess ħaġa? (b) X’inhu muri mill-fatt li Ġesù kien f’Ħades?
6 Qabel inwieġbu din il-mistoqsija, ejjew nagħmluha ċara li l-kelma Ebrajka Xeol u l-kelma Griega Ħades ifissru l-istess ħaġa. Dan huwa muri billi nħarsu lejn Salm 16:10 fl-Iskrittura Ebrajka u Atti 2:31 fl-Iskrittura Griega Kristjana, liema versi tistaʼ tara fil-paġna li jmiss. Innota li meta jikkwota minn Salm 16:10 fejn hemm Xeol, Atti 2:31 juża Ħades. Innota, ukoll, li Ġesù Kristu kien f’Ħades, jew fl-infern. Għandna nemmnu li Alla tturmenta lil Kristu f’infern tan-nar? Żgur li le! Ġesù kien sempliċement fil-qabar tiegħu.
7, 8. Dak li jintqal dwar Ġakobb u ibnu Ġużeppi u dwar Ġob kif jagħti prova li Xeol m’huwiex post taʼ turment?
7 Meta Ġakobb kien qiegħed jitnikket għal ibnu l-maħbub Ġużeppi, għax ħaseb li kien ġie maqtul, qal: “Se ninżel imnikket għand ibni f’Xeol!” (Ġenesi 37:35) Madankollu, il-King James Version hawnhekk tittraduċi Xeol bħala “grave,” u d-Douay Version tittraduċiha bħala “hell.” Issa, oqgħod aħseb ftit. Kien jemmen Ġakobb li ibnu Ġużeppi mar f’post taʼ turment biex iqattaʼ l-eternità hemmhekk, u ried hu jmur hemmhekk jiltaqaʼ miegħu? Jew, minflok, ħaseb biss Ġakobb li ibnu l-maħbub kien mejjet u fil-qabar u li Ġakobb innifsu ried imut?
8 Iva, nies tajbin imorru fl-infern tal-Bibbja. Per eżempju, it-twajjeb Ġob, li kien qiegħed isofri ħafna, talab ’l Alla: “O li f’Xeol [qabar, King James Version; infern, Douay Version] int kont taħbini, . . . li kont taħtar limitu taʼ żmien għalija u tiftakar fija!” (Ġob 14:13) Issa aħseb: Jekk Xeol ifisser post taʼ nar u turment, kien Ġob jixtieq li jmur u jqattaʼ żmienu hemmhekk sakemm Alla jiftakar fih? B’mod ċar, Ġob ried imut u jmur fil-qabar biex is-sofferenzi tiegħu jintemmu.
9. (a) X’inhi l-kundizzjoni taʼ dawk f’Xeol? (b) Mela x’inhuma Xeol u Ħades?
9 Fil-postijiet kollha fejn tidher il-kelma Xeol fil-Bibbja qatt ma tiġi assoċjata maʼ ħajja, attività jew turment. Minflok, taʼ spiss hija marbuta maʼ mewt u inattività. Per eżempju, aħseb ftit dwar Ekkleżjasti 9:10, li jaqra: “Dak kollu li idek issib x’tagħmel, agħmlu bl-istess qawwa tiegħek, għax m’hemm ebda xogħol la ppjanar la għarfien la għerf f’Xeol [qabar, King James Version; infern, Douay Version], il-post li lejh int sejjer.” Mela t-tweġiba hija ċara ferm. Xeol u Ħades jirreferu mhux għal xi post taʼ turment imma għall-qabar komuni tal-bnedmin. (Salm 139:8) Nies tajbin kif ukoll nies ħżiena jmorru fl-infern tal-Bibbja.
ĦRUĠ MILL-INFERN
10, 11. Ġona għala, waqt li kien f’żaqq il-ħuta, qal li kien fl-infern?
10 Jistgħu n-nies joħorġu mill-infern? Ikkunsidra l-każ taʼ Ġona. Meta Alla ġiegħel ħuta kbira tiblaʼ lil Ġona biex issalvah mill-għarqa, Ġona talab minn ġo żaqq il-ħuta: “Mid-dieqa tiegħi sejjaħt lil Jehovah, u hu ssokta jweġibni. Minn żaqq Xeol [infern, King James Version u Douay Version (2:3)] jien għajjatt għall-għajnuna. Int smajt leħni.”—Ġona 2:2.
11 X’ried ifisser Ġona meta qal “minn żaqq l-infern”? Sewwa, żaqq dik il-ħuta żgur li ma kenitx post taʼ turment bin-nar. Imma setgħet saret il-qabar taʼ Ġona. Fil-fatt, Ġesù Kristu qal għalih innifsu: “Sewwa sew bħalma Ġona kien f’żaqq il-ħuta kbira tlett ijiem u tlett iljieli, hekk Bin il-bniedem se jkun fil-qalba taʼ l-art tlett ijiem u tlett iljieli.”—Mattew 12:40.
12. (a) Xi prova hemm li dawk li qegħdin fl-infern jistgħu joħorġu? (b) X’evidenza oħra hemm li l-“infern” ifisser il-“qabar”?
12 Ġesù kien mejjet u f’qabru għal tlett ijiem. Imma l-Bibbja tirrapporta: “Ruħu ma tħallietx fl-infern . . . Lil dan Ġesù kien Alla qajjem.” (Atti 2:31, 32, King James Version) Bl-istess mod, bid-direzzjoni t’Alla, Ġona ġie mqajjem mill-infern, jiġifieri, minn dak li kien se jkun qabru. Dan ġara meta l-ħuta rreġettatu fuq l-art niexfa. Iva, in-nies jistgħu joħorġu mill-infern! Fil-fatt, il-wegħda li tferraħ il-qalb hija li l-infern (Ħades) se jitbattal mill-mejtin kollha tiegħu. Dan tistaʼ tarah billi taqra Rivelazzjoni 20:13, li jgħid: “Il-baħar radd il-mejtin li kienu fih; u l-mewt u l-infern [Ħades] ħelsu lill-mejtin li kienu fihom: u kienu ġġudikati kull bniedem skond ix-xogħlijiet tagħhom.”—King James Version.
GEĦENNA U L-GĦADIRA TAN-NAR
13. Liema kelma Griega li tidher 12-il darba fil-Bibbja hija tradotta “infern” fil-King James Version?
13 Madankollu xi ħadd jistaʼ joġġezzjona, billi jgħid: ‘Il-Bibbja tassew titkellem dwar in-nar taʼ l-infern u l-għadira tan-nar. Ma jagħtix dan prova li l-infern huwa post taʼ turment?’ Veru, xi traduzzjonijiet tal-Bibbja, bħalma hija l-King James Version, jitkellmu dwar “nar taʼ l-infern” u dwar ‘it-tfigħ fl-infern, fin-nar li qatt ma se jintefa.’ (Mattew 5:22; Mark 9:45) B’kollox hemm 12-il vers fl-Iskrittura Griega Kristjana fejn il-King James Version tuża “infern” biex tittraduċi l-kelma Griega Geħenna. Hija Geħenna tassew post taʼ turment bin-nar, fil-waqt li meta Ħades tiġi tradotta “infern” din tfisser sempliċement il-qabar?
14. X’inhi Geħenna, u x’kien isir hemmhekk?
14 B’mod ċar, il-kelma Ebrajka Xeol u l-kelma Griega Ħades tassew ifissru l-qabar. Sewwa, allura, Geħenna xi tfisser? Fl-Iskrittura Ebrajka Geħenna hija “l-wied taʼ Ħinnom.” Ftakar, Ħinnom kien l-isem tal-wied eżatt barra l-ħitan taʼ Ġerusalemm fejn l-Iżraeliti ssagrifikaw lit-tfal tagħhom fin-nar. Maż-żmien, it-twajjeb Sultan Ġosija ġiegħel li dan il-wied jintgħamel m’huwiex addattat biex jintuża għal dik id-drawwa orribbli. (2 Slaten 23:10) Ġie mibdul f’miżbla kbira ferm li fiha kienu jintefgħu ż-żibel u l-iskart.
15. (a) Fi żmien Ġesù, għal liema skop kienet tintuża Geħenna? (b) X’qatt ma kien jiġi mitfugħ hemmhekk?
15 Mela waqt li Ġesù kien fuq l-art, Geħenna kienet il-miżbla taʼ Ġerusalemm. Nirien kienu jinżammu jaqbdu hemmhekk billi jżidulhom il-kubrit biex jikkonsma ż-żibel. Smith’s Dictionary of the Bible, l-I Volum, jispjega: “Din saret il-miżbla komuni tal-belt, fejn l-iġsma mejtin tal-kriminali, u l-karkassi taʼ l-annimali, u kull xorta taʼ ħmieġ ieħor kien jintafaʼ.” L-ebda ħlejqa ħajja, madankollu, ma kienet tintafaʼ hemmhekk.
16. Liema evidenza hemm li Geħenna kienet użata bħala simbolu taʼ qerda taʼ dejjem?
16 Billi kienu jafu bil-miżbla tal-belt tagħhom, l-abitanti taʼ Ġerusalemm fehmu x’ried ifisser Ġesù meta qal lill-mexxejja reliġjużi mill-agħar: “Serpenti, nisel il-lifgħat, kif se taħarbu mill-ġudizzju taʼ Geħenna?” (Mattew 23:33) Ġesù b’mod ċar ma riedx ifisser li dawk il-mexxejja reliġjużi kellhom ikunu tturmentati. Iva, meta l-Iżraeliti kienu qegħdin jaħarqu lit-tfal tagħhom ħajjin f’dak il-wied, Alla qal li qatt ma ħass f’qalbu li jagħmel dik il-ħaġa orribbli! Mela kienet ħaġa ċara li Ġesù kien qiegħed juża lil Geħenna bħala simbolu xieraq taʼ qerda kompleta u għal dejjem. Ried ifisser li dawk il-mexxejja reliġjużi mill-agħar ma kinux denji taʼ rxoxt. Dawk li semgħu lil Ġesù setgħu jifhmu li dawk li jmorru f’Geħenna, bħal tant żibel, kellhom jinqerdu għal dejjem.
17. X’inhi “l-għadira tan-nar,” u xi prova hemm taʼ dan?
17 X’inhi, allura, “l-għadira tan-nar” imsemmija fil-Bibbja fil-ktieb taʼ Rivelazzjoni? Għandha tifsira li tixbah lil dik taʼ Geħenna. Tfisser mhux turment li wieħed ikun konxju tiegħu imma mewt għal dejjem, jew qerda. Innota kif il-Bibbja stess tgħid dan f’Rivelazzjoni 20:14: “U l-mewt u Ħades [infern, King James Version u Douay Version] kienu mixħutin fl-għadira tan-nar. Din tfisser it-tieni mewt, l-għadira tan-nar.” Iva, l-għadira tan-nar tfisser “it-tieni mewt,” il-mewt li minnha m’hemmx irxoxt. Huwa evidenti li din “l-għadira” hija simbolu, għaliex il-mewt u l-infern (Ħades) jintefgħu fiha. Il-mewt u l-infern ma jistgħux jinħarqu litteralment. Imma jistgħu, u se, jitneħħew, jew jinqerdu.
18. X’ifisser li x-Xitan se jkun itturmentat għal dejjem fl-“għadira tan-nar”?
18 ‘Madankollu l-Bibbja tgħid li x-Xitan se jiġi tturmentat għal dejjem fl-għadira tan-nar,’ xi ħadd jistaʼ jgħid. (Rivelazzjoni 20:10) X’ifisser dan? Meta Ġesù kien fuq l-art il-kalzriera kienu xi drabi jissejħu “turmentaturi.” Bħalma qal Ġesù dwar ċertu raġel f’waħda mit-tixbihat tiegħu: “U sidu tgħaddab, u rħieh f’idejn it-turmentaturi, sakemm iħallas id-dejn tiegħu kollu.” (Mattew 18:34, King James Version) Ladarba dawk li jintefgħu fl-“għadira tan-nar” imorru fit-“tieni mewt” li minnha m’hemmx irxoxt, ikunu, biex ngħidu hekk, ikkalzrati għal dejjem fil-mewt. Jibqgħu fil-mewt bħal li kieku taħt il-ħarsien tal-kalzriera għall-eternità kollha. Dawk mill-agħar, m’għandniex xi ngħidu, ma jiġux itturmentati litteralment għax, bħalma rajna, meta wieħed ikun mejjet dan ikun kompletament bla eżistenza. M’hu konxju taʼ xejn.
IR-RAĠEL GĦANI U LAŻŻRU
19. Kif nafu li l-kliem taʼ Ġesù dwar ir-raġel għani u Lażżru huwa tixbieha?
19 X’ried, allura, ifisser Ġesù meta qal f’waħda mit-tixbihat tiegħu: “It-tallab miet, u ġarrewh l-anġli fi ħdan Abraham: ir-raġel għani wkoll miet, u ġie midfun; u fl-infern [Ħades] hu għolla għajnejh ’il fuq, billi kien f’turment, u ra lil Abraham ’il bogħod, u Lażżru fi ħdanu”? (Luqa 16:19-31, King James Version) Ladarba, bħalma rajna, Ħades jirreferi għall-qabar tal-bnedmin, u mhux għal xi post taʼ turment, hija ħaġa ċara li Ġesù hawnhekk kien qiegħed jgħid tixbieha jew storja. Għal iktar xiehda li dan m’huwiex rakkont litterali imma tixbieha, ikkunsidra dan: Qiegħed l-infern litteralment f’distanza li tintlaħaq bid-diskors mis-sema biex setgħet tinżamm diskursata vera bħal din? Barra minn dan, jekk ir-raġel għani kien ġo għadira taqbad b’mod litterali, kif setaʼ Abraham jibgħat lil Lażżru jberridlu lsienu b’taqtira waħda taʼ ilma fuq il-ponta taʼ sebgħu? Ġesù, allura, taʼ liema ħaġa kien qiegħed jagħti tixbieha?
20. Xi tfisser it-tixbieha rigward (a) ir-raġel għani? (b) Lażżru? (ċ) il-mewt tagħhom? (d) it-turmenti tar-raġel għani?
20 Ir-raġel għani fit-tixbieha ffigura lill-mexxejja reliġjużi mkabbrin li ċaħdu lil Ġesù u iktar tard qatluh. Lażżru ffigura lin-nies komuni li aċċettaw l-Iben t’Alla. Il-mewt tar-raġel għani u taʼ Lażżru kienet tirrappreżenta bidla fil-kundizzjoni tagħhom. Din il-bidla seħħet meta Ġesù tamaʼ spiritwalment lin-nies bħal Lażżru mitluqin, sabiex b’hekk kisbu l-favur t’Abraham il-Kbir, Alla Jehovah. Fl-istess waqt, il-mexxejja reliġjużi foloz “mietu” fejn kellu x’jaqsam il-favur t’Alla. Billi ġew mormijin, sofrew turmenti meta s-segwaċi taʼ Kristu kixfu x-xogħlijiet mill-agħar tagħhom. (Atti 7:51-57) Mela din it-tixbieha ma tgħallimx li xi nies mejtin jiġu tturmentati f’infern litterali tan-nar.
TAGĦLIM IMNEBBAĦ MIX-XITAN
21. (a) Ix-Xitan liema gideb xerred? (b) Għala nistgħu nkunu żguri li t-tagħlim tal-purgatorju huwa falz?
21 Kien ix-Xitan li qal lil Eva: “Intom żgur li m’intomx se tmutu.” (Ġenesi 3:4; Rivelazzjoni 12:9) Imma hi tassew mietet; l-ebda parti minnha ma baqgħet ħajja. Li r-ruħ tkompli tgħix wara l-mewt hija gidba mibdija mix-Xitan. U hija wkoll gidba, li x-Xitan ġiegħel li tinxtered, li l-erwieħ taʼ dawk mill-agħar jiġu tturmentati f’xi infern jew f’xi purgatorju. Ladarba l-Bibbja turi ċar u tond li l-mejtin m’humiex konxji, dan it-tagħlim ma jistax ikun veru. Fil-fatt, la l-kelma “purgatorju” lanqas l-idea taʼ xi purgatorju ma tinstab fil-Bibbja.
22. (a) X’tgħallimna minn dan il-kapitlu? (b) X’effett kellu fuqek dan l-għarfien?
22 Aħna rajna li l-infern (Xeol, jew Ħades) huwa post taʼ mistrieħ f’tama għall-mejtin. Kemm it-tajbin kif ukoll il-ħżiena jmorru fih, biex jistennew l-irxoxt. Tgħallimna wkoll li Geħenna ma tfissirx post taʼ turment, imma tintuża fil-Bibbja bħala simbolu taʼ qerda taʼ dejjem. Bl-istess mod, “l-għadira tan-nar” m’hijiex post litterali taʼ nar, imma tirrappreżenta t-“tieni mewt” li minnha m’huwiex se jkun hemm irxoxt. L-infern ma jistax ikun post taʼ turment għax idea bħal din qatt ma ġiet f’moħħ jew f’qalb Alla. Iktar minn hekk, li titturmenta lil xi ħadd għall-eternità għaliex għamel il-ħażin fuq l-art għal ftit snin huwa kuntrarju għall-ġustizzja. Kemm huwa tajjeb li tkun taf il-verità dwar il-mejtin! Dan jistaʼ verament jeħles lil dak li jkun mill-biżaʼ u mis-superstizzjoni.—Ġwann 8:32.
[Kaxxa f’paġna 83]
Il-kelma Ebrajka “Xeol” u l-kelma Griega “Ħades” ifissru l-istess ħaġa
American Standard Version
10 Għax int m’intix se tħalli ruħi lil
Xeol;
Lanqas ma se tiflaħ tara lill-wieħed
qaddis tiegħek jara t-taħsir.
31 hu billi ra dan bil-quddiem tkellem dwar l-irxoxt tal-Kristu, li la tħalla lil Ħades, lanqas ma laħmu ra t-taħsir.
[Stampa f’paġna 84, 85]
Wara li nbalaʼ minn ħuta, Ġona għala qal: ‘Minn żaqq l-infern jien għajjatt’?
[Stampa f’paġna 86]
Geħenna kien wied barra Ġerusalemm. Ġie wżat bħala simbolu taʼ mewt għal dejjem