Il-Ħajja Kontrollata mis-Superstizzjoni
ĦIEREĠ mill-bieb tad-dar u tiġi wiċċ imbwiċċ maʼ xi ħadd. Taħbat sebgħek maʼ xi ġebla. Tismaʼ għajta t’għasfur partikulari bil-lejl. Toħlom dejjem l-istess ħolma. Għal ħafna dawn huma ġrajjiet sempliċi li ma jfissru xejn. Imma ċerti nies fil-Punent taʼ l-Afrika jistgħu jiħduhom bħala sinjali, teħbir, jew messaġġi mill-qasam taʼ l-ispirti. Jekk dawn iġibux riżq jew deni jiddependi minn xi jkun is-sinjal u l-interpretazzjoni tiegħu.
M’għandniex xi ngħidu, is-superstizzjonijiet jemmnu bihom ukoll f’pajjiżi oħra minbarra l-Afrika. Minkejja li n-numru kbir taʼ nies li jgħixu fiċ-Ċina u fir-repubbliki taʼ dik li kienet l-Unjoni Sovjetika ilhom iħaddnu l-ateiżmu għal bosta snin bħala t-twemmin uffiċjali tagħhom, huma xorta għadhom jemmnu bis-superstizzjonijiet. Fid-dinja tal-Punent, ħafna nies iħobbu jaraw x’jgħid l-oroskopju, jibżgħu meta t-13 tax-xahar jaħbat il-Ġimgħa, u jevitaw il-qtates suwed. Xi nies li jgħixu fl-Emisfera tat-Tramuntana jqisu l-aurora borealis (faxex taʼ dwal kuluriti fis-sema) bħala tbassira taʼ gwerer u pesti. Fl-Indja, l-AIDS qed tinxtered mis-sewwieqa tat-trakkijiet minħabba li dawn jemmnu li jekk ikollhom relazzjonijiet sesswali jkunu jistgħu jżommu friski fil-ġranet sħan. Fil-Ġappun, ħaddiema li jaħdmu fil-mini jemmnu li jekk mara tidħol fil-mina qabel ma jlestuha, din iġġibilhom riżq ħażin. Anki fl-isports professjonali hemm ħafna min jemmen bis-superstizzjonijiet. Wieħed li jilgħab il-volleyball saħansitra qal li kien qed jirbaħ daqshekk għax kien qed jilbes il-kalzetti s-suwed minflok il-bojod. Il-lista ma tispiċċa qatt.
Xi ngħidu dwarek? Għandek int xi biżaʼ moħbi li ma tistax tispjegah? Effettwat int minn xi ‘idea, prattika, eċċetra msejsa fuq it-twemmin li xi ġrajjiet ma jistgħux jitfissru bir-raġuni’? It-tweġiba tiegħek tistaʼ tgħid jekk intix superstizzjuż jew le, għaliex skond dizzjunarju wieħed din hi t-tifsira tal-kelma “superstizzjoni.”
Individwu li jħalli s-superstizzjonijiet jeffettwawlu d-deċiżjonijiet u r-rutina tiegħu taʼ kuljum qed iħalli lilu nnifsu jiġi dominat minn xi ħaġa li lanqas biss jifhimha. Huwa dan għaqli? Għandna aħna nissottomettu ruħna lejn din l-influwenza li hija dubjuża u li x’aktarx hija ħażina? Hija s-superstizzjoni dgħjufija insinifikanti jew theddida perikoluża?