LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 8/1 pp. 4-7
  • Qegħdin is-Superstizzjonijiet Jikkontrollawlek Ħajtek?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Qegħdin is-Superstizzjonijiet Jikkontrollawlek Ħajtek?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Hemm wara s-​Superstizzjonijiet?
  • Bla Ebda Ħsara jew Perikolużi?
  • Is-​Sors tas-​Superstizzjonijiet
  • Protezzjoni mill-​Ħażen Hija Possibbli?
  • Il-​Benefiċċji taʼ l-​Għarfien dwar Alla
  • Hija s-Superstizzjoni fi Qbil mat-Tagħlim tal-Bibbja?
    Stenbaħ!—2008
  • Il-Ħajja Kontrollata mis-Superstizzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Irreżisti l-Forzi taʼ l-Ispirti mill-Agħar
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 8/1 pp. 4-7

Qegħdin is-​Superstizzjonijiet Jikkontrollawlek Ħajtek?

IS-​SUPERSTIZZJONIJIET jinsabu tistaʼ tgħid f’kull rokna tad-​dinja. Hemm pajjiżi fejn dawn jitqiesu bħala parti importanti mill-​wirt kulturali u hemm oħrajn fejn jitqiesu sempliċement bħala xi ħaġa żgħira li tqanqal il-​kurżità, li taqtaʼ daqsxejn mill-​monotonija tal-​ħajja. Fid-​dinja tal-​Punent, is-​superstizzjonijiet ma jiħduhomx daqshekk bis-​serjetà. F’postijiet oħra, bħal per eżempju fl-​Afrika, is-​superstizzjonijiet jeffettwaw serjament il-​ħajja tan-​nies.

Il-​biċċa l-​kbira mill-​kultura Afrikana hija bbażata fuq is-​superstizzjonijiet. Il-​films, il-​programmi tar-​radju, u l-​letteratura li jiġu prodotti fl-​Afrika taʼ spiss jenfasizzaw is-​superstizzjonijiet u suġġetti mistiċi, bħalma huma l-​maġija, il-​qima taʼ l-​antenati, u l-​oġġetti użati għall-​protezzjoni sopranaturali. In-​nies għala huma daqshekk influwenzati mis-​superstizzjonijiet, u dawn minfejn bdew?

X’Hemm wara s-​Superstizzjonijiet?

Ħafna mis-​superstizzjonijiet bażikament jinbtu minħabba l-​biżaʼ mill-​ispirti tal-​mejtin jew minn kull xorta taʼ spirtu ieħor. Ġrajjiet jiġu interpretati bħala attentati magħmulin mill-​ispirti biex jikkuntattjaw lill-​ħajjin b’xi theddida, twissija, jew barka.

Is-superstizzjonijiet huma assoċjati mill-​qrib mal-​fejqan u l-​mediċina. Għall-​biċċa l-​kbira min-​nies fil-​pajjiżi sotto-żviluppati, il-​mediċini moderni jiswew ħafna flus u taʼ spiss lanqas biss jistgħu jiksbuhom. Għaldaqstant, ħafna jfittxu l-​kura jew jieħdu miżuri biex iħarsu lilhom infushom mill-​mard billi jduru lejn id-​drawwiet taʼ l-​antenati, l-​ispiritiżmu, u s-​superstizzjonijiet. Barra minn hekk, huma jħossuhom iktar komdi jmorru għand saħħâr li jaf id-​drawwiet tagħhom u li jitkellem bid-​djalett tagħhom milli għand xi tabib. B’dan il-​mod, it-​twemmin superstizzjuż jibqaʼ dejjem ħaj.

Skond tradizzjonijiet superstizzjużi, il-​mard u l-​aċċidenti m’humiex sempliċement affarijiet li jiġru b’kumbinazzjoni, imma ġrajjiet li jiġu kaġunati minn forzi mid-​dinja taʼ l-​ispirti. Is-​sħaħar għandhom mnejn isostnu li xi antenat mejjet jinsab imnikket minħabba xi ħaġa. Jew inkella l-​medji taʼ l-​ispirti jistgħu jissuġġerixxu li xi ħadd ikun għamel xi magħmul fuq il-​vittma permezz taʼ xi saħħâr rivali, u għalhekk tkun qabditu dik il-​marda jew ġralu dak l-​aċċident.

Is-superstizzjonijiet ivarjaw ħafna madwar id-​dinja, u dawn jinxterdu permezz tal-​folklor, il-​leġġendi, u ċ-​ċirkustanzi tal-​pajjiż. Imma taf x’hemm komuni f’dawn kollha? It-​twemmin li xi ħadd, jew xi ħaġa, mid-​dinja inviżibbli taʼ l-​ispirti għandu bżonn l-​għajnuna biex isib il-​mistrieħ.

Bla Ebda Ħsara jew Perikolużi?

It-​twelid taʼ tewmin huwa okkażjoni mhux tas-​soltu u taʼ ferħ kbir għall-​biċċa l-​kbira mill-​familji. Madankollu, għal dawk li huma superstizzjużi, dan jistaʼ jiġi interpretat bħala sinjal. F’xi reġjuni tal-​Punent taʼ l-​Afrika, hemm ħafna nies li jqisuh bħala t-​twelid taʼ allat, u jagħtu qima lit-​tewmin. Jekk wieħed mit-​tewmin jew it-​tnejn li huma jmutu, il-​familja tagħmel statwi żgħar taʼ dawn it-​tewmin, u trid toffri ikel lil dawn l-​idoli. F’xi postijiet oħra, in-​nies iqisu t-​twelid tat-​tewmin bħala saħta, li saħansitra xi ġenituri jaslu biex joqtlu minn taʼ l-​inqas wieħed jew waħda minnhom. Għala? Għax jemmnu li jekk it-​tnejn li huma jibqgħu ħajjin, xi darba jew oħra dawn joqtlu lill-​ġenituri tagħhom.

Eżempji bħal dawn juru li għalkemm xi superstizzjonijiet jistgħu jidhru innoċenti u li ma jagħmlu ebda ħsara, oħrajn jistgħu jkunu perikolużi—saħansitra qattiela. Jekk xi ġrajja li ma tagħmel ebda ħsara tiġi interpretata bħala tbassira t’għawġ kbir, din tistaʼ tinbidel u ssir kwistjoni perikoluża.

Iva, fir-​realtà, is-​superstizzjonijiet huma twemmin, forma taʼ reliġjon. Meta nqisu l-​aspetti perikolużi tas-​superstizzjonijiet, nagħmlu tajjeb li nistaqsu: Min qed jibbenefika minn dan it-​twemmin u prattiċi superstizzjużi?

Is-​Sors tas-​Superstizzjonijiet

Minkejja l-​evidenza kollha li hawn dwar l-​eżistenza taʼ Satana jew l-​ispirti l-​ħżiena, xi wħud jgħidu li dawn ma jeżistux. Madankollu, jekk xi ħadd jinjora l-​eżistenza t’għadu perikoluż fi żmien taʼ gwerra, dan jistaʼ jwasslu biss għal diżastru. L-​istess jistaʼ jiġri fil-​każ taʼ ġlieda kontra l-​ħlejjaq spirti li huma aqwa mill-​bniedem, għaliex l-​appostlu Pawlu kiteb: “Għax il-​ġlieda tagħna . . . [hi] kontra l-​ispirti ħżiena.”—Korsiv tagħna; Efesin 6:12.

Avolja ma nistgħux narawhom, l-​ispirti l-​ħżiena tassew jeżistu. Fil-​Bibbja nsibu rakkont dwar kif spirtu inviżibbli uża serp, bħalma ventrilokwista juża pupazz, biex ikkomunika maʼ l-​ewwel mara, Eva, u wassalha biex tirribella kontra Alla. (Ġenesi 3:​1-5) Il-​Bibbja tidentifika lil dan l-​ispirtu bħala “s-​Serp tal-​qedem, li hu msejjaħ id-​Demonju u x-​Xitan, il-​qarrieq tad-​dinja kollha.” (Apokalissi 12:9) Dan il-​wieħed, Satana, irnexxielu jħajjar anġli oħrajn biex jirribellaw ukoll. (Ġuda 6) Dawn l-​anġli mill-​agħar saru demonji, għedewwa t’Alla.

Ġesù keċċa d-​demonji minn ġon-​nies, bħalma għamlu wkoll id-​dixxipli tiegħu. (Mark 1:34; Atti 16:18) Dawn l-​ispirti m’humiex xi antenati mejtin, għax il-​mejtin “ma jafu xejn.” (Koħèlet 9:5) Għall-​kuntrarju, dawn huma l-​anġli ribellużi li Satana kien qarraq bihom. Irridu noqogħdu attenti li ma nikkuntattjawhomx jew inħalluhom jinfluwenzawlna ħajjitna għax din hija ħaġa serja ħafna. Dawn, bħall-​mexxej tagħhom, Satana x-​Xitan, jixtiequ jibilgħuna. (1 Pietru 5:8) Il-​mira tagħhom hi li jbegħduna mill-​unika tama li hemm għall-​bnedmin—is-​Saltna t’Alla.

Il-Bibbja tirrivela wieħed mill-​metodi li jużaw Satana u d-​demonji tiegħu: “Satana stess jitbiddel f’anġlu tad-​dawl.” (2 Korintin 11:14) Satana kieku jixtieq li jaljenana u jġagħalna nemmnu li hu jistaʼ joffrilna ħajja aħjar. Għaldaqstant, għandu mnejn jidher li jkun ħareġ xi ġid temporanju mill-​intervent taʼ dawn l-​ispirti ħżiena. Però, dawn ma jistgħux joffru soluzzjonijiet dejjiema. (2 Pietru 2:4) Huma qatt ma jistgħu jagħtu l-​ħajja taʼ dejjem lil xi ħadd, u huma nfushom dalwaqt se jiġu meqrudin. (Rumani 16:20) Il-​Ħallieq tagħna hu l-​uniku sors taʼ ħajja taʼ dejjem u ferħ veru, kif ukoll l-​aqwa protezzjoni li qatt jistaʼ jkollna mill-​ispirti l-​ħżiena.—Ġakbu 4:7.

Alla jikkundanna lil min ifittex l-​għajnuna permezz taʼ prattiċi spiritistiċi. (Dewteronomju 18:​10-12; 2 Slaten 21:6) Tkun qisek qed tieħu gost tagħmilha maʼ l-​għadu, u tidħol f’rabta maʼ dawk li jittradixxu lil Alla! Meta tikkonsulta l-​oroskopju, tmur għall-​pariri għand saħħâr tat-​tribù, jew tinvolvi ruħek fi kwalunkwe prattika superstizzjuża, dan ikun ifisser li qed tħalli l-​ispirti ħżiena jikkontrollaw id-​deċiżjonijiet li tieħu f’ħajtek. Tkun daqslikieku qed tingħaqad magħhom fir-​ribelljoni tagħhom kontra Alla.

Protezzjoni mill-​Ħażen Hija Possibbli?

Adea raġel li jgħix in-​Niġer, kien qed jistudja l-​Bibbja maʼ wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah, li kien predikatur full-time. Ade spjega għala kellu taliżman fil-​ħanut tiegħu: “Hawn ħafna għedewwa.” Dak li kien qed jistudja l-​Bibbja miegħu wrieh li ħadd ma setaʼ verament jipproteġih ħlief Jehovah. Lil Ade qralu Salm 34:8 (34:​7, NW), li tgħid: “L-​anġlu tal-​Mulej jgħasses madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.” Ade wasal għall-​konklużjoni: “La Jehovah jistaʼ tassew jipproteġini, allura jien se nneħħi t-​taliżman.” Issa, wara dawn is-​snin kollha, hu qed jaqdi bħala anzjan u ministru full-time. L-​ebda wieħed mill-​għedewwa tiegħu m’għamillu ħsara.

Il-​Bibbja turi li ż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennija jiġu fuqna lkoll, sew jekk aħna superstizzjużi u sew jekk le. (Koħèlet 9:11) Imma Jehovah qatt ma se jġarrabna b’affarijiet ħżiena. (Ġakbu 1:13) Il-​mewt u l-​imperfezzjoni ġew minħabba d-​dnub li writna mingħand Adam. (Rumani 5:12) Minħabba f’hekk, kulħadd jimrad xi darba jew oħra u anki jagħmel żbalji li jistgħu jwasslu għal konsegwenzi koroh. Għalhekk, ikun żball li nwaħħlu fl-​ispirti ħżiena li qed jikkaġunawlna kull marda jew problema li tistaʼ tinqalgħalna. Twemmin bħal dan jistaʼ biss ikun taʼ tentazzjoni għalina biex nipprovaw nogħġbu b’xi mod lill-​ispirti.b Meta nimirdu, għandna nfittxu l-​għajnuna medika xierqa, mhux xi parir mingħand Satana x-​Xitan, dak il-​“giddieb u missier il-​gideb.” (Ġwann 8:44) L-​istatistika turi li f’pajjiżi fejn in-​nies jemmnu ħafna bis-​superstizzjonijiet taʼ l-​antenati tagħhom, dawn ma jgħixux ħajja itwal jew aħjar minn dik tan-​nies f’pajjiżi oħra. Mela, jidher ċar li s-​superstizzjonijiet ma jagħmlu ebda ġid lis-​saħħa.

Alla huwa iktar qawwi minn kwalunkwe spirtu ħażin, u Hu interessat fil-​ġid tagħna. “Għajnejn il-​Mulej huma fuq il-​ġusti u widnejh miftuħa għat-​talb tagħhom.” (1 Pietru 3:12) Itlob lilu għall-​protezzjoni u l-​għerf. (Proverbji 15:29; 18:10) Agħmel sforz biex tifhem il-​Kelma Mqaddsa tiegħu, il-​Bibbja. L-​għarfien eżatt tal-​Bibbja hu l-​aqwa protezzjoni li jistaʼ jkollna. Se jgħinna nindunaw għala jiġru l-​affarijiet ħżiena u kif nistgħu niksbu l-​approvazzjoni t’Alla li Jistaʼ Kollox.

Il-​Benefiċċji taʼ l-​Għarfien dwar Alla

L-​għarfien eżatt dwar Jehovah u l-​iskopijiet tiegħu—l-​oppost taʼ l-​injoranza u s-​superstizzjoni—huwa l-​qofol biex niksbu l-​protezzjoni vera. Dan nistgħu narawh fil-​każ taʼ Jean, raġel mill-​Benin. Il-​familja taʼ Jean kienu jemmnu ħafna bis-​superstizzjonijiet. Skond drawwiet superstizzjużi tat-​tribù, mara li tkun għadha kif wildet iben kien ikollha toqgħod f’għarix li jkun inbena apposta għaliha, għal disat ijiem sħaħ. Jekk ikollha tifla, hi kellha tibqaʼ f’dan l-​għarix għal sebat ijiem.

Fl-1975, mart Jean wildet tifel il-​ġmiel tiegħu, li semmewh Marc. Billi kienu jafu xi tgħid il-​Bibbja, Jean u martu ma ridux jinvolvu ruħhom maʼ l-​ispirti l-​ħżiena. Imma kienu huma se jċedu għall-​biżaʼ u l-​pressjoni biex jagħmlu skond ma titlob is-​superstizzjoni u l-​mara tmur toqgħod f’dan l-​għarix? Le, huma rrifjutaw din is-​superstizzjoni tat-​tribù.​—Rumani 6:16; 2 Korintin 6:​14, 15.

Ġralha xi ħsara l-​familja taʼ Jean? Bosta snin għaddew minn dakinhar, u Marc issa qed jaqdi bħala qaddej ministerjali fil-​kongregazzjoni lokali tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Il-​membri tal-​familja kollha jinsabu ferħanin li ma ħallewx is-​superstizzjoni tinfluwenzalhom ħajjithom u tipperikola l-​ġid spiritwali tagħhom.—1 Korintin 10:​21, 22.

Il-Kristjani veri jridu jevitaw il-​prattiċi mistkerrha tas-​superstizzjoni fil-​ħajja tagħhom u jaċċettaw id-​dawl spiritwali offrut mill-​Ħallieq, Jehovah, u Ibnu, Ġesù Kristu. B’hekk huma jistgħu jgawdu l-​paċi vera tal-​moħħ li tiġi milli jkunu jafu li qed jagħmlu dak li hu sewwa f’għajnejn Alla.—Ġwann 8:32.

[Noti taʼ taħt]

a L-ismijiet ġew mibdulin.

b Ara l-​artiklu “Huwa x-​Xitan li Jġib il-​Mard Fuqna?” fit-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Settembru, 1999.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 5]

Xi Superstizzjonijiet Komuni Madwar id-​Dinja

• Iċ-​ċopstiks weqfin fi skutella ross huma sinjal taʼ mewt

• Jekk tara kokka fid-​dawl tax-​xemx ikollok riżq ħażin

• Meta xemgħa tintefaʼ matul ċerimonja jkun ifisser li hemm spirti ħżiena fil-​viċin

• Jekk twaqqaʼ umbrella maʼ l-​art ikun ifisser li se jseħħ qtil fid-​dar

• Jekk tpoġġi kappell fuq is-​sodda jkollok riżq ħażin

• Il-​ħoss tal-​qniepen ikeċċi lix-​xjaten

• Jekk titfi mill-​ewwel ix-​xemgħat kollha taʼ fuq il-​kejk t’għeluq sninek tinqatagħlek xewqa

• Jekk xkupa sserraħ mas-​sodda, l-​ispirti l-​ħżiena fl-​ixkupa jagħmlu magħmul lis-​sodda

• Jekk qattus iswed jgħaddi minn quddiemek ikollok riżq ħażin

• Jekk twaqqaʼ furketta jkun ifisser li ġej iżurek raġel

• Stampa taʼ ljunfanti li tkun faċċata taʼ bieb iġġib riżq tajjeb

• Nagħla fuq fetħa taʼ bieb iġġib riżq tajjeb

• Liedna li tikber mad-​dar isservi taʼ protezzjoni kontra l-​ħsara

• Jekk timxi taħt sellum ikollok riżq ħażin

• Jekk tkisser mera jkun ifisser sebaʼ snin taʼ riżq ħażin

• Jekk ixxerred il-​bżar ikun ifisser li se jkollok xi tgħid maʼ l-​aqwa ħabib tiegħek

• Jekk ixxerred il-​melħ se jkollok riżq ħażin sakemm ma taqbadx ftit u titfgħu wara spalltek tax-​xellug

• Jekk ikollok pultruna li titbandal u tħalliha titbandal waqt li tkun vojta tkun qed tistieden lix-​xjaten ipoġġu bil-​qiegħda fuqha

• Jekk tħalli żarbun bil-​maqlub ikollok riżq ħażin

• Meta xi ħadd imut, it-​twieqi għandhom jinfetħu biex ir-​ruħ tkun tistaʼ toħroġ

[Kaxxa f,paġna 6]

Meħlusin mill-​Influwenza tas-​Superstizzjonijiet

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kienu qed jippridkaw fl-​inħawi taʼ l-​Afrika t’Isfel. Darba minnhom ħabbtu bieb u x’ħin infetaħ, ix-​Xhieda ġew wiċċ imbwiċċ maʼ mara li kienet liebsa l-​libsa u l-​aċċessorji kollha tas-​Sangoma (saħħara). Huma riedu jitilqu, imma l-​mara insistiet li jgħidulha l-​messaġġ. Wieħed mix-​Xhieda qralha Dewteronomju 18:​10-12 biex juriha dak li jgħid Alla dwar il-​prattiċi spiritistiċi. Is-​saħħara aċċettat il-​messaġġ u qablet li tibda tistudja l-​Bibbja. Hi qalet li jekk tkun konvinta mill-​istudju tal-​Bibbja li x-​xogħol tagħha bħala Sangoma kien kontra r-​rieda taʼ Jehovah, hi kienet se tieqaf.

Wara li studjat kapitlu 10 fil-​ktieb Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-​Ġenna Fuq L-​Art flimkien mal-​Bibbja, hi ħarqet kwalunkwe ħaġa li kellha x’taqsam mas-​seħer u bdiet tattendi l-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna. Barra minn hekk, hi illegalizzat iż-​żwieġ tagħha, avolja kienet ilha separata minn żewġha għal 17-il sena. Issa t-​tnejn huma Xhieda dedikati u mgħammdin taʼ Jehovah.

[Stampa f’paġna 6]

“Sangoma” titfaʼ l-​għadam biex permezz tad-​divinazzjoni tipprova taqtaʼ x’kien qed jikkaġuna l-​problemi tal-​pazjent tagħha

[Stampi f’paġna 7]

Għarfien eżatt dwar Alla jġibilna protezzjoni u ferħ veru

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja