LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 8/1 pp. 14-19
  • Imqanqlin mill-“Għeġubijiet taʼ Alla”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Imqanqlin mill-“Għeġubijiet taʼ Alla”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Imqanqlin biex Jaġixxu!
  • Il-​Kelma t’Alla Hi Qawwija
  • Imqanqlin biex Jirriflettu l-​Livelli taʼ Jehovah
  • “Tħobbux id-​Dinja”
  • Ġeħova Jinteressah minn Kif Nilbsu u Nidhru
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Kaxxa għall-Mistoqsija
    Il-Ministeru tas-Saltna—2008
  • Inkunu Modesti fl-Ilbies u d-Dehra
    Il-Ministeru tas-Saltna—2002
  • Kaxxa għall-Mistoqsija
    Il-Ministeru tas-Saltna—1998
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 8/1 pp. 14-19

Imqanqlin mill-​“Għeġubijiet taʼ Alla”

“Qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-​ilsna tagħna l-​għeġubijiet taʼ Alla.”​—Atti 2:​11.

1, 2. Liema ħaġa taʼ l-​għaġeb ġrat f’Ġerusalemm f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K.?

GĦODWA waħda, lejn tmiem ir-​rebbiegħa tas-​sena 33 E.K., ġrat xi ħaġa taʼ l-​għaġeb lil grupp taʼ rġiel u nisa, dixxipli taʼ Ġesù Kristu li kienu miġburin f’dar privata f’Ġerusalemm. “F’daqqa waħda ġie mis-​sema ħoss bħal taʼ riħ qawwi, u mela d-​dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-​nar . . . [u] mtlew ilkoll bl-​Ispirtu s-​Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra.”—Atti 2:​2-4, 15.

2 Quddiem id-​dar inġabret ġemgħa kbira taʼ nies. Fosthom kien hemm Lhud li twieldu barra ’l pajjiż, “nies twajba” li kienu ġew Ġerusalemm biex jiċċelebraw Għid il-​Ħamsin, jew il-​festa taʼ Pentekoste. Huma baqgħu mistagħġbin għax kull wieħed minnhom semaʼ lid-​dixxipli jitkellmu bil-​lingwa tiegħu dwar “l-​għeġubijiet taʼ Alla.” Kif setaʼ jkun dan meta dawk li kienu qed jitkellmu kienu kollha Galilin?—Atti 2:​5-8, 11.

3. L-​appostlu Pietru liema messaġġ wassal lill-​ġemgħa f’Pentekoste?

3 Wieħed minn dawk il-​Galilin kien lappostlu Pietru. Hu spjega li ftit ġimgħat qabel, Ġesù Kristu kien inqatel minn nies ħżiena. Madankollu, Alla qajjem lil Ibnu mill-​imwiet. Imbagħad, Ġesù deher lil ħafna mid-​dixxipli tiegħu, fosthom Pietru u oħrajn li issa kienu jinsabu hemmhekk. Għaxart ijiem biss qabel, Ġesù kien telaʼ s-​sema. Kien hu li sawwab l-​ispirtu qaddis fuq id-​dixxipli tiegħu. Kellu dan xi tifsir għal dawk li ċċelebraw il-​festa taʼ Pentekoste? Iva, tabilħaqq. Il-​mewt taʼ Ġesù ħejjitilhom it-​triq biex jaqilgħu l-​maħfra għal dnubiethom u biex jirċievu “d-​don taʼ l-​Ispirtu s-​Santu” jekk jeżerċitaw fidi fih. (Atti 2:​22-24, 32, 33, 38) Allura din il-​ġemgħa t’osservaturi kif wieġbet meta semgħet dwar “l-​għeġubijiet taʼ Alla”? U dan ir-​rakkont kif jistaʼ jgħinna neżaminaw is-​servizz tagħna lejn Jehovah?

Imqanqlin biex Jaġixxu!

4. Liema profezija taʼ Ġoel twettqet nhar Pentekoste tas-​sena 33 E.K.?

4 Meta rċivew l-​ispirtu qaddis, id-​dixxipli f’Ġerusalemm ma tilfux żmien biex jaqsmu l-​aħbar tajba taʼ salvazzjoni m’oħrajn, billi bdew bil-​ġemgħa li kienet inġabret f’dik l-​għodwa. L-​ippridkar tagħhom wettaq profezija straordinarja, li nkitbet tmien sekli qabel minn Ġoel, bin Petwel: “Jiena nsawwab l-​Ispirtu tiegħi fuq il-​ħlejjaq kollha. Uliedkom iħabbru, subjien u bniet, ix-​xjuħ tagħkom ikollhom ħolm, iż-​żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet. U mqar fuq il-​qaddejja, rġiel u nisa, nsawwab l-​ispirtu tiegħi f’dawk il-​jiem . . . qabel ma jasal Jum il-​Mulej, kbir u tal-​biżaʼ!”—Ġoel 1:1; 3:​1, 2, 4 (2:​28, 29, 31, NW); Atti 2:​17, 18, 20.

5. Il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu f’liema sens ipprofetizzaw? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

5 Kien ifisser dan li Alla kien se jqajjem ġenerazzjoni sħiħa taʼ profeti, kemm irġiel u kemm nisa, bħalma kienu David, Ġoel, u Debora, u jużahom biex ibassar ġrajjiet futuri? Le. Is-​‘subjien u bniet, il-​qaddejja, rġiel u nisa’ Kristjani kienu se jipprofetizzaw fis-​sens li kienu se jiġu mqanqlin mill-​ispirtu taʼ Jehovah biex jiddikjaraw “l-​għeġubijiet” li Jehovah għamel u kien għadu se jagħmel. Allura kienu se jaqdu bħala kelliema għall-​Iktar Għoli.a Imma l-​ġemgħa kif irreaġixxiet?—Lhud 1:​1, 2.

6. Malli semgħu d-​diskors taʼ Pietru, ħafna min-​nies miġmugħin x’ġew imqanqlin jagħmlu?

6 Wara li n-​nies miġmugħin semgħu l-​ispjegazzjoni taʼ Pietru, ħafna minnhom tqanqlu biex jaġixxu. Huma “laqgħu kliemu [u] tgħammdu u dak in-​nhar ingħaqdu mad-​dixxipli madwar tlitt elef ruħ.” (Atti 2:41) Bħala Lhud naturali u proseliti Lhud, huma diġà kellhom għarfien bażiku taʼ l-​Iskrittura. Dan, flimkien maʼ fidi f’dak li tgħallmu mingħand Pietru, tahom il-​bażi biex jitgħammdu “fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu.” (Mattew 28:19) Wara li tgħammdu, huma komplew “iżommu sħiħ fit-​tagħlim taʼ l-​appostli.” Fl-​istess ħin, huma bdew jaqsmu l-​fidi ġdida tagħhom m’oħrajn. Tabilħaqq, “kuljum kienu jmorru fit-​tempju flimkien, . . . u kienu jfaħħru lil Alla, u l-​poplu kollu kien iġibhom.” Ir-​riżultat taʼ din l-​attività t’għoti taʼ xiehda kien li “minn jum għal ieħor il-​Mulej kien iżidilhom magħhom lil dawk li jkunu salvi.” (Atti 2:​42, 46, 47) Fi żmien qasir bdew jiġu fformati kongregazzjonijiet Kristjani f’ħafna mill-​pajjiżi fejn kienu jgħixu dawn il-​kredenti ġodda. Bla dubju, din iż-​żjieda kienet, għallinqas sa ċertu punt, riżultat taʼ l-​isforzi żelużi tagħhom biex jippridkaw “l-​Evanġelju” meta marru lura d-​dar.—Kolossin 1:23.

Il-​Kelma t’Alla Hi Qawwija

7. (a) Illum x’jiġbed lil nies mill-​ġnus kollha lejn l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah? (b) Liema possibbiltajiet tistaʼ tara għal iktar żjieda fl-​għalqa mad-​dinja kollha u dik lokali? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

7 Xi ngħidu għal dawk li għandhom ix-​xewqa li jsiru qaddejja t’Alla llum? Huma wkoll jeħtieġu li jistudjaw il-​Kelma t’Alla bir-​reqqa. Huma u jagħmlu dan, isiru jafu lil Jehovah bħala Alla li “jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-​tjieba u l-​fedeltà.” (Eżodu 34:6; Atti 13:48) Huma jitgħallmu dwar il-​fidwa li Jehovah ipprovda b’qalb tajba permezz taʼ Ġesù Kristu li d-​demm imxerred tiegħu jistaʼ jnaddafhom minn kull dnub. (1 Ġwann 1:7) Huma jsiru japprezzaw ukoll l-​iskop t’Alla “li kemm it-​tajbin u kemm il-​ħżiena [“mhux twajbin,” NW] għad iqumu minn bejn l-​imwiet.” (Atti 24:15) L-​imħabba għas-​Sors taʼ dawn “l-​għeġubijiet” timlielhom qlubhom, u huma jitqanqlu biex jippridkaw dawn il-​veritajiet prezzjużi. Imbagħad isiru qaddejja dedikati u mgħammdin t’Alla u jkomplu ‘jikbru fl-​għarfien [eżatt] taʼ Alla.’b—Kolossin 1:10b; 2 Korintin 5:14.

8-10. (a) L-esperjenza taʼ waħda mara Kristjana kif turi li l-​Kelma t’Alla “hi qawwija”? (b) X’għallmitek din l-​esperjenza dwar Jehovah u l-​mod kif jittratta mal-​qaddejja tiegħu? (Eżodu 4:12)

8 L-​għarfien li l-​qaddejja t’Alla jiksbu mill-​istudju tagħhom tal-​Bibbja m’huwiex superfiċjali. Għarfien bħal dan iqanqlilhom qlubhom, jibdlilhom il-​mod kif jaħsbu, u jsir parti minnhom. (Lhud 4:12) Per eżempju, waħda mara jisimha Camille kienet taħdem max-​xjuħ. Waħda minn dawk li kienet tieħu ħsieb kien jisimha Martha, li kienet Xhud taʼ Jehovah. Martha kienet marida bil-​marda mentali tad-​dimenzja, marda li tant kienet effettwata bl-​ikrah li kellha bżonn taʼ superviżjoni l-​ħin kollu. Hi kellha bżonn taʼ xi ħadd li jfakkarha biex tiekol—saħansitra anki biex tiblaʼ l-​ikel. Madankollu, kien hemm ħaġa waħda li baqgħet stampata sew f’moħħ Martha, bħalma se naraw.

9 Darba waħda, Martha rat lil Camille tibki għaliex kienet imnikkta minħabba xi problemi persunali. Martha dawret dirgħajha maʼ Camille u stidnitha tistudja l-​Bibbja magħha. Imma setgħet persuna fil-​qagħda taʼ Martha tikkonduċi studju tal-​Bibbja? Iva, setgħet! Għalkemm kienet tilfet ħafna mill-​memorja tagħha, Martha ma kinitx insiet lil Alla meraviljuż tagħha; u lanqas ma kienet insiet il-​veritajiet prezzjużi li kienet tgħallmet mill-​Bibbja. Matul l-​istudju, Martha kienet tgħid lil Camille biex taqra kull paragrafu, tfittex l-​Iskritturi li ma jkunux kwotati, taqra l-​mistoqsija fin-​naħa taʼ isfel tal-​paġna, u mbagħad tweġibha. Dan baqaʼ sejjer għal xi żmien, u minkejja l-​limitazzjonijiet taʼ Martha, Camille mxiet ’il quddiem fl-​għarfien tal-​Bibbja. Martha rrealizzat li Camille kellha bżonn tissieħeb m’oħrajn li kienu interessati f’li jaqdu lil Alla. B’dan f’moħħha, tat libsa u par żarbun lill-​istudenta tagħha Camille, sabiex din ikollha xi ħaġa addattata x’tilbes meta tmur għall-​ewwel laqgħa tagħha fis-​Sala tas-​Saltna.

10 Camille ħassitha mqanqla bl-​interess kollu mħabba, bl-​eżempju, u bil-​konvinzjoni taʼ Martha. Hi għarfet li dak li Martha kienet qed tipprova tgħallimha mill-​Bibbja kien taʼ importanza vitali, ladarba Martha kienet insiet kważi kollox ħlief dak li kienet tgħallmet mill-​Iskrittura. Iktar tard, meta Camille ntbagħtet taħdem f’dar tax-​xjuħ oħra, hi ntebħet li kien wasal il-​waqt li tieħu azzjoni. Maʼ l-​ewwel opportunità li kellha, marret f’Sala tas-​Saltna, liebsa l-​libsa u ż-​żarbun li kienet tatha Martha, u talbet għal studju tal-​Bibbja. Camille għamlet progress mill-​aqwa u tgħammdet.

Imqanqlin biex Jirriflettu l-​Livelli taʼ Jehovah

11. Minbarra li nkunu żelużi fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, kif nistgħu nuru li aħna ġejna mqanqlin mill-​messaġġ tas-​Saltna?

11 Illum, hemm iktar minn sitt miljun Xhud taʼ Jehovah li, bħal Martha u issa Camille, qed jippridkaw “l-​Evanġelju tas-​Saltna” mad-​dinja kollha. (Mattew 24:14; 28:​19, 20) Bħall-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu, huma jħossuhom imqanqlin profondament mill-​“għeġubijiet taʼ Alla.” Dawn japprezzaw il-​fatt li huma privileġġati li jġorru l-​isem taʼ Jehovah u li hu sawwab l-​ispirtu tiegħu fuqhom. Minħabba f’hekk, huma jagħmlu kull sforz biex ‘jgħixu sewwa kif jixraq lill-​Mulej u jogħġbuh f’kollox,’ billi japplikaw il-​livelli tiegħu f’kull aspett taʼ ħajjithom. Fost affarijiet oħra, dan jinkludi li jirrispettaw il-​livelli t’Alla fl-​ilbies u d-​dehra.—Kolossin 1:10a; Titu 2:10.

12. Liema parir speċifiku fuq l-​ilbies u d-​dehra nsibu mniżżel fl-​1 Timotju 2:​9, 10?

12 Iva, Jehovah waqqaf ċerti livelli fejn tidħol id-​dehra persunali tagħna. L-​appostlu Pawlu wera x’inhuma xi wħud mill-​ħtiġijiet t’Alla f’dan ir-​rigward. “Nixtieq li n-​nisa jiżżejjnu bi lbies xieraq, bil-​modestja u bl-​għaqal, mhux b’xagħarhom midfur, anqas bid-​deheb jew ġawhar jew ilbies lussuż, imma bl-​għemil it-​tajjeb, kif jixraq lil nisa li jridu jkunu twajbin [jew, li jonoraw lil Alla].”c X’nitgħallmu minn dan il-​kliem?—1 Timotju 2:​9, 10.

13. (a) X’jiġifieri meta ngħidu “lbies xieraq”? (b) Għala nistgħu ngħidu li l-​livelli taʼ Jehovah huma raġunevoli?

13 Il-​kliem taʼ Pawlu juri li l-​Kristjani għandhom “jiżżejjnu bi lbies xieraq.” Huma m’humiex traskurati, imgerfxin, jew mitluqin fid-​dehra tagħhom. Tistaʼ tgħid li kulħadd, anki xi ħadd taʼ ftit mezzi, jistaʼ jilħaq dawn il-​livelli raġunevoli billi jagħmel ċert li ħwejġu jkunu puliti, nodfa, u preżentabbli. Per eżempju, kull sena ix-​Xhieda f’ċertu pajjiż fl-​Amerika t’Isfel jimxu mili sħaħ minn ġol-​ġungla u mbagħad jivvjaġġaw għal sigħat twal bil-​kenura sabiex jattendu għall-​konvenzjoni distrettwali tagħhom. M’hijiex xi ħaġa rari li, waqt il-​vjaġġ, xi ħadd jaqaʼ fix-​xmara jew iċarrat ilbiesu maʼ xi siġra. Għalhekk meta dawn jaslu fil-​post tal-​konvenzjoni, taʼ spiss id-​dehra tagħhom tkun kemxejn żmattata. Għaldaqstant jieħdu l-​ħin biex iwaħħlu l-​buttuni, isewwu ż-​żippijiet, u jaħslu u jgħaddu l-​ħwejjeġ li jkunu se jilbsu għall-​konvenzjoni. Huma jgħożżu l-​istedina tagħhom biex jieklu mill-​mejda taʼ Jehovah, u jridu li jkunu lebsin b’mod xieraq.

14. (a) Xi jfisser li nilbsu “bil-​modestja u bl-​għaqal”? (b) X’jinvolvi li nilbsu bħala nies li ‘jridu jkunu twajbin,’ jew li jonoraw lil Alla?

14 Pawlu kompla juri li għandna nilbsu “bil-​modestja u bl-​għaqal.” Dan ifisser li d-​dehra tagħna m’għandhiex tkun waħda li tiġbed l-​għajn, stramba, provokattiva, li turi li nħobbu nikxfu, jew li aħna konxji żżejjed tal-​moda. Iżjed minn hekk, għandna nilbsu b’tali mod li jirrifletti li aħna ‘rridu nkunu twajbin,’ jew li nonoraw lil Alla. Dan fih x’tomgħod, hux tassew? Li nilbsu b’mod xieraq ma jgħoddx biss għal meta nattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, u mbagħad ma nibqgħux nagħtu kas f’mumenti oħra. Id-​dehra persunali tagħna dejjem għandha tirrifletti attitudni taʼ rispett u ġieħ għaliex aħna Kristjani u ministri 24 siegħa kuljum. Huwa ovvju li l-​ħwejjeġ tax-​xogħol u taʼ l-​iskola se jkunu addattati għal dak li nkunu se nagħmlu. Madankollu, għandna nilbsu b’modestja u dinjità. Jekk ħwejjiġna jirriflettu dejjem it-​twemmin tagħna f’Alla, qatt m’aħna se nħossuna mġagħlin inżommu lura milli nagħtu xiehda informali għax nibdew nistħu bid-​dehra tagħna.—1 Pietru 3:​15, 16a (3:​15, NW).

“Tħobbux id-​Dinja”

15, 16. (a) Għala hu importanti li ma nimitawx id-​dinja fejn jidħlu l-​ilbies u d-​dehra? (1 Ġwann 5:19) (b) Għal liema raġuni prattika għandna nevitaw li niġru wara l-​aħħar moda fl-​ilbies u d-​dehra?

15 Il-​parir imniżżel fl-​1 Ġwann 2:​15, 16 ukoll jipprovdi gwida fl-​għażla tagħna taʼ l-​ilbies u l-​mod kif nidhru. Hemmhekk naqraw: “Tħobbux id-​dinja u anqas dak li hemm fiha. Jekk xi ħadd iħobb id-​dinja, l-​imħabba tal-​Missier ma tgħammarx fih. Kull ma fiha d-​dinja, jiġifieri l-​ġibda tal-​ġisem u l-​ġibda taʼ l-​għajnejn u l-​kburija tal-​ħajja, dan m’huwiex ġej mill-​Missier imma mid-​dinja.”

16 Kemm huwa f’waqtu dan il-​parir! Fi żmien meta l-​pressjoni minn dawk taʼ madwarna hija qawwija iktar minn qatt qabel, m’għandniex inħallu d-​dinja tiddettalna x’nilbsu. F’dawn l-​aħħar snin, l-​istili taʼ l-​ilbies u d-​dehra marru lura. Anki l-​mod taʼ lbies tan-​nies professjonali jew li jaħdmu fl-​uffiċini mhux dejjem jipprovdi livell li l-​Kristjani jistgħu joqogħdu fuqu biex jagħrfu x’inhu xieraq għalihom. Din hi raġuni oħra għala għandna dejjem inkunu konxji tal-​bżonn li ‘ma nimxux max-​xejra taʼ din id-​dinja’ jekk irridu ngħixu fi qbil mal-​livelli t’Alla, u b’hekk ‘f’kollox nagħmlu ġieħ lit-​tagħlim taʼ Alla, is-​Salvatur tagħna.’—Rumani 12:2; Titu 2:10.

17. (a) Liema mistoqsijiet għandna nikkunsidraw meta niġu biex nixtru xi ħwejjeġ jew nagħżlu xi stil? (b) Il-​kapijiet tal-​familja għala għandhom jieħdu interess fid-​dehra persunali tal-​membri tal-​familja?

17 Meta tkun se tixtri xi ħaġa tal-​ħwejjeġ, qabel ma tiddeċiedi jekk tixtrihiex jew le, ikun għaqli li tistaqsi lilek innifsek: ‘Għala jogħġobni dan l-​istil? Huwa assoċjat maʼ xi ħadd famuż—xi ħadd li nammira? Huwa stil li sar jirrappreżenta lil xi membri taʼ xi klikka jew xi grupp li jinkuraġġixxi spirtu indipendenti u ribelluż?’ Għandna wkoll niflu dak li nkunu se nixtru. Jekk tkun libsa jew dublett, xi ngħidu għat-​tul? Il-​qatgħa? Huwa modest, xieraq, u juri dinjità, jew huwa ssikkat, provokattiv, jew mitluq? Staqsi lilek innifsek, ‘Jekk nilbes dan l-​ilbies, se nkun taʼ tfixkil għal xi ħadd?’ (2 Korintin 6:​3, 4) Dan għala għandu jinteressana? Għax il-​Bibbja tgħid: “Kristu ma fittixx jogħġob lilu nnifsu.” (Rumani 15:3) Il-​kapijiet Kristjani tal-​familja jridu jieħdu interess fid-​dehra tal-​membri tal-​familja. B’rispett għal Alla glorjuż li jqimu, dawn il-​kapijiet m’għandhomx iżommu lura milli jagħtu pariri sodi u b’imħabba meta jkun hemm bżonnhom.—Ġakbu 3:13.

18. Xi jqanqlek biex toqgħod attent ħafna għall-​ilbies u d-​dehra?

18 Il-​messaġġ li nġorru ġej minn Jehovah, li hu l-​essenza tad-​dinjità u l-​qdusija. (Isaija 6:3) Il-​Bibbja tħeġġiġna nimitawh “bħala wlied maħbuba.” (Efesin 5:1) L-​ilbies u d-​dehra tagħna jistgħu jirriflettu tajjeb jew ħażin fuq Missierna tas-​sema. Żgur li rridu nferrħulu qalbu!—Proverbji 27:11.

19. Liema benefiċċji jiġu jekk inxandru “l-​għeġubijiet taʼ Alla” lil oħrajn?

19 Kif tħossok dwar “l-​għeġubijiet taʼ Alla” li tgħallimt? Tassew, kemm aħna privileġġati li tgħallimna l-​verità! Peress li neżerċitaw fidi fid-​demm imxerred taʼ Ġesù Kristu, dnubietna jinħafrulna. (Atti 2:38) Bħala riżultat, nistgħu nitkellmu liberament m’Alla. Aħna ma nibżgħux mill-​mewt bħalma jagħmlu dawk li m’għandhom l-​ebda tama. Minflok, għandna l-​assiguranza taʼ Ġesù li jum wieħed “dawk kollha li jkunu fl-​oqbra jisimgħu leħnu u joħorġu.” (Ġwann 5:​28, 29) Jehovah kien ħanin li wriena dawn l-​affarijiet kollha. Iktar minn hekk, hu sawwab l-​ispirtu tiegħu fuqna. Għaldaqstant, il-​gratitudni għal dawn ir-​rigali sbieħ kollha għandha tqanqalna biex nirrispettaw il-​livelli għoljin tiegħu u nfaħħruh b’mod żeluż, billi nxandru dawn “l-​għeġubijiet” lil oħrajn.

[Noti taʼ taħt]

a Meta Jehovah ħatar lil Mosè u lil Aron biex ikellmu lill-​Fargħun f’isem il-​poplu tiegħu, Hu qal lil Mosè: “Jien nagħmlek qisek Alla għall-​Fargħun; u Aron ħuk ikun il-​profeta tiegħek.” (Eżodu 7:​1, korsiv tagħna.) Aron qeda bħala profeta, mhux għax bassar ġrajjiet futuri, imma għax sar il-​kelliemi taʼ Mosè.

b Fost il-​ġemgħa kbira li kienet preżenti għall-​osservanza annwali taʼ l-​Ikla taʼ Fil-​Għaxija tal-​Mulej li saret fit-​28 taʼ Marzu, 2002, kien hemm miljuni li għadhom m’humiex qed jaqdu lil Jehovah b’mod attiv. Aħna nitolbu li l-​qalb taʼ ħafna minn dawn l-​uħud interessati ma ddumx ma titqanqal biex jistinkaw għall-​privileġġ li jkunu pubblikaturi taʼ l-​aħbar tajba.

c Għalkemm il-​kliem taʼ Pawlu kien indirizzat lin-​nisa Kristjani, l-​istess prinċipji japplikaw għall-​irġiel u ż-​żgħażagħ Kristjani.

Int Kif Twieġeb?

• In-nies dwar liema “għeġubijiet” semgħu f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., u kif wieġbu?

• Wieħed kif isir dixxiplu taʼ Ġesù Kristu, u x’jinkludi li tkun dixxiplu?

• Għala huwa importanti li noqogħdu attenti fl-​ilbies u d-​dehra tagħna?

• Liema fatturi għandna nikkunsidraw biex niddeterminaw jekk ċertu lbies jew stil ikunx xieraq jew le?

[Stampa f’paġna 15]

Pietru ħabbar li Ġesù kien ġie mqajjem mill-​imwiet

[Stampi f’paġna 17]

Tirrifletti tajjeb id-​dehra persunali tiegħek fuq dak Alla li tqim?

[Stampi f’paġna 18]

Il-​ġenituri Kristjani għandhom jieħdu interess fid-​dehra tal-​membri tal-​familja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja