“Agħmel il-Ħila u Qawwi Qalbek!”
“Agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!”—Ġwann 16:33.
1. Minħabba dak li kien hemm lest għall-Iżraelin f’Kangħan, liema inkuraġġiment ngħataw?
META l-Iżraelin kienu waslu biex jgħaddu mix-Xmara Ġordan għal ġo l-Art Imwiegħda, Mosè qalilhom: “Agħmlu l-ħila u qawwu qalbkom; tibżgħux u titregħdux quddiemhom; għax hu, il-Mulej, Alla tiegħek, se jimxi miegħek.” Imbagħad Mosè sejjaħ lil Ġożwè, li kellu jmexxi lil Iżraelin għal ġo Kangħan, u reġaʼ tah il-parir b’mod persunali biex ikun kuraġġuż. (Dewteronomju 31:6, 7) Iktar tard, Jehovah stess ħeġġeġ lil Ġożwè billi qallu: “Agħmel il-ħila u qawwi qalbek . . . Biss agħmel il-ħila u qawwi qalbek.” (Ġożwè 1:6, 7, 9) Dan il-kliem kien f’waqtu. L-Iżraelin kien se jkollhom bżonn il-kuraġġ biex jiffaċċjaw l-għedewwa qawwija li kienu se jsibu fuq in-naħa l-oħra tal-Ġordan.
2. F’liema sitwazzjoni ninsabu llum, u x’għandna bżonn?
2 Illum, il-Kristjani veri dalwaqt se jgħaddu għal ġod-dinja l-ġdida mwiegħda u, bħal Ġożwè, iridu jkunu kuraġġużi. (2 Pietru 3:13; Apokalissi 7:14) Madankollu, is-sitwazzjoni tagħna hija differenti minn dik taʼ Ġożwè. Ġożwè ġġieled bix-xwabel u l-lanez. Aħna niġġieldu gwerra spiritwali u qatt ma nużaw armi letterali. (Isaija 2:2-4; Efesin 6:11-17) Iktar minn hekk, Ġożwè kellu jiġġieled ħafna gwerer qalila saħansitra wara li daħal fl-Art Imwiegħda. Iżda aħna nġarrbu battalji qalila issa—qabel ngħaddu għal ġod-dinja l-ġdida. Ejja neżaminaw xi sitwazzjonijiet li fihom irridu nuru kuraġġ.
Għala Rridu Niġġieldu?
3. X’turina l-Bibbja dwar l-għadu ewlieni tagħna?
3 L-appostlu Ġwanni kiteb: “Nafu li aħna ġejjin minn Alla u li d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin.” (1 Ġwann 5:19) Dan il-kliem jagħti raġuni bażika għala l-Kristjani jridu jiġġieldu biex iżommu sħaħ fil-fidi. Meta Kristjan iżomm l-integrità tiegħu, sa ċertu punt, ikun qed iġiegħel lil Satana x-Xitan jitlef. Għalhekk, Satana jaġixxi bħal “iljun jgħajjat” li qed jipprova jbeżżaʼ u jiblaʼ lill-Kristjani leali. (1 Pietru 5:8) Fil-fatt, hu qed jagħmel gwerra kontra l-Kristjani midlukin u sħabhom. (Apokalissi 12:17) F’din il-gwerra, hu juża lill-bnedmin biex jaqdu l-iskopijiet tiegħu sew jekk jafu u sew jekk ma jafux. Irridu l-kuraġġ biex inkunu nistgħu nieqfu sodi kontra Satana u l-aġenti kollha tiegħu.
4. Liema twissija ta Ġesù, imma liema kwalità wrew il-Kristjani veri?
4 Peress li Ġesù kien jaf li Satana u l-aġenti tiegħu kienu se jopponu kemm jifilħu l-aħbar tajba, hu wissa lis-segwaċi tiegħu: “Jagħtukom f’idejn min iħabbatkom u joqtolkom; u l-ġnus kollha jsiru jobogħdukom minħabba f’ismi.” (Mattew 24:9) Dan il-kliem seħħ fl-ewwel seklu, u għadu jseħħ illum. Tabilħaqq, il-persekuzzjoni li ssaportew xi wħud mix-Xhieda taʼ Jehovah taʼ żmienna hija ħarxa daqs kull persekuzzjoni li qatt seħħet qabel. Xorta waħda, il-Kristjani veri juru li huma kuraġġużi meta jiffaċċjaw pressjoni bħal din. Huma jafu li “min jibżaʼ mill-bniedem jaqaʼ fi xkiel,” u huma ma jridux jinqabdu fi xkiel, jew f’nassa.—Proverbji 29:25.
5, 6. (a) F’liema sitwazzjonijiet jeħtieġ li nkunu kuraġġużi? (b) Il-Kristjani leali kif jirreaġixxu meta l-kuraġġ tagħhom jiġi testjat?
5 Hemm sfidi oħra minbarra l-persekuzzjoni li meta niffaċċjawhom irridu l-kuraġġ. Xi wħud isibuha diffiċli biex ikellmu lil min ma jafuhx dwar l-aħbar tajba. Il-kuraġġ taʼ xi tfal taʼ l-iskola jiġi testjat meta jġagħluhom jgħidu bl-amment xi ġurament taʼ fedeltà lejn il-pajjiż jew lejn il-bandiera. Peress li wegħda bħal din hi prattikament espressjoni reliġjuża, it-tfal Kristjani ddeċidew bil-qlubija li jaġixxu b’tali mod li jogħġob ’l Alla, u l-imġiba mill-aħjar tagħhom tferrħilna qalbna.
6 Aħna wkoll niġu bżonn il-kuraġġ meta dawk li jopponuna jinfluwenzaw il-mezzi tax-xandir biex ixerrdu rapporti ħżiena dwar il-qaddejja t’Alla jew meta jipprovaw jillimitaw il-qima vera billi jippjanaw il-“qerq taħt il-libsa tal-liġi.” (Salm 94:20) Per eżempju, kif għandna nħossuna meta l-gazzetta, ir-radju, jew it-televixin jirrapporta informazzjoni qarrieqa jew gideb sfaċċat dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah? Għandna ninħasdu? Le. Dawn l-affarijiet nistennewhom. (Salm 109:2) U ma niskantawx meta xi wħud jemmnu l-qerq u l-gideb li jiġi pubblikat, peress li “min moħħu dgħajjef jemmen kollox.” (Qwiel 14:15, Saydon) Madankollu, il-Kristjani leali jirrifjutaw li jaqbdu u jemmnu kull stqarrija li ssir dwar ħuthom, u żgur li ma jħallux ir-rapporti foloz itellfulhom il-laqgħat Kristjani, jew iġagħluhom jieħdu inqas sehem fil-ministeru, jew jiddgħajfu fil-fidi. Mhux talli hekk, talli ‘jqisu ruħhom bħala ministri taʼ Alla, fil-ġieħ u fl-għajb, kemm jekk jgħidu l-ħażin u kemm jekk jgħidu t-tajjeb fuqhom; iżommuhom bħala nies qarrieqa [skond dawk li jopponuhom], lilhom li [fir-realtà] jgħidu s-sewwa.’—2 Korintin 6:4, 8.
7. B’liema mistoqsijiet nistgħu neżaminaw lilna nfusna?
7 Meta Pawlu kien qed jikteb lil Timotju, hu qallu: “Alla ma taniex spirtu taʼ biżaʼ, imma Spirtu taʼ qawwa . . . Mela tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna.” (2 Timotju 1:7, 8; Mark 8:38) Wara li naqraw dan il-kliem, nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Nistħi jien minħabba t-twemmin tiegħi, jew jien kuraġġuż? Fejn naħdem (jew fejn immur skola), ngħidilhom lil dawk taʼ madwari li jien Xhud taʼ Jehovah, jew nipprova naħbilhom x’jien? Nistħi għax jien differenti mill-oħrajn, jew jien kburi li nispikka minħabba r-relazzjoni tiegħi maʼ Jehovah?’ Jekk hemm xi ħadd li jħossu jibżaʼ jippriedka l-aħbar tajba jew jieħu waqfa għat-twemmin differenti li għandu, jalla jiftakar fil-parir li Jehovah ta lil Ġożwè: “Agħmel il-ħila u qawwi qalbek.” Qatt tinsa li m’hijiex l-opinjoni taʼ sħabek tax-xogħol jew taʼ l-iskola li tgħodd iżda l-ħarsa taʼ Jehovah u Ġesù Kristu.—Galatin 1:10.
Kif Niżviluppaw il-Kuraġġ
8, 9. (a) F’okkażjoni waħda, il-kuraġġ tal-Kristjani tal-bidu kif ġie testjat? (b) Pietru u Ġwanni kif irreaġixxew meta ġew mhedda, u huma u ħuthom x’esperjenzaw?
8 Kif nistgħu niżviluppaw it-tip taʼ kuraġġ li se jgħinna nżommu l-integrità tagħna matul dawn iż-żminijiet diffiċli? Fi qbil maʼ dan, il-Kristjani tal-bidu kif żviluppaw il-kuraġġ? Ikkunsidra x’ġara meta l-qassisin ewlenin u l-irġiel ixjeħ f’Ġerusalemm qalu lil Pietru u lil Ġwanni biex jieqfu jippridkaw f’isem Ġesù. Id-dixxipli m’aċċettawx u ġew mhedda u mbagħad inħelsu. Eżatt wara, huma ngħaqdu maʼ ħuthom u talbu lkoll flimkien billi qalu: “Mulej, ħares lejn it-tehdid tagħhom, u agħmel li l-qaddejja tiegħek ixandru kelmtek bil-kuraġġ kollu.” (Atti 4:13-29) Bi tweġiba għat-talba tagħhom, Jehovah saħħaħhom bl-ispirtu qaddis, u bħalma ddikjaraw iktar tard il-mexxejja Lhud, huma ‘mlew ’il Ġerusalemm’ bit-tagħlim tagħhom.—Atti 5:28.
9 Ejja neżaminaw x’ġara f’din l-okkażjoni. Meta d-dixxipli kienu mhedda mill-mexxejja Lhud, ma kinux bi ħsiebhom iċedu taħt pressjoni. Minflok, id-dixxipli talbu għall-kuraġġ biex jibqgħu jippridkaw. Imbagħad, huma aġixxew fi qbil mat-talba tagħhom, u Jehovah saħħaħhom bl-ispirtu tiegħu. L-esperjenza tagħhom turi li dak li kiteb Pawlu f’kuntest differenti xi ftit tas-snin wara, japplika għall-Kristjani meta jkunu qed jiġu persegwitati. Pawlu qal: “Għal kollox niflaħ bis-saħħa taʼ dak li jqawwini.”—Filippin 4:13.
10. L-esperjenza taʼ Ġeremija kif tgħin lil min hu magħmul mistħi?
10 Imma, ejja ngħidu li individwu hu magħmul mistħi. Jistaʼ xorta waħda jaqdi lil Jehovah bil-qlubija meta jiffaċċja l-oppożizzjoni? Dażgur li jistaʼ! Ftakar kif irreaġixxa Ġeremija meta Jehovah ħatru bħala profeta. Iż-żagħżugħ qal: “Għadni żgħir.” B’mod ċar, hu ma ħassux kwalifikat. Xorta waħda, Jehovah ħeġġu b’dan il-kliem: “Tgħidx, ‘Għadni żgħir.’ Int tmur kull fejn nibagħtek, u tgħid kull ma nordnalek. La tibżax minnhom, għax jien miegħek biex neħilsek.” (Ġeremija 1:6-10) Ġeremija kellu fiduċja f’Jehovah, u minħabba f’hekk, bis-saħħa taʼ Jehovah hu ma baqax iżomm lura u sar xhud kuraġġuż ferm f’Iżrael.
11. Illum, x’jgħin lill-Kristjani biex ikunu bħal Ġeremija?
11 Illum, il-Kristjani midlukin għandhom inkarigu simili għal dak taʼ Ġeremija, u bl-appoġġ tal-“kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra,” ikomplu jipproklamaw l-iskopijiet taʼ Jehovah, anki meta jiffaċċjaw l-apatija, jiġu ridikolati, u persegwitati. (Apokalissi 7:9; Ġwann 10:16) Huma jqawwu qalbhom bil-kliem li Jehovah qal lil Ġeremija: “La tibżax.” Huma qatt ma jinsew li ġew inkarigati minn Alla u li qed jippridkaw il-messaġġ tiegħu.—2 Korintin 2:17.
Eżempji taʼ Kuraġġ taʼ Min Jimitahom
12. Liema eżempju eċċellenti taʼ kuraġġ ipprovda Ġesù, u kif inkuraġġixxa lis-segwaċi tiegħu?
12 Nistgħu niġu megħjunin fl-isforzi tagħna biex niżviluppaw il-kuraġġ jekk nimmeditaw fuq l-eżempji taʼ oħrajn li, bħal Ġeremija, aġixxew bil-kuraġġ. (Salm 77:12) Per eżempju, hekk kif neżaminaw il-ministeru taʼ Ġesù, aħna nibqgħu impressjonati minħabba l-kuraġġ li wera meta ġie ttantat minn Satana u meta ffaċċja l-oppożizzjoni determinata tal-mexxejja Lhud. (Luqa 4:1-13; 20:19-47) Bis-saħħa taʼ Jehovah, Ġesù kien verament sod, u ftit qabel ma miet, hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!” (Ġwann 16:33; 17:16) Jekk id-dixxipli taʼ Ġesù kienu se jsegwu l-eżempju tiegħu, huma wkoll kienu se jirbħu. (1 Ġwann 2:6; Apokalissi 2:7, 11, 17, 26) Iżda kellhom ‘jagħmlu l-qalb.’
13. Pawlu kif ħeġġiġhom lill-aħwa taʼ Filippi?
13 Xi ftit tas-snin wara l-mewt taʼ Ġesù, Pawlu u Sila ntefgħu l-ħabs ġo Filippi. Iktar tard, Pawlu inkuraġġixxa lill-aħwa fil-kongregazzjoni taʼ Filippi biex jibqgħu ‘qawwija fi spirtu wieħed, u jissieltu b’ruħ waħda għall-fidi taʼ l-Evanġelju, bla xejn ma jibżgħu minn dawk li jeħduha magħhom.’ Biex isaħħaħhom ħalli jagħmlu dan, Pawlu qalilhom: “Dan [il-fatt li l-Kristjani jiġu persegwitati] ikun għalihom prova tat-telfien tagħhom [taʼ dawk li jippersegwitawhom], imma għalikom prova tas-salvazzjoni; u dan kollu ġej minn Alla, għaliex lilkom ngħatat il-grazzja li sservu lil Kristu, mhux biss temmnu fih, imma saħansitra tbatu għalih.”—Filippin 1:27-29.
14. X’kien ir-riżultat f’Ruma minħabba l-qlubija taʼ Pawlu?
14 Meta Pawlu kiteb lill-kongregazzjoni taʼ Filippi, hu reġaʼ kien il-ħabs, din id-darba f’Ruma. Xorta waħda, hu kompla jippriedka lil oħrajn bil-qlubija. B’liema riżultat? Hu kiteb: “Kull min jinsab fil-Pretorju u l-oħrajn kollha lkoll saru jafu li jiena marbut fil-ħabs għal Kristu, u l-biċċa l-kbira taʼ l-aħwa għamlu l-qalb fil-Mulej minħabba fil-ktajjen tiegħi, u bdew ixandru l-kelma bil-kuraġġ u bla biżaʼ taʼ xejn.”—Filippin 1:13, 14.
15. Fejn nistgħu nsibu eżempji mill-aqwa taʼ fidi li se jsaħħu d-determinazzjoni tagħna biex inkunu kuraġġużi?
15 L-eżempju taʼ Pawlu jinkuraġġina. Niġu inkuraġġiti wkoll mill-eżempji li jagħtuna l-Kristjani taʼ żmienna li ssaportew il-persekuzzjoni f’pajjiżi taħt it-tmexxija dittatorjali jew tal-kleru. Ir-rakkonti taʼ ħafna minn dawn ġew rapportati fir-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! u fil-Yearbooks of Jehovah’s Witnesses. Hekk kif tkun qed taqra dawn ir-rakkonti, ftakar li l-individwi li tkun qed tiġi rakkontata l-istorja tagħhom kienu nies ordinarji bħalna; iżda meta kienu f’ċirkustanzi verament diffiċli, Jehovah tahom il-qawwa iktar min-normal u ssaportew. Nistgħu nkunu ċerti li se jagħmel l-istess magħna jekk iċ-ċirkustanzi jkunu jeħtieġu dan.
Il-Waqfa Kuraġġuża Tagħna Togħġob lil Jehovah u Tonorah
16, 17. Illum, kif nistgħu niżviluppaw attitudni kuraġġuża?
16 Jekk individwu jieqaf sod għall-verità u s-sewwa, dan ikun kuraġġuż. Jekk jagħmel dan minkejja li jħossu qed jibżaʼ minn ġewwa, ikun saħansitra iktar kuraġġuż. Tassew, kwalunkwe Kristjan jistaʼ jkun kuraġġuż jekk verament irid jagħmel ir-rieda taʼ Jehovah, jekk hu determinat li jibqaʼ leali, jekk dejjem jistrieħ fuq Alla, u jekk dejjem jiftakar li Jehovah qablu saħħaħ lil bosta individwi bħalu. Iktar minn hekk, meta nirrealizzaw li l-waqfa kuraġġuża tagħna togħġob lil Jehovah u tonorah, insiru jerġaʼ iktar determinati li ma niddgħajfux. Aħna lesti nissaportu r-ridikolar jew affarijiet saħansitra agħar għaliex inħobbuh mill-fond taʼ qalbna.—1 Ġwann 2:5; 4:18.
17 Qatt tinsa li meta nkunu qed inbatu minħabba l-fidi tagħna, ma jfissirx li għamilna xi ħaġa ħażina. (1 Pietru 3:17) Qed inbatu għaliex qed nappoġġaw is-sovranità taʼ Jehovah, għax nagħmlu t-tajjeb, u għax m’aħna ebda parti mid-dinja. Dwar dan, l-appostlu Pietru qal: “Jekk tagħmlu t-tajjeb u ssofru t-tbatija bis-sabar, din tkun grazzja quddiem Alla.” Pietru qal ukoll: “Dawk li jbatu skond ir-rieda taʼ Alla, għandhom iħallu ruħhom f’idejn il-Ħallieq tagħhom, li hu taʼ kelmtu, u jibqgħu jagħmlu t-tajjeb.” (1 Pietru 2:20; 4:19) Iva, il-fidi li nuru togħġob lil Alla tagħna kollu mħabba, Jehovah, u ġġiblu unur. Kemm għandna raġuni qawwija għalxiex inkunu kuraġġużi!
Meta Nidhru Quddiem l-Awtoritajiet
18, 19. Meta nieħdu waqfa kuraġġuża quddiem xi mħallef, fir-realtà liema messaġġ inkunu qed inwasslu?
18 Meta Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu li kienu se jiġu persegwitati, hu qal ukoll: “[Il-bnedmin] għad jerħukom f’idejn il-qrati, jagħtukom is-swat fis-sinagogi tagħhom, itellgħukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom u quddiem il-pagani.” (Mattew 10:17, 18) Trid tkun kuraġġuż biex tidher quddiem xi mħallef jew xi mexxej minħabba akkużi foloz. Xorta waħda, meta bil-qlubija nużaw dawn l-okkażjonijiet biex nagħtu xiehda lil dawn l-individwi, inkunu qed nibdlu sitwazzjoni diffiċli f’opportunità biex inwettqu xi ħaġa importanti. Fil-fatt, lil dawk li jkunu qed jiġġudikawna nkunu qed inwasslulhom il-kliem taʼ Jehovah imniżżel fit-tieni Salm: “Issa, slaten, ifhmu sewwa; twiddbu, intom li taħkmu l-art. Aqdu lill-Mulej bil-biżaʼ.” (Salm 2:10, 11) Ġeneralment, meta x-Xhieda taʼ Jehovah ġew akkużati b’mod falz fil-qrati, l-imħallfin appoġġaw il-libertà tal-qima, u dan napprezzawh. Madankollu, xi mħallfin ħallew li jiġu influwenzati minn dawk li jopponuna. Lil uħud bħal dawn, l-Iskrittura tgħidilhom: “Twiddbu.”
19 L-imħallfin għandhom iżommu f’moħħhom li l-ogħla liġi hija dik t’Alla Jehovah. Iridu jiftakru li l-bnedmin kollha, anki l-imħallfin stess, iridu jagħtu kont lil Alla Jehovah u lil Ġesù Kristu. (Rumani 14:10) U aħna, kemm jekk issir ġustizzja magħna minn imħallef uman u kemm jekk le, għandna kull raġuni għalxiex inkunu kuraġġużi għax Jehovah jappoġġana. Il-Bibbja tgħid: “Hienja dawk kollha li jistkennu fih!”—Salm 2:12.
20. Għala nistgħu nkunu henjin jekk ikollna nissaportu l-persekuzzjoni jew il-malafama?
20 Fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù qal: “Henjin intom, meta jgħajjrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta taʼ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija. Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet. Hekk kienu jippersegwitawhom lill-profeti li kienu qabilkom.” (Mattew 5:11, 12) Dażgur, il-persekuzzjoni fiha nfisha m’hijiex pjaċevoli, iżda meta aħna nieqfu sodi minkejja l-persekuzzjoni, inkluż ir-rapporti li jimmalafamaw fil-mezzi tax-xandir, ikollna għalxiex nifirħu. Meta nieqfu sodi nkunu qed nogħġbu lil Jehovah u taʼ dan se niġu premjati. Il-waqfa kuraġġuża tagħna turi li għandna fidi ġenwina u tiżgurana li aħna approvati minn Alla. Tassew turi li aħna għandna fiduċja sħiħa f’Jehovah. Din il-fiduċja hija vitali għal Kristjan, bħalma se juri l-artiklu li jmiss.
X’Tgħallimt?
• Illum, f’liema sitwazzjonijiet irridu nuru l-kuraġġ?
• Kif nistgħu niżviluppaw il-kwalità tal-kuraġġ?
• Min huma xi wħud li kienu eżempji mill-aqwa taʼ kuraġġ?
• Għala nixtiequ naġixxu bil-kuraġġ?
[Stampi f’paġna 9]
Simone Arnold (issa Liebster) fil-Ġermanja, Widdas Madona fil-Malawi, u Lydia u Oleksii Kurdas fl-Ukraina wrew kuraġġ u ġġieldu kontra l-wieħed ħażin
[Stampi f’paġna 10]
Aħna ma nistħux minħabba l-aħbar tajba
[Stampa f’paġna 11]
Il-kuraġġ taʼ Pawlu meta kien il-ħabs għamel ħafna ġid għall-aħbar tajba
[Stampa f’paġna 12]
Jekk bil-kuraġġ kollu nispjegaw il-pożizzjoni Skritturali tagħna lil xi mħallef, inkunu qed inwasslu messaġġ importanti