“Kun Kuraġġuż u Agħmel il-Ħila”
“Kun kuraġġuż u agħmel il-ħila . . . Ġeħova Alla tiegħek hu miegħek.”—ĠOŻ. 1:7-9.
INT KIF TWIEĠEB?
Enok u Noè b’liema modi wrew il-kuraġġ?
Ċerti nisa tal-qedem, kif kienu t’eżempju fil-fidi u l-kuraġġ?
Semmi xi eżempji li jimpressjonawk taʼ wħud żgħażagħ li wrew kuraġġ.
1, 2. (a) Kultant xi jkollna bżonn biex nibqgħu nagħmlu dak li hu tajjeb fil-ħajja tagħna taʼ kuljum? (b) Dwar xiex se nitgħallmu f’dan l-artiklu?
IL-KURAĠĠ hu l-oppost tal-biżaʼ, id-dgħufija, u l-ġjufija. Għandna mnejn naħsbu dwar individwu kuraġġuż bħala wieħed li hu b’saħħtu, taʼ ħila, saħansitra qalbieni. Imma kultant ikun hemm bżonn tal-kuraġġ sempliċement biex nibqgħu nagħmlu dak li hu tajjeb fil-ħajja tagħna taʼ kuljum.
2 Xi wħud imsemmijin fil-Bibbja ma beżgħux anke meta ħabbtu wiċċhom maʼ sitwazzjonijiet diffiċli ferm. Oħrajn urew kuraġġ f’ċirkustanzi li huma komuni mal-qaddejja taʼ Ġeħova inġenerali. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempji Bibliċi tal-kuraġġ? Kif nistgħu nkunu kuraġġużi?
XHIEDA KURAĠĠUŻI F’DINJA MINGĦAJR DEVOZZJONI LEJN ALLA
3. Enok x’bassar dwar dawk li ma kellhomx devozzjoni lejn Alla?
3 Kien jitlob il-kuraġġ biex tkun xhud taʼ Ġeħova fost l-uħud mill-agħar fuq l-art qabel id-Dilluvju taʼ żmien Noè. Iżda Enok, “is-sebaʼ wieħed fil-linja minn Adam,” bi qlubija wassal dan il-messaġġ profetiku: “Ara! Ġeħova ġie bil-mirjadi mqaddsa tiegħu, biex jagħmel ġudizzju minn kulħadd, u jikkundanna lil dawk kollha li m’għandhomx devozzjoni lejn Alla għall-għemejjel bla devozzjoni kollha tagħhom li għamlu mingħajr devozzjoni, u għall-kliem li jkexkex kollu li ntqal kontrih minn midinbin li m’għandhomx devozzjoni lejh.” (Ġuda 14, 15) Enok tkellem bħallikieku dawn l-affarijiet kienu diġà seħħew għax il-profezija żgur kienet se titwettaq. U l-bnedmin li ma kellhomx devozzjoni lejn Alla tabilħaqq mietu f’dilluvju globali!
4. Noè ‘mexa m’Alla’ minkejja liema ċirkustanzi?
4 Id-Dilluvju seħħ fis-sena 2370 Q.E.K., iktar minn 650 sena wara l-ministeru profetiku taʼ Enok. Sadattant, twieled Noè, rabba familja, u bena arka maʼ wliedu. Anġli mill-agħar għamlu iġsma umani għalihom infushom, ħadu nisa ħelwin, u kellhom ulied subien minnhom. Dawn is-subien kienu jissejħu Nefilim. Minbarra dan, il-ħażen tal-bniedem kien sar abbundanti, u l-art imtliet bil-vjolenza. (Ġen. 6:1-5, 9, 11) Minkejja dawn il-kundizzjonijiet, “Noè mexa maʼ l-Alla l-veru” u bil-qlubija ta xhieda bħala “predikatur tal-ġustizzja.” (Aqra t-2 Pietru 2:4, 5.) Aħna neħtieġu kuraġġ simili f’dawn l-aħħar jiem.
UREW FIDI U KURAĠĠ
5. Mosè kif wera fidi u kuraġġ?
5 Mosè kien eżemplari fil-fidi u l-kuraġġ. (Ebr. 11:24-27) Bejn is-snin 1513-1473 Q.E.K., Alla użah biex imexxi lill-Iżraelin mill-Eġittu u jiggwidahom fid-deżert. Mosè ma ħassux jinqalaʼ għal dan l-inkarigu, imma aċċettah. (Eżo. 6:12) Hu u ħuh, Aron, darba wara l-oħra dehru quddiem il-Fargħun tiranniku tal-Eġittu u b’kuraġġ ħabbru l-Għaxar Kastigi li permezz tagħhom Ġeħova ġab għajb fuq l-allat Eġizzjani u ħeles lill-poplu Tiegħu. (Eżo. kap. 7-12) Mosè wera fidi u kuraġġ għax kellu l-appoġġ kontinwu t’Alla, l-istess kif għandna aħna.—Dt. 33:27.
6. Jekk niġu interrogati minn awtoritajiet sekulari, kif nistgħu nagħtu xhieda bil-kuraġġ?
6 Aħna għandna bżonn kuraġġ bħal dak taʼ Mosè, għax Ġesù qal: “Iressqukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tingħata xiehda lilhom u lill-ġnus. Madankollu, meta jerħukom f’idejhom, tkunux ansjużi dwar x’se tgħidu jew kif se tgħiduh; għax dak li għandkom tgħidu se jingħatalkom dak il-ħin; għax mhux intom tkunu qed titkellmu, imma l-ispirtu taʼ Missierkom ikun qed jitkellem permezz tagħkom.” (Mt. 10:18-20) Jekk niġu interrogati minn awtoritajiet sekulari, l-ispirtu taʼ Ġeħova se jgħinna nagħtu xhieda bir-rispett, il-fidi, u l-kuraġġ.—Aqra Luqa 12:11, 12.
7. Ġożwè għala kien kuraġġuż u rnexxa f’li għamel?
7 Studju regulari tal-Liġi t’Alla bena l-fidi u l-kuraġġ taʼ dak li sar mexxej wara Mosè, Ġożwè. Fis-sena 1473 Q.E.K., Iżrael kien fuq l-għatba tal-Art Imwiegħda. Alla kkmanda: “Kun kuraġġuż u agħmel il-ħila.” Jekk kien se jimxi fi qbil mal-Liġi, Ġożwè kien se jaġixxi b’għaqal u jirnexxi. Alla qallu: “Tinħasadx jew titwerwer, għax Ġeħova Alla tiegħek hu miegħek kulfejn tmur.” (Ġoż. 1:7-9) Min jaf kemm dan il-kliem saħħaħ lil Ġożwè! U Alla tassew kien miegħu, għax il-biċċa l-kbira mill-Art Imwiegħda kienet ġiet mirbuħa fi żmien sitt snin biss—sas-sena 1467 Q.E.K.
NISA TAʼ ĦILA LI ĦADU L-WAQFA TAGĦHOM
8. Raħab għala hi eżempju taʼ fidi u kuraġġ?
8 Matul is-sekli, ħafna nisa kuraġġużi ħadu l-waqfa tagħhom bħala aduraturi taʼ ħila taʼ Ġeħova. Pereżempju, il-prostituta Raħab taʼ Ġeriko eżerċitat fidi f’Alla, b’kuraġġ ħbiet żewġ spiji mibgħutin minn Ġożwè, u mbagħad bagħtet l-irġiel li kienu qed ifittxu lill-ispiji xi mkien ieħor. Hi u n-nies taʼ darha nżammu ħajjin meta l-Iżraelin ħadu lil Ġeriko taħt idejhom. Raħab abbandunat il-ħajja midinba tagħha, qdiet lil Ġeħova b’lealtà, u saret antenata tal-Messija. (Ġoż. 2:1-6; 6:22, 23; Mt. 1:1, 5) Kemm ġiet imbierka għall-fidi u l-kuraġġ tagħha!
9. Debora, Barak, u Ġagħel kif urew fidi?
9 Wara li miet Ġożwè madwar is-sena 1450 Q.E.K., l-imħallfin ħadu ħsieb li tinżamm il-ġustizzja f’Iżrael. Is-sultan Kangħani Ġabin kien ilu jaħqar lill-Iżraelin għal 20 sena meta Alla uża l-profetessa Debora biex tqanqal lill-Imħallef Barak jiġġieled kontra dan is-sultan. Barak ġabar 10,000 raġel fuq il-Muntanja Tabor u kien lest biex jibda battalja mal-kap militari taʼ Ġabin, Sisera. Sisera kien daħal fil-wied taʼ Kison mal-armata tiegħu u 900 karru tal-gwerra. Meta l-Iżraelin immarċjaw għal ġol-wied, Alla ġiegħel li jkun hemm dilluvju ħabta u sabta. Tant kien hemm tajn fl-art li l-karrijiet Kangħanin ma setgħux jiċċaqalqu. L-irġiel taʼ Barak rebħu l-battalja, u “l-kamp kollu taʼ Sisera waqaʼ b’xifer is-sejf.” Sisera nnifsu pprova jistkenn fit-tinda taʼ Ġagħel, imma hi qatlitu waqt li kien rieqed. Fi qbil mal-kliem profetiku taʼ Debora lil Barak, il-mara Ġagħel ħadet “l-unur” għal din ir-rebħa. Peress li Debora, Barak, u Ġagħel aġixxew b’kuraġġ, l-art t’Iżrael “ma kellhiex iktar tfixkil għal erbgħin sena.” (Mħ. 4:1-9, 14-22; 5:20, 21, 31) Ħafna rġiel u nisa li għandhom devozzjoni lejn Alla wrew fidi u kuraġġ simili.
KLIEMNA JISTAʼ JNISSEL KURAĠĠ
10. Għala jistaʼ jingħad li kliemna jistaʼ jnissel kuraġġ?
10 Dak li ngħidu jistaʼ jnissel kuraġġ fi sħabna l-aduraturi taʼ Ġeħova. Fil-ħdax-il seklu Q.E.K., is-Sultan David qal lil ibnu Salamun: “Kun kuraġġuż u b’saħħtek u aġixxi. Tibżax u titwerwirx, għax Alla Ġeħova, Alla tiegħi, qiegħed miegħek. Mhux se jabbandunak jew jitilqek sakemm jintemm ix-xogħol kollu tas-servizz tad-dar taʼ Ġeħova.” (1 Kron. 28:20) Salamun aġixxa b’kuraġġ u bena t-tempju mill-isbaħ taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm.
11. Il-kliem kuraġġuż taʼ tfajla Iżraelija, x’effett kellu fuq il-ħajja taʼ wieħed raġel?
11 Fl-għaxar seklu Q.E.K., il-kliem kuraġġuż taʼ tfajla Iżraelija wera li kien taʼ barka għal raġel bil-ġdiem. Kienet ittieħdet minn qatgħa ħallelin u saret qaddejja tal-kap tal-armata Sirjana, Nagħman, li kellu l-ġdiem. Peress li kienet tgħallmet dwar il-mirakli li Ġeħova kien wettaq permezz taʼ Eliżew, hi qalet lil mart Nagħman li jekk żewġha jmur Iżrael, il-profeta t’Alla setaʼ jfejqu. Nagħman mar f’Iżrael, ġie mfejjaq b’miraklu, u sar aduratur taʼ Ġeħova. (2 Slat. 5:1-3, 10-17) Jekk int żagħżugħ li tħobb lil Alla kif għamlet din it-tfajla, hu jistaʼ jagħtik il-kuraġġ biex tagħti xhieda lil għalliema, studenti sħabek, u oħrajn.
12. Kliem is-Sultan Ħeżekija kif effettwa lis-sudditi tiegħu?
12 Kliem magħżul bir-reqqa fi żminijiet taʼ periklu jistaʼ jnissel kuraġġ. Meta l-Assirjani ġew kontra Ġerusalemm fit-tmien seklu Q.E.K., is-Sultan Ħeżekija qal lis-sudditi tiegħu: “Kunu kuraġġużi u b’saħħitkom. Tibżgħux u titwerwrux minħabba s-sultan taʼ l-Assirja u minħabba l-kotra kollha li hemm miegħu; għax magħna hemm iktar milli hemm miegħu. Miegħu hemm driegħ tal-laħam, imma magħna hemm Ġeħova Alla tagħna biex jgħinna u jiġġieled il-battalji tagħna.” Dan il-kliem kif intlaqaʼ? “In-nies bdew iqawwu qalbhom malli semgħu kliem Ħeżekija”! (2 Kron. 32:7, 8) Kliem simili jistaʼ jqawwilna qalbna u qalb Kristjani oħrajn meta nkunu persegwitati.
13. Il-qaddej tas-Sultan Aħab, Għobadija, għala kien eżemplari fil-kuraġġ?
13 Kultant il-kuraġġ jintwera b’dak li ma ngħidux. Fl-għaxar seklu Q.E.K., il-qaddej tas-Sultan Aħab, Għobadija, b’kuraġġ ħeba mitt profeta taʼ Ġeħova “fl-għerien ħamsin, ħamsin,” ħalli ma jiġux maqtulin bl-ordni tas-sultana mill-agħar Ġeżabel. (1 Slat. 18:4) Bħal Għobadija, li kellu l-biżaʼ t’Alla, ħafna mill-qaddejja leali taʼ Ġeħova tal-lum bil-kuraġġ ipproteġew lill-aduraturi sħabhom billi ma tawx informazzjoni dwarhom lill-persekuturi.
ESTER—SULTANA KURAĠĠUŻA
14, 15. Is-Sultana Ester kif uriet il-fidi u l-kuraġġ, u b’liema riżultat?
14 Is-sultana Ester uriet fidi u kuraġġ liema bħalhom meta Ħaman, raġel mill-agħar, għamel konfoffa li pperikolat il-ħajjiet tal-Lhud fl-Imperu Persjan fil-ħames seklu Q.E.K. Mhux taʼ b’xejn li tnikktu u samu u bla dubju talbu b’qalbhom kollha! (Est. 4:1-3) Is-Sultana Ester ma kinitx taf fejn se taqbad tagħti rasha. Kuġinuha Mordekaj bagħtilha kopja tal-liġi li awtorizzat il-massakru u qalilha biex tidher quddiem is-sultan u titolbu jħenn għal sħabha l-Lhud. Imma kull min kien jidħol quddiem is-sultan mingħajr stedina kien jinqatel.—Est. 4:4-11.
15 Però, Mordekaj qal lil Ester: ‘Jekk int tibqaʼ siekta għalkollox, il-ħelsien jiġi minn xi mkien ieħor. Imma min jaf jekk kienx għal żmien bħal dan li int ksibt dinjità rjali?’ Ester ħeġġet lil Mordekaj biex jiġbor lil-Lhud f’Susan u jsumu għaliha. Hi qalet: ‘Jien se nsum ukoll, u wara dan nidħol għand is-sultan, għalkemm hi ħaġa kontra l-liġi; u fil-każ li għandi mmut, immut.’ (Est. 4:12-17) Ester aġixxiet b’kuraġġ, u l-ktieb li jġorr isimha juri li Alla ħeles lill-poplu tiegħu. Fi żmienna, il-Kristjani midlukin u sħabhom dedikati juru kuraġġ simili fil-provi—u “Semmiegħ it-talb” dejjem jinsab fuq in-naħa tagħhom.—Aqra Salm 65:2; 118:6.
“AGĦMEL KURAĠĠ”
16. X’eżempju ħalla Ġesù għaż-żgħażagħ?
16 Darba minnhom fl-ewwel seklu E.K., Ġesù, li kellu 12-il sena, instab fit-tempju “bil-qiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom.” Iktar minn hekk, “dawk kollha li kienu qed jisimgħuh baqgħu mistagħġbin b’kemm kien jifhem u bit-tweġibiet tiegħu.” (Lq. 2:41-50) Għalkemm kien żgħir, Ġesù kellu l-fidi u l-kuraġġ meħtiġin biex jistaqsi mistoqsijiet lill-għalliema akbar minnu fit-tempju. Iż-żgħażagħ fil-kongregazzjoni Kristjana għandhom jiftakru fl-eżempju taʼ Ġesù. Dan se jgħinhom jużaw kull opportunità biex ‘jiddefendu ruħhom quddiem kulmin ikun irid raġuni għat-tama li għandhom.’—1 Pt. 3:15.
17. Ġesù għala ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex ‘jagħmlu kuraġġ,’ u aħna għala għandna bżonn naġixxu b’kuraġġ?
17 Ġesù ħeġġeġ lil oħrajn biex ‘jagħmlu kuraġġ.’ (Mt. 9:2, 22) Hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Ara! Ġejja s-siegħa, u tabilħaqq ġiet, meta tixterdu kull wieħed lejn daru u tħalluni waħdi; u madankollu m’iniex waħdi, għax il-Missier qiegħed miegħi. Għedtilkom dan sabiex permezz tiegħi jkollkom il-paċi. Fid-dinja qed ikollkom it-tribulazzjoni, imma agħmlu kuraġġ! Jien irbaħt lid-dinja.” (Ġw. 16:32, 33) Bħas-segwaċi bikrin taʼ Ġesù, aħna niffaċċjaw il-mibegħda tad-dinja, imma ejja ma nsirux bħad-dinja. Il-meditazzjoni fuq l-eżempju kuraġġuż tal-Iben t’Alla tistaʼ tagħtina l-kuraġġ biex nibqgħu bla tebgħa f’din id-dinja. Hu rebaħ lid-dinja, u aħna nistgħu wkoll.—Ġw. 17:16; Ġak. 1:27.
18, 19. L-appostlu Pawlu ta liema prova taʼ fidi u kuraġġ?
18 L-appostlu Pawlu ssaporta ħafna provi. Darba minnhom, il-Lhud f’Ġerusalemm kienu se jbiċċruh li kieku s-suldati Rumani ma salvawhx. Matul il-lejl, “il-Mulej qagħad ħdejh u qallu: ‘Agħmel kuraġġ! Għax bħalma tajt xiehda bir-reqqa dwari f’Ġerusalemm, hekk ukoll trid tagħti xiehda f’Ruma.’” (Atti 23:11) Pawlu għamel preċiż hekk.
19 Pawlu bla biżaʼ ċanfar lill-“appostli raffinati żżejjed,” li pprovaw jikkorrompu l-kongregazzjoni f’Korintu. (2 Kor. 11:5; 12:11) Kuntrarju għalihom, hu setaʼ jagħti prova li kien appostlu minħabba dak li għadda minnu—tfigħ fil-ħabs, swat, vjaġġi perikolużi, perikli oħrajn, ġuħ, għatx, u ljieli bla rqad, kif ukoll tħassib profond għal aduraturi sħabu. (Aqra t-2 Korintin 11:23-28.) X’eżempju taʼ fidi u kuraġġ—kollu prova tas-saħħa mogħtija minn Alla!
20, 21. (a) Agħti eżempju li juri li għandna nibqgħu rrabbu l-kuraġġ. (b) F’liema ċirkustanzi għandna mnejn ikollna nuru kuraġġ, u minn xiex nistgħu nkunu ċerti?
20 Mhux il-Kristjani kollha jesperjenzaw il-persekuzzjoni ħarxa. Imma kollha għandhom irabbu l-kuraġġ sabiex jissaportu sitwazzjonijiet diffiċli fil-ħajja. Biex nagħtu eżempju: Raġel żagħżugħ fil-Brażil kien jagħmel parti minn klikka. Wara li studja l-Bibbja ra l-bżonn li jagħmel bidliet, imma s-soltu kull min kien jitlaq mill-klikka kien jiġi maqtul. Talab u uża l-Iskrittura biex juri l-kap tal-klikka għala ma setax jibqaʼ fiha. Ir-raġel żagħżugħ tħalla jitlaq mingħajr ma sofra xi tip taʼ tpattija u sar pubblikatur tas-Saltna.
21 Il-kuraġġ hu meħtieġ biex tipprietka l-aħbar tajba. Iż-żgħażagħ Kristjani jeħtieġu din il-kwalità jekk iridu li jżommu l-integrità fl-iskola. Hemm bżonn il-kuraġġ biex titlob il-ħin sabiex tattendi s-sessjonijiet kollha tal-konvenzjoni. U nistgħu nibqgħu sejrin. Però, niffaċċjaw liema sfidi niffaċċjaw, Ġeħova se jismaʼ ‘t-talb tagħna tal-fidi.’ (Ġak. 5:15) U żgur jistaʼ jagħtina l-ispirtu qaddis tiegħu ħalli nkunu nistgħu nkunu ‘kuraġġużi u nagħmlu l-ħila’!
[Stampa f’paġna 11]
Enok ipprietka bil-kuraġġ f’dinja bla devozzjoni lejn Alla
[Stampa f’paġna 12]
Ġagħel kienet kuraġġuża u soda