LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 4/15 pp. 5-7
  • Fejn Tistaʼ Ssib Valuri Spiritwali Veri?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Fejn Tistaʼ Ssib Valuri Spiritwali Veri?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għażla Importanti li Għandna Nagħmlu
  • Għala Taċċetta l-​Valuri t’Alla
  • “Fejn Tmur Int, Immur Jien”
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Imita l-ħbieb tal-qalb taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Rut
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • “Mara mill-Aħjar”
    Imita l-Fidi Tagħhom
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 4/15 pp. 5-7

Fejn Tistaʼ Ssib Valuri Spiritwali Veri?

“JEKK int se ssegwi reliġjon sempliċement minħabba tradizzjoni tal-​familja, għala ma tagħżilx ir-​reliġjon Ċeltika li pprattikaw l-​antenati tagħna 2,000 sena ilu?” jistaqsi Rodolphe b’ton sarkastiku. L-​idea ġġiegħel liż-​żagħżugħ li kien qed jisimgħu jitbissem.

“Ir-​relazzjoni tiegħi m’Alla hija importanti ħafna għalija,” jgħid Rodolphe. “Jien totalment kontra l-​idea li l-​konvinzjonijiet reliġjużi għandhom jiġu sforzati fuqi minħabba t-​tradizzjoni, sempliċement għaliex membri tal-​familja tiegħi li għexu għaxriet jew saħansitra mijiet taʼ snin ilu pprattikaw ċerta reliġjon.” Rodolphe qagħad jiżen il-​fatti sewwa, ma ttrattax din il-​kwistjoni importanti bħala sempliċement xi ħaġa li wiret.

Għalkemm dan iż-​żmien ir-​reliġjon m’għadhiex tintiret daqskemm kienet qabel, il-​maġġuranza għadhom iħaddnu r-​reliġjon tal-​familja tagħhom. Imma huwa dejjem tajjeb li tibqaʼ żżomm mal-​valuri reliġjużi tal-​ġenituri? Il-​Bibbja x’tgħid dwar dan?

Wara 40 sena fid-​deżert, Ġożwè, is-​suċċessur taʼ Mosè, tahom għażla lill-​Iżraelin: “U jekk ma jogħġobkomx taqdu l-​Mulej, agħżlu llum lil min tridu taqdu; jekk hux l-​allat li kienu jaqdu missirijietkom lil hemm mix-​xmara, jew l-​allat taʼ l-​Amurrin li f’arthom qegħdin tgħammru. Imma jien u dari naqdu l-​Mulej.”​—Ġożwè 24:15.

Wieħed mill-​missirijiet li rrefera għalih Ġożwè kien Teraħ, missier Abraham, li għex fil-​belt taʼ Ur, li dak iż-​żmien kienet tinsab fil-​lvant tax-​Xmara Ewfrat. Il-​Bibbja ma tgħidilniex ħafna dwar Teraħ, ħlief il-​fatt li kien jaqdi allat oħra. (Ġożwè 24:2) Ibnu Abraham, għalkemm ma kellux għarfien eżatt dwar l-​iskop taʼ Jehovah, kien lest li jitlaq mill-​belt fejn kien jgħix meta Jehovah ikkmandah jagħmel hekk. Iva, Abraham għażel reliġjon differenti minn dik taʼ missieru. Talli għamel dan, Abraham irċieva l-​barkiet li Alla kien wiegħdu, u sar il-​bniedem li ħafna reliġjonijiet iqisuh bħala “l-​missier taʼ dawk kollha li jemmnu [f’Alla].”—Rumani 4:11.

Il-​Bibbja titkellem ukoll b’mod favorevoli dwar l-​istorja taʼ Rut, antenata taʼ Ġesù Kristu. Rut, mara Mowabija li żżewġet wieħed Iżraeli, romlot u kellha tiffaċċja għażla: li tibqaʼ f’pajjiżha jew tirritorna mal-​kunjata tagħha lejn Iżrael. Peress li għarfet il-​valur superjuri tal-​qima taʼ Jehovah meta qabblitha mal-​qima idolatruża li kienu jipprattikaw il-​ġenituri tagħha, Rut qalet lill-​kunjata tagħha: “Niesek, niesi; Alla tiegħek, Alla tiegħi.”—Rut 1:​16, 17.

F’kumment dwar is-​sinifikat taʼ dan ir-​rakkont fil-​lista tal-​kotba tal-​Bibbja, id-​Dictionnaire de la Bible jispjega li dan juri “kif mara barranija, li twieldet fost nies pagani li kienu għedewwa taʼ Iżrael u mibgħudin minnhom, . . . sforz l-​imħabba tagħha lejn il-​ġens u l-​qima taʼ Jehovah, hi ġiet murija favur tant li saret antenata tas-​Sultan qaddis David.” Rut ma qagħditx lura milli tagħżel reliġjon differenti minn dik tal-​ġenituri tagħha, u b’riżultat taʼ dik id-​deċiżjoni, kisbet il-​barka t’Alla.

Ir-rakkont dwar il-​bidu tal-​Kristjanità huwa iktar ċar dwar ir-​raġunijiet għala d-​dixxipli taʼ Ġesù abbandunaw ir-​reliġjon taʼ l-​antenati tagħhom. F’taħdita ferm konvinċenti, l-​appostlu Pietru stieden lill-​udjenza tiegħu biex ‘isalvaw minn dan in-​nisel ħażin.’ (Atti 2:​37-41) Wieħed mill-​iktar eżempji li jispikka kien dak taʼ Sawl, Lhudi li kien jippersegwita lill-​Kristjani. Waqt li kien sejjer lejn Damasku, hu ra viżjoni taʼ Kristu. Wara dan Sawl sar Kristjan u sar magħruf bħala l-​appostlu Pawlu.​—Atti 9:​1-9.

Il-maġġuranza tal-​Kristjani bikrin ma kellhomx esperjenza spettakolari bħal din. Minkejja dan, ilkoll kellhom jabbandunaw il-​Ġudaiżmu jew il-​qima taʼ diversi allat pagani. Dawk li aċċettaw il-​Kristjanità għamlu hekk b’għarfien sħiħ tal-​fatti kollha, taʼ spiss wara xi diskussjoni twila dwar l-​irwol taʼ Ġesù bħala l-​Messija. (Atti 8:​26-40; 13:​16-43; 17:​22-34) Dawk il-​Kristjani tal-​bidu kienu informati sew bil-​bżonn li jbiddlu l-​ħajjiet tagħhom. L-​istedina kienet għal kulħadd, kemm għal-​Lhud u kemm għal dawk mhux Lhud, imma l-​messaġġ baqaʼ l-​istess. Biex jogħġbu ’l Alla, kien neċessarju li jsegwu forma ġdida taʼ qima, dik tal-​Kristjanità.

Għażla Importanti li Għandna Nagħmlu

Żgur li fl-​ewwel seklu kien jirrikjedi kuraġġ biex tiċħad it-​tradizzjonijiet reliġjużi tal-​familja​—il-​Ġudaiżmu, il-​qima taʼ l-​imperatur, il-​qima t’allat foloz​—u li tingħaqad maʼ moviment li kien imwaqqaʼ għaċ-​ċajt kemm mil-​Lhud kif ukoll mir-​Rumani. Din l-​għażla malajr wasslet għal persekuzzjoni ħarxa. Illum, jirrikjedi kuraġġ simili biex wieħed jirrifjuta “li jħalli lilu nnifsu jiġi involut u aljenat mill-​atmosfera tal-​konformiżmu li hu tant mifrux,” jgħid Hippolyte Simon, l-​isqof Kattoliku taʼ Clermont-Ferrand, fil-​ktieb tiegħu Vers une France païenne? (Lejn Franza Pagana?) Jirrikjedi kuraġġ li tassoċja maʼ moviment reliġjuż żgħir li kultant jiġi kritikat, bħal dak tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

Paul, żagħżugħ minn Bastia, fil-​Korsika, li trabba fir-​reliġjon Kattolika, kultant ħa sehem f’attivitajiet tal-​knisja, bħal li jbigħ il-​pasti għal ġbir tal-​fondi għal organizzazzjoni tal-​karità fil-​knisja Kattolika. Peress li xtaq ikollu għarfien aħjar tal-​Bibbja, hu qabel li jkollu diskussjonijiet regulari max-​Xhieda taʼ Jehovah. Maż-​żmien, hu rrealizza li dak li kien qed jitgħallem kien se jġiblu benefiċċji dejjiema. B’hekk, Paul aċċetta bis-​sħiħ il-​valuri tal-​Bibbja u sar wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Il-​ġenituri tiegħu rrispettaw l-​għażla tiegħu, u dan m’effettwax ir-​relazzjoni intima li kellu mal-​familja tiegħu.

Amélie tgħix fin-​nofsinhar taʼ Franza. Membri tal-​familja tagħha ilhom Xhieda taʼ Jehovah għal erbaʼ ġenerazzjonijiet. Għala għażlet li taċċetta l-​valuri reliġjużi tal-​ġenituri tagħha? “Int ma ssirx waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah għaliex il-​ġenituri jew in-​nanniet tiegħek huma jew kienu Xhieda taʼ Jehovah,” tgħid hi. “Imma maż-​żmien, waħdek tirrealizza u tgħid ‘Din hija r-​reliġjon tiegħi għaliex dawn huma l-​konvinzjonijiet tiegħi.’” Bħal ħafna żgħażagħ oħra li huma Xhieda taʼ Jehovah, Amélie taf li l-​konvinzjonijiet reliġjużi sodi tagħha jagħtuha skop fil-​ħajja u huma s-​sors taʼ ferħ dejjiemi.

Għala Taċċetta l-​Valuri t’Alla

Il-​ktieb tal-​Proverbji, kapitlu 6, vers 20, jinkuraġġixxi lil dawk kollha li jixtiequ jogħġbu lil Alla: “Ħares, ibni, ordnijiet missierek, u twarrbux tagħlim ommok.” Minflok ma jħeġġeġ liż-​żgħażagħ biex jobdu bla ma jifhmu, dan il-​parir jinkuraġġihom jaċċettaw il-​livelli t’Alla billi jsaħħu l-​fidi tagħhom u billi jieħdu l-​waqfa tagħhom fuq in-​naħa t’Alla. L-​appostlu Pawlu stieden lil sħabu biex ‘ikunu żguri mill-​affarijiet kollha,’ ħalli jiċċekkjaw li dak li kienu qed jitgħallmu kien fi qbil mal-​Kelma t’Alla u r-​rieda Tiegħu, u biex jimxu skond dak li jitgħallmu.​—1 Tessalonikin 5:21.

Sew jekk trabbew f’xi familja Kristjana u sew jekk le, l-​iktar minn sitt miljun Xhud taʼ Jehovah, kemm żgħażagħ u kemm dawk avanzati fl-​età, ħadu deċiżjoni bħal din. Permezz taʼ studju diliġenti tal-​Bibbja, sabu tweġibiet taʼ min jafdahom għall-​mistoqsijiet tagħhom dwar l-​iskop tal-​ħajja u kisbu fehma ċara dwar ir-​rieda t’Alla għall-​umanità. Meta ħadu dan l-​għarfien, huma aċċettaw il-​valuri t’Alla u għamlu l-​almu tagħhom biex jagħmlu r-​rieda t’Alla.

Kemm jekk int qarrej regulari taʼ din ir-​rivista u kemm jekk le, għala ma taċċettax l-​offerta tax-​Xhieda taʼ Jehovah biex jgħinuk tfittex fil-​Bibbja sabiex teżamina l-​valuri spiritwali li ssib fiha? B’dan il-​mod, int tkun tistaʼ ‘tipprova u tara kemm hu tajjeb il-​Mulej’ u takkwista għarfien li, meta tipprattikah, iwassal għall-​ħajja taʼ dejjem.—Salm 34:9 (34:​8, NW); Ġwann 17:3.

[Stampa f’paġna 5]

Erbaʼ ġenerazzjonijiet taʼ familja taʼ Xhieda taʼ Jehovah fi Franza

[Stampa f’paġna 7]

Rut għażlet li taqdi lil Jehovah minflok l-​allat taʼ l-​antenati tagħha

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja