Id-Djarju taʼ Noè—Għandu Xi Tifsira Għalina?
META Ġesù kien qed jagħti l-profezija dwar is-sinjal tat-tmiem tas-sistema dinjija, hu qal: “Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja taʼ Bin il-bniedem.” (Mattew 24:3, 37) B’mod ċar, Ġesù bassar li dak li qed jiġri fi żmienna jistaʼ jitqabbel maʼ żmien Noè. Rakkont dettaljat u taʼ min joqgħod fuqu tal-ġrajjiet taʼ żmien Noè jistaʼ jkun imprezzabbli għalina.
Huwa d-djarju taʼ Noè daqshekk taʼ valur? Għandu l-kredenzjali taʼ dokument verament storiku? Nistgħu aħna verament niddeterminaw meta seħħ id-Dilluvju?
Id-Dilluvju Meta Seħħ?
Il-Bibbja tipprovdi informazzjoni kronoloġika li tgħinna ngħoddu lura b’eżattezza sal-bidu taʼ l-istorja tal-bniedem. F’Ġenesi 5:1-29, insibu l-linja ġenealoġika mill-ħolqien taʼ l-ewwel bniedem, Adam, sat-twelid taʼ Noè. Id-Dilluvju beda “fis-sitt mitt sena taʼ għomor Noè.”—Ġenesi 7:11.
Biex niddeterminaw iż-żmien tad-Dilluvju rridu nibdew b’data kruċjali. Jiġifieri, għandna nibdew b’data li hija aċċettata fl-istorja sekulari u li għandha x’taqsam maʼ ġrajja partikulari dokumentata fil-Bibbja. Minn din id-data kruċjali nistgħu nikkalkulaw u nagħtu data speċifika għad-Dilluvju bbażata fuq il-kalendarju Gregorjan li nużaw illum.
Data kruċjali waħda hija s-sena 539 Q.E.K., is-sena li fiha Babilonja waqgħet f’idejn is-Sultan Persjan Ċiru. Sorsi sekulari dwar iż-żmien tal-ħakma tiegħu jinkludu t-twavel u d-dokumenti Babiloniżi taʼ Dijodoru, Afrikan, Ewsebju, u Ptolomew. Minħabba digriet maħruġ minn Ċiru, fdal taʼ Lhud telqu minn Babilonja u waslu f’art twelidhom fis-sena 537 Q.E.K. Dan immarka t-tmiem tas-70 sena tal-ħerba taʼ Ġuda, li skond ir-rekord Bibliku kien beda fis-sena 607 Q.E.K. Jekk nikkalkulaw il-perijodu taʼ l-imħallfin u r-renji tas-Slaten taʼ Iżrael, inkunu nistgħu niddeterminaw li l-ħruġ taʼ l-Iżraelin mill-Eġittu seħħ fis-sena 1513 Q.E.K. Il-kronoloġija bbażata fuq il-Bibbja tiħodna lura 430 sena oħra għaż-żmien meta sar il-patt m’Abraham fis-sena 1943 Q.E.K. Imbagħad irridu nikkunsidraw meta twieldu u kemm għexu Teraħ, Naħor, Xerug, Regħu, Peleg, Għeber, u Selaħ, kif ukoll Arfaksad, li twieled “sentejn wara d-dilluvju.” (Ġenesi 11:10-32) Għalhekk, nistgħu nistabbilixxu li l-bidu tad-Dilluvju seħħ fis-sena 2370 Q.E.K.a
Jibdew Neżlin l-Ilmijiet tad-Dilluvju
Qabel ma nirrivedu l-ġrajjiet taʼ żmien Noè, jekk jogħġbok aqra Ġenesi kapitlu 7 vers 11 sa kapitlu 8 vers 4. Dwar l-ilmijiet tad-Dilluvju, hemm miktub: “Fis-sitt mitt sena taʼ għomor Noè [2370 Q.E.K.], fit-tieni xahar, fis-sbatax-il jum tax-xahar, f’dan il-jum infaqgħu l-għejun tal-qiegħ il-kbir u nfetħu bwieb is-smewwiet.”—Ġenesi 7:11.
Noè qasam is-sena fi 12-il xahar taʼ 30 ġurnata l-wieħed. Fl-antik, l-ewwel xahar kien jibda madwar nofs ix-xahar taʼ Settembru tal-kalendarju tagħna. L-ilmijiet tad-Dilluvju bdew neżlin “fit-tieni xahar, fis-sbatax-il jum tax-xahar” u baqgħu neżlin għal 40 jum u 40 lejl matul ix-xhur taʼ Novembru u Diċembru tas-sena 2370 Q.E.K.
Dwar id-Dilluvju nafu wkoll: “L-ilmijiet baqgħu jgħarrqu l-art għal mija u ħamsin jum. . . . U l-ilmijiet bdew rieġgħa lura minn fuq l-art, u baqgħu sejrin lura sakemm naqsu għalkollox wara mija u ħamsin jum. U waqfet l-arka fis-sebaʼ xahar, fis-sbatax-il jum tax-xahar, fuq il-muntanja taʼ Ararat.” (Ġenesi 7:24–8:4) Għalhekk, il-perijodu minn meta l-ilmijiet għarrqu l-art sakemm naqsu għalkollox kien taʼ 150 jum, jew ħames xhur. L-arka b’hekk sabet ruħha wieqfa fuq il-muntanja t’Ararat f’April tas-sena 2369 Q.E.K.
Issa jekk jogħġbok aqra Ġenesi 8:5-17. Il-qċaċet tal-muntanji dehru kważi xahrejn u nofs (73 jum) wara, fl-“għaxar xahar [Ġunju], fl-ewwel tax-xahar.” (Ġenesi 8:5)b Tliet xhur (90 jum) wara—meta Noè kellu “sitt mija u wieħed, fl-ewwel xahar, fl-ewwel jum tax-xahar,” jew f’nofs Settembru, tas-sena 2369 Q.E.K.—Noè neħħa l-għatu taʼ l-arka. Imbagħad setaʼ jara li “wiċċ l-art kien nixef.” (Ġenesi 8:13) Xahar u 27 ġurnata (57 jum) wara, “fit-tieni xahar, fis-[“sebgħa u għoxrin,” Saydon] jum tax-xahar [f’nofs Novembru, tas-sena 2369 Q.E.K.], nixfet l-art.” Noè u l-familja tiegħu dakinhar ħarġu mill-arka fuq art nixfa. B’hekk, Noè u l-oħrajn kienu qattgħu sena qamrija u għaxart ijiem (370 jum) fl-arka.—Ġenesi 8:14.
Dawn id-dokumenti preċiżi li jinvolvu ġrajjiet, dettalji, u fatturi taż-żmien taʼ xiex jagħtu prova? Sempliċement taʼ dan: Il-profeta Lhudi Mosè, li b’mod evidenti bbaża l-ktieb taʼ Ġenesi fuq dokumenti li hu kien irċieva, kien qed juri fatti, u mhux ħrejjef. Għalhekk, id-Dilluvju għandu tifsira sinifikanti għalina llum.
Kittieba Oħra fil-Bibbja Kif Qisuh id-Dilluvju?
Minbarra r-rakkont taʼ Ġenesi, hemm ħafna referenzi oħra għal Noè jew għad-Dilluvju fil-Bibbja. Biex nagħtu eżempju:
(1) Esdra, wieħed li kien jagħmel ir-riċerki, inkluda lil Noè u lil uliedu (Sem, Ħam, u Ġafet) fil-ġenealoġija tal-ġens taʼ Iżrael.—1 Kronaki 1:4-17.
(2) Luqa, tabib u kittieb taʼ wieħed mill-evanġelji, jinkludi lil Noè fil-lista taʼ l-antenati taʼ Ġesù Kristu.—Luqa 3:36.
(3) L-appostlu Pietru spiss isemmi r-rakkont tad-Dilluvju meta jikteb lill-Kristjani sħabu.—2 Pietru 2:5; 3:5, 6.
(4) L-appostlu Pawlu jitkellem dwar il-fidi kbira li wera Noè meta bena l-arka biex isalva lill-familja tiegħu.—Lhud 11:7.
Jistaʼ jkun hemm xi dubju jekk dawn il-kittieba ispirati tal-Bibbja aċċettawhx ir-rakkont taʼ Ġenesi dwar id-Dilluvju? Bla dubju taʼ xejn, huma kkunsidrawh bħala ġrajja vera.
Ġesù u d-Dilluvju
Ġesù Kristu kellu eżistenza preumana. (Proverbji 8:30, 31) Hu kien ħlejqa spirtu fis-smewwiet waqt id-Dilluvju. Bħala xhud li ra b’għajnejh stess, Ġesù għalhekk jagħtina l-aqwa konferma Skritturali taʼ Noè u d-Dilluvju. Ġesù qal: “Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja taʼ Bin il-bniedem. Għax kif fiż-żmien taʼ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja taʼ Bin il-bniedem.”—Mattew 24:37-39.
Kien Ġesù se juża xi ħrafa tan-nanniet biex iwissina dwar il-miġja taʼ tmiem is-sistema dinjija? Dażgur li le! Aħna fiduċjużi li Ġesù uża eżempju reali taʼ ġudizzju divin kontra l-ħżiena. Iva, kienu ħafna li tilfu ħajjithom, imma nistgħu niksbu l-faraġ mill-fatt li nafu li Noè u l-familja tiegħu ġew salvati mid-Dilluvju.
“Żmien Noè” huwa sinifikanti ħafna għal dawk li jgħixu llum, matul “il-miġja taʼ Bin il-bniedem,” Ġesù Kristu. Aħna u naqraw ir-rakkont dettaljat tad-Dilluvju globali preservat fi djarju li żamm Noè, nistgħu nibqgħu ċerti li dan huwa dokument storiku ġenwin. U r-rakkont ispirat minn Alla tad-Dilluvju għandu tifsira kbira għalina. Sewwasew bħalma Noè, uliedu, u n-nisa tagħhom kellhom fidi fil-mezz li Alla uża biex isalvahom, hekk ukoll aħna llum nistgħu niġu protetti minn Jehovah fuq il-bażi tal-fidi tagħna fil-prezz tal-fidwa li ħallas Ġesù. (Mattew 20:28) Iktar minn hekk, aħna jistaʼ jkollna t-tama li nkunu fost dawk li se jsalvaw fit-tmiem taʼ din is-sistema dinjija mill-agħar bħalma nistgħu naraw mid-djarju taʼ Noè li kemm hu u kemm il-familja salvaw mid-Dilluvju li ġab fit-tmiem id-dinja ħażina taʼ dak iż-żmien.
[Noti taʼ taħt]
a Għal iktar dettalji dwar id-data tad-Dilluvju, ara l-1 Volum, paġni 458-60, taʼ l-Insight on the Scriptures, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
b Keil-Delitzsch Commentary on the Old Testament, l-1 Volum, paġna 148, jgħid: “Probabbilment 73 jum wara li l-arka waqfet fuq il-muntanja, il-qċaċet tal-muntanji kienu viżibbli, jiġifieri, dawk taʼ l-Armenja, li l-arka kienet imdawra bihom.”
[Kaxxa f’paġna 5]
Veru Għexu Daqshekk?
IL-BIBBJA tgħid: “Għomor Noè laħaq id-disaʼ mija u ħamsin sena; u mbagħad miet.” (Ġenesi 9:29) In-nannu taʼ Noè, Matusala, għex 969 sena—l-iktar ħajja twila li qatt ġiet dokumentata. It-tul taʼ ħajja medja taʼ l-għaxar ġenerazzjonijiet minn Adam sa Noè kien taʼ iktar minn 850 sena. (Ġenesi 5:5-31) Veru li n-nies f’dawk iż-żminijiet kienu jgħixu daqshekk?
L-iskop oriġinali t’Alla kien li l-bnedmin jgħixu għal dejjem. L-ewwel bniedem, Adam, ġie maħluq bl-opportunità li jgawdi ħajja li qatt ma kienet se tispiċċa jekk ikun ubbidjenti lejn Alla. (Ġenesi 2:15-17) Imma Adam kien diżubbidjenti u tilef dik l-opportunità. Wara 930 sena t’eżistenza, li qattagħhom fi proċess li bil-mod il-mod wasslu għall-mewt, Adam reġaʼ lura lejn l-art li minnha kien meħud. (Ġenesi 3:19; 5:5) L-ewwel bniedem għadda l-wirt tad-dnub u l-mewt lin-nisel kollu tiegħu.—Rumani 5:12.
Madankollu, in-nies li għexu f’dak il-perijodu taż-żmien kienu eqreb tal-perfezzjoni oriġinali taʼ Adam u milli jidher din hi r-raġuni għala gawdew għomor itwal minn dawk li twieldu iktar tard. B’hekk, għomor il-bniedem kien qrib l-elf sena qabel id-Dilluvju, imma naqas b’rata mgħaġġla wara li spiċċa. Per eżempju, Abraham għex biss 175 sena. (Ġenesi 25:7) U xi 400 sena wara l-mewt taʼ dan il-patrijarka leali, il-profeta Mosè kiteb: “Żmien ħajjitna hu b’kollox sebgħin sena; l-iżjed tmenin, jekk inkunu f’saħħitna; u l-biċċa l-kbira taħbit u niket.” (Salm 90:10) Is-sitwazzjoni hija l-istess illum.
[Tabella/Stampi f’paġna 6]
Ngħoddu b’Lura mid-Digriet taʼ Ċiru li Ppermetta lil-Lhud Jirritornaw mill-Eżilju sad-Dilluvju taʼ Żmien Noè
537Id-digriet taʼ Ċiruc
539Il-waqgħa taʼ Babilonja permezz taʼ Ċiru l-Persjan
68 sena
607Jibdew is-70 sena tal-ħerba taʼ Ġuda
906 snin taʼ indokrar minn mexxejja, imħallfin, u slaten taʼ Iżrael
1513 Il-Ħruġ taʼ Iżrael mill-Eġittu
430 senaPerijodu taʼ 430 sena meta wlied Iżrael għexu fl-art taʼ l-Eġittu u f’Kangħan (Eżodu 12:40, 41)
1943Il-patt Abrahamiku jintgħamel validu
205 snin
2148It-twelid taʼ Teraħ
222 sena
2370Il-Bidu tad-Dilluvju
[Nota taʼ taħt]
c Il-proklama taʼ Ċiru għall-ħelsien tal-Lhud mill-eżilju saret “fl-ewwel sena taʼ Ċiru, sultan tal-Persja,” x’aktarx fis-sena 538 Q.E.K. jew kmieni fis-sena 537 Q.E.K.