“Ersqu Lejn Alla, U Hu Jersaq Lejkom”
Qabel u Wara—Minn Fama Ħażina għal Reputazzjoni Tajba
“IL-KELMA taʼ Alla hi ħajja u qawwija, taqtaʼ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.” (Lhud 4:12) L-appostlu Pawlu hekk qal dwar il-qawwa li tinfed tal-messaġġ t’Alla. L-abbiltà li għandha biex tilħaq il-qalb spikkat speċjalment fl-ewwel seklu E.K. Minkejja l-influwenza ħażina li kien hemm f’dawk iż-żminijiet, dawk li saru Kristjani libsu l-personalità ġdida.—Rumani 1:28, 29; Kolossin 3:8-10.
Bħalma hu mniżżel fil-Bibbja, il-qawwa li tbiddel il-ħajjiet li għandha l-kelma t’Alla hija evidenti llum ukoll. Per eżempju, ikkunsidra lil Richard, raġel twil u b’saħħtu. Richard kien jiġġieled għal kull ħaġa taʼ xejn għax kien jitlagħlu malajr. Ħajtu kienet irvinata bil-vjolenza. Richard saħansitra sar membru taʼ klabb tal-boxing. Hu ħadem iebes biex jitgħallem u sar champion tal-boxing fil-Westphalia, il-Ġermanja. Richard kien ukoll jixrob ħafna u spiss kien jiġi involut f’xi frattarija. F’okkażjoni minnhom, xi ħadd ġie maqtul u Richard għal naqra ma spiċċax il-ħabs.
Xi ngħidu għaż-żwieġ taʼ Richard? Richard jirrakkonta: “Qabel ma bdejna nistudjaw il-Bibbja, jiena u Heike kellna ħajjiet indipendenti minn xulxin. Heike kienet tqattaʼ ħafna ħin maʼ sħabha, waqt li jiena gawdejt il-passatempi tiegħi—l-iktar il-boxing, surfing, u kont immur nogħdos.”
Meta Richard u Heike bdew jistudjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah, Richard kien għoddu qataʼ qalbu mill-ħsieb li jinbidel. Dan għaliex kien jidher impossibbli għalih li jġib ħajtu fi qbil mal-livelli għoljin li hemm fil-Kelma t’Alla. Madankollu, meta sar jaf aħjar lil Alla Jehovah, Richard żviluppa xewqa kbira biex jogħġbu. Induna li Alla ma japprovax lil dawk li jħobbu l-vjolenza jew lil dawk li jużawha biex jiddevertu. Hu tgħallem li, “[Jehovah] jobgħod ’il min iħobb id-dnewwa.”—Salm 11:5.
Iktar minn hekk, it-tama taʼ li jgħixu għal dejjem f’ġenna fuq l-art affaxxinat kemm lil Richard kif ukoll lil Heike. Riedu jkunu fiha flimkien! (Isaija 65:21-23) L-istedina “ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom” messitlu qalbu profondament. (Ġakbu 4:8) Hu ra kemm hu taʼ valur li jagħti kas il-parir ispirat: “Tgħirx għall-bniedem vjolenti, u titħajjarx timxi fuq xi mġiba tiegħu; għax min jimxi bl-imgħawweġ jistkerrhu l-Mulej, imma f’idejh huma dawk li jimxu bis-sewwa.”—Proverbji 3:31, 32.
Minkejja x-xewqa kbira li kellu biex ibiddel il-mod taʼ ħajja tiegħu, Richard irrealizza li hu ma setax jagħmel dan bis-saħħa tiegħu stess. Hu ra l-bżonn li jistaqsi lil Alla għall-għajnuna permezz tat-talb. Hu b’hekk mexa fi qbil mal-kliem li Ġesù qal lill-appostli Tiegħu: “Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef.”—Mattew 26:41.
Wara li tgħallem kif Jehovah iħares lejn il-vjolenza u l-korla, Richard ma kien għad baqagħlu l-ebda dubju li l-boxing m’huwiex sport aċċettabbli. Bl-għajnuna taʼ Jehovah u l-inkuraġġiment taʼ dawk li studjaw il-Bibbja miegħu, Richard ma baqax jieħu sehem f’attivitajiet vjolenti. Ma kompliex fil-boxing u l-ġlied u ddeċieda li jtejjeb il-ħajja tal-familja tiegħu. “Il-fatt li tgħallimt il-verità mill-Bibbja għenni nieqaf naħseb qabel ma naġixxi,” jgħid Richard, li issa hu indokratur ġwejjed f’waħda mill-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah. Hu jżid: “Il-prinċipji taʼ l-imħabba u r-rispett issa qed jiggwidawni fir-relazzjoni tiegħi maʼ marti u wliedi. Bħala riżultat, il-familja tagħna saret iktar magħquda.”
In-nies li m’għandhomx informazzjoni korretta kultant akkużaw lix-Xhieda taʼ Jehovah li jkissru l-familji. Madankollu, l-eżempji taʼ individwi bħal Richard juru li l-akkuża tagħhom hi falza. Fir-realtà, il-veritajiet tal-Bibbja jistgħu jagħtu stabbiltà domestika u reputazzjoni tajba lil dawk li qabel kellhom fama ħażina.—Ġeremija 29:11.
[Kumment f’paġna 9]
“It-tama t’art magħmula ġenna qanqlitni biex ninbidel”
[Kaxxa fuq paġna 9]
Il-Prinċipji tal-Bibbja Jagħmlu Xogħolhom ▸
Il-Bibbja tistaʼ ħalli effett qawwi fil-ħajjiet tan-nies. Dawn huma xi prinċipji Skritturali li għenu lil xi individwi vjolenti biex jinbidlu:
“Min għandu s-sabar aħjar mill-qalbieni, min jitrażżan aħjar mir-rebbieħ taʼ belt.” (Proverbji 16:32) Ir-rabja bla kontroll hija sinjal taʼ dgħjufija, mhux taʼ ħila.
“Bniedem bil-għaqal idum ma jagħdab.” (Proverbji 19:11) Id-dehen u l-fehma dwar xi sitwazzjoni jgħinu lil dak li jkun biex jara x’inhi eżattament ir-raġuni taʼ l-argument u dan ma jħallix li jitlagħlu malajr.
‘Tkunx ħabib taʼ min jinkorla biex ma tidrax tagħmel bħalu.’ (Proverbji 22:24, 25) Il-Kristjani, bl-għaqal kollu jevitaw sħubija maʼ dawk li huma magħrufin għar-rabja tagħhom.