Mistoqsijiet mill-Qarrejja
It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 t’April, 2002, f’paġna 11, paragrafu 7, għala stqarr li l-magħmudija fl-ilma tal-Lhud li ħaddnu t-twemmin f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. kienet b’simbolu tad-“dedikazzjoni persunali tagħhom lil Alla permezz taʼ Kristu,” meta l-ħarsa taʼ qabel kienet li l-magħmudija tal-Lhud mis-sena 33 E.K. sas-36 E.K. ma kinitx tirrikjedi dedikazzjoni persunali bħal din?
Fis-sena 1513 Q.E.K., Alla Jehovah ta opportunità lill-Iżraelin biex isiru għalih ġens qaddis bil-kundizzjoni li huma ‘jisimgħu leħnu u jżommu l-patt tiegħu.’ Huma wieġbu: “Kull ma qalilna l-Mulej nagħmluh.”—Eżodu 19:3-8; 24:1-8.
Meta l-Iżraelin qablu li jżommu l-patt tal-Liġi Mosajka, huma kienu qed jiddedikaw lilhom infushom lil Alla. Il-ġenerazzjonijiet taʼ Lhud li ġew warajhom twieldu f’dan il-ġens dedikat. Madankollu, il-magħmudija tal-Lhud li saru segwaċi taʼ Ġesù Kristu minn Pentekoste tas-sena 33 E.K. ’l quddiem kienet tinvolvi iktar milli sempliċement jippreżentaw lilhom infushom lil Alla bħala membri taʼ ġens dedikat. Din kienet tissimbolizza d-dedikazzjoni tagħhom lil Alla Jehovah f’relazzjoni ġdida miegħu permezz taʼ Ġesù Kristu. Dan kif?
Wara li l-ispirtu qaddis niżel fuq madwar 120 dixxiplu li kienu miġburin f’kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm nhar Pentekoste tas-sena 33 E.K., l-appostlu Pietru qam bil-wieqfa u beda jippriedka lil għadd kbir taʼ Lhud u proseliti li kienu nġemgħu biex jaraw x’kien ġara. Wara li tahom xiehda kif imiss, hu qal lil-Lhud li messithom il-kuxjenza: “Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem taʼ Ġesù Kristu għall-maħfra taʼ dnubietkom.” Bi tweġiba għal dak li kompla jgħidilhom Pietru, “dawk li laqgħu kliemu tgħammdu u dak in-nhar ingħaqdu mad-dixxipli madwar tlitt elef ruħ.”—Atti 2:1-41.
Dawk il-Lhud li tgħammdu wara li semgħu t-twissija taʼ Pietru, mhux diġà kienu membri taʼ ġens dedikat? Mhux diġà kienu jgawdu relazzjoni dedikata m’Alla? Le. L-appostlu Pawlu kiteb li ‘Alla neħħa l-Liġi min-nofs u sammarha [“maz-zokk tat-tortura,” NW].’ (Kolossin 2:14) Permezz tal-mewt taʼ Kristu fis-sena 33 E.K., Alla Jehovah neħħa l-patt tal-Liġi—dik l-istess bażi li ġabet lill-Iżraelin f’relazzjoni dedikata Miegħu. Il-ġens li ċaħad lill-Iben t’Alla kien issa qed jiġi miċħud minn Alla nnifsu. “Iżrael skond il-ġisem” ma setaʼ qatt jgħid li hu ġens dedikat lil Alla.—1 Korintin 10:18; Mattew 21:43.
Il-patt tal-Liġi tneħħa fis-sena 33 E.K., imma l-perijodu li fih Alla wera favur u attenzjoni speċjali lil-Lhud ma spiċċax dakinhar.a Dak il-perijodu kellu jibqaʼ sejjer sas-sena 36 E.K., meta Pietru ppriedka lil Kornelju, li kien Taljan devot, u lin-nies taʼ daru kif ukoll lil xi Ġentili oħrajn. (Atti 10:1-48) Fuq liema bażi ġie estiż dan il-favur?
“[Il-Messija] jidħol f’patt sħiħ maʼ ħafna għal tul taʼ ġimgħa waħda,” jistqarr Danjel 9:27. Il-patt li baqaʼ jgħodd għal sebaʼ snin, jew “ġimgħa waħda,” mill-magħmudija taʼ Ġesù u l-bidu tal-ministeru pubbliku tal-Messija fis-sena 29 E.K. kien il-patt Abrahamiku. Biex wieħed ikun parti minn dan il-patt, ried sempliċement ikun dixxendent t’Abraham. Dan il-patt min-naħa taʼ parti waħda ma setax jipprovdi bażi biex individwu jkollu relazzjoni dedikata maʼ Jehovah. Għaldaqstant, dawk il-Lhud li emmnu u tgħammdu wara d-diskors li għamel Pietru f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., għalkemm irċivew attenzjoni speċjali bħala Lhud naturali, ma kellhomx jedd għal relazzjoni dedikata m’Alla ladarba l-patt tal-Liġi kien tneħħa. Huma kellhom bżonn personalment jiddedikaw lilhom infushom lil Alla.
Dedikazzjoni persunali min-naħa tal-Lhud u l-proseliti li ppreżentaw lilhom infushom biex jitgħammdu fil-jum taʼ Pentekoste tas-sena 33 E.K. kienet essenzjali minħabba raġuni oħra. Lappostlu Pietru wissa lis-semmiegħa tiegħu biex jindmu u jitgħammdu f’isem Ġesù. Biex jagħmlu dan kien jeħtiġilhom jabbandunaw il-modi tad-dinja u jirrikonoxxu lil Ġesù bħala l-Mulej u l-Messija, bħala l-Qassis il-Kbir, u bħala l-wieħed li qiegħed bil-qiegħda fil-leminija t’Alla fis-sema. Kien jeħtiġilhom isejħu isem Alla Jehovah biex isalvaw permezz taʼ Ġesù Kristu, u dan kien jinvolvi li jeżerċitaw fidi fi Kristu u jirrikonoxxuh bħala l-Mexxej tagħhom. Il-bażi kollha sabiex wieħed ikollu relazzjoni m’Alla u jikseb il-maħfra tad-dnubiet issa kienet inbidlet għalkollox. Bħala individwi, il-Lhud li emmnu kien jeħtiġilhom jaċċettaw dan l-arranġament ġdid. Kif? Billi jagħmlu dedikazzjoni lil Alla u jipproklamaw din id-dedikazzjoni quddiem kulħadd billi jiġu mgħaddsin kompletament fl-ilma f’isem Ġesù Kristu. Il-magħmudija taʼ l-ilma kienet simbolu tad-dedikazzjoni tagħhom lil Alla, u din wasslithom għal relazzjoni ġdida miegħu permezz taʼ Ġesù Kristu.—Atti 2:21, 33-36; 3:19-23.
[Nota taʼ taħt]
a Meta Ġesù Kristu telaʼ s-sema u lil Alla Jehovah ippreżentalu l-valur tal-ħajja umana tiegħu li kien offra bħala sagrifiċċju, il-Liġi Mosajka ġiet annullata u tqiegħdet il-bażi għall-“patt ġdid” imbassar.—Ġeremija 31:31-34.