Kif Tiżviluppa Mħabba Ġenwina
“L-imħabba hija l-eliżir tal-ħajja; l-imħabba hija l-ħajja.”—Living to Purpose, miktub minn Joseph Johnson, fl-1871.
BNIEDEM kif jitgħallem iħobb? Billi jistudja l-psikoloġija? Billi jaqra kotba li jgħinuh itejjeb lilu nnifsu? Billi jara films romantiċi? Żgur li le. L-ewwelnett, il-bnedmin jitgħallmu jħobbu mill-eżempju u t-taħriġ tal-ġenituri tagħhom. It-tfal se jitgħallmu xi tfisser l-imħabba jekk, f’ambjent kollu affezzjoni tenera, jaraw lill-ġenituri jitimgħuhom u jipproteġuhom, jikkomunikaw magħhom, u jieħdu interess persunali kbir fihom. Ukoll, jitgħallmu jħobbu meta l-ġenituri tagħhom jgħallmuhom josservaw prinċipji għaqlin dwar dak li hu tajjeb u ħażin.
L-imħabba ġenwina hija iktar minn sempliċi affezzjoni jew sentiment. Din dejjem taġixxi fl-aħjar interessi t’oħrajn, anki jekk ma japprezzawhiex bis-sħiħ dak il-ħin, li spiss huwa l-każ mat-tfal meta jiġu dixxiplinati bl-imħabba. Eżempju perfett taʼ wieħed li juri mħabba mhux egoista huwa l-Ħallieq innifsu. L-appostlu Pawlu kiteb: “Ibni, la twarrabx it-twiddib tal-Mulej, u la taqtax qalbek meta jċanfrek; għax il-Mulej iwiddeb lil min iħobb, jolqot lil kull min jilqaʼ b’ibnu.”—Lhud 12:5, 6.
Ġenituri, kif tistgħu timitaw lil Jehovah f’li turu l-imħabba mal-familja tagħkom? U kemm huwa importanti l-eżempju li tagħtu intom fir-relazzjoni tagħkom maʼ xulxin bħala raġel u mara miżżewġin?
Għallmu l-Imħabba bl-Eżempju
Jekk int ir-raġel, tistmaha, jew tqisha bħala prezzjuża lil martek u tonoraha u tirrispettaha? Jekk int il-mara, turih imħabba u tappoġġah lil żewġek? Il-Bibbja tgħid li l-miżżewġin għandhom iħobbu u jirrispettaw lil xulxin. (Efesin 5:28; Titu 2:4) Meta jagħmlu dan, uliedhom jaraw l-imħabba Kristjana fl-azzjoni f’darhom stess. X’lezzjoni effettiva u taʼ valur tistaʼ tkun din!
Ukoll, il-ġenituri jippromwovu l-imħabba fid-dar meta jżommu livelli għoljin għall-familja fejn jidħlu d-divertiment, il-moralità, il-miri, u l-prijoritajiet. Madwar id-dinja, in-nies sabu li l-Bibbja tgħinhom ħafna biex jagħmlu livelli bħal dawn għall-familja, u b’hekk, jipprovdu evidenza li l-Bibbja verament “hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa.” (2 Timotju 3:16) Tabilħaqq, ħafna wħud iqisu l-prinċipji morali u l-gwida għall-ħajja li nsibu fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja bħala li qatt ma kien hawn bħalhom.—Mattew, kapitli 5 sa 7.
Meta l-familja kollha kemm hi tħares lejn Alla għall-gwida u żżomm mal-livelli tiegħu, kull individwu se jħossu iktar fis-sigurtà u t-tfal x’aktarx li iktar se jsiru jħobbu u jirrispettaw lill-ġenituri tagħhom. Għall-kuntrarju, f’dar fejn hemm livelli difettużi, laxki, jew taʼ sikkatura, it-tfal forsi jsiru mdejqin, irrabjati, u ribellużi.—Rumani 2:21; Kolossin 3:21.
Xi ngħidu dwar ġenituri li huma waħedhom? Għandhom xi żvantaġġ kbir meta jiġu biex jgħallmu l-imħabba liċ-ċkejknin tagħhom? Mhux bilfors. Għalkemm ma tistaʼ tpartat xejn maʼ tim tajjeb t’omm u missier, l-esperjenza turi li l-kwalità tar-relazzjonijiet tal-familja tistaʼ tpatti, sa ċertu punt, għall-ġenitur li jkun nieqes. Jekk int ġenitur waħdek, agħmel ħiltek kollha biex tapplika l-prinċipji tal-Bibbja f’darek. Iva, proverbju wieħed jgħidilna: “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek”—inkluż fit-trobbija tat-tfal.—Proverbji 3:5, 6; Ġakbu 1:5.
Ħafna żgħażagħ mill-aħjar trabbew f’ambjent b’ġenitur wieħed u issa jinsabu jaqdu lil Alla lealment fl-eluf taʼ kongregazzjonijiet Kristjani tax-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja. Din hija evidenza li l-ġenituri li huma waħedhom ukoll jistaʼ jirnexxilhom jgħallmu lil uliedhom dwar l-imħabba.
Kif Kulħadd Jistaʼ Jikkultiva l-Imħabba
Il-Bibbja bassret li fl-“aħħar tad-dinja” kien se jkun hawn nuqqas t’“affezzjoni naturali” (NW), jiġifieri, nuqqas taʼ ġibda naturali li l-membri taʼ familja ġeneralment ikollhom lejn xulxin. (2 Timotju 3:1, 3) Madankollu, anki dawk li trabbew f’ambjent nieqes mill-affezzjoni jistgħu jitgħallmu jikkultivaw l-imħabba. Kif? Billi jitgħallmu minn Jehovah, li hu s-sors taʼ l-imħabba u li juri l-imħabba u l-affezzjoni maʼ dawk kollha li jduru lejh b’qalbhom kollha. (1 Ġwanni 4:7, 8) Wieħed mis-salmisti qal: “Għalkemm telquni missieri u ommi, il-Mulej jilqagħni għandu.”—Salm 27:10.
Jehovah jesprimi l-imħabba tiegħu għalina b’diversi modi. Dawn jinkludu l-gwida bħal dik taʼ missier permezz tal-Bibbja, l-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis, u l-appoġġ kollu mħabba tal-fratellanza Kristjana. (Salm 119:97-105; Luqa 11:13; Lhud 10:24, 25) Ikkunsidra kif dawn it-tliet provvedimenti jistgħu jgħinuk tkabbar l-imħabba tiegħek għal Alla u għal għajrek.
Gwida Ispirata bħal taʼ Missier
Biex nikkultivaw rabta kollha mħabba maʼ xi ħadd, l-ewwel irridu nsiru nafu lill-individwu sew. Billi jirrivela lilu nnifsu permezz tal-paġni tal-Bibbja, Jehovah jistidinna nersqu qrib tiegħu. Madankollu, mhux biżżejjed li naqraw il-Bibbja. Irridu napplikaw it-tagħlim li fiha u nesperjenzaw il-benefiċċji li dan iġib miegħu. (Salm 19:8-11 [19:7-10, NW]) Isaija 48:17 jgħid: “Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi.” Iva, Jehovah, il-personifikazzjoni vera taʼ l-imħabba, jgħallimna għall-benefiċċju tagħna—mhux għax irid jillimita l-libertà tagħna b’regoli u regolamenti mhux bżonnjużi.
Għarfien eżatt mill-Bibbja jgħinna wkoll biex inkabbru l-imħabba tagħna għal sħabna l-bnedmin. Dan għaliex il-verità tal-Bibbja tgħallimna kif Alla jħares lejn il-bnedmin u turina x’inhuma l-prinċipji li għandhom imexxuna fil-mod kif nittrattaw lil xulxin. B’informazzjoni bħal din, għandna bażi soda biex nikkultivaw l-imħabba għal għajrna. L-appostlu Pawlu qal: “U jien dan nitlob: li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bl-għerf [“bl-għarfien eżatt,” “NW”] u b’kull dehen.”—Korsiv tagħna; Filippin 1:9.
Biex nuru kif l-imħabba tistaʼ tintwera kif suppost bl-“għarfien eżatt,” ikkunsidra l-verità fundamentali li hemm f’Atti 10:34, 35: “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa.” Jekk Alla jistma lill-bnedmin skond l-għemejjel tajbin u l-biżaʼ tagħhom minn Alla, mhux skond in-nazzjonalità jew ir-razza tagħhom, m’għandniex aħna nħarsu lejn sħabna l-bnedmin bl-istess imparzjalità?—Atti 17:26, 27; 1 Ġwanni 4:7-11, 20, 21.
L-Imħabba —Frotta taʼ l-Ispirtu t’Alla
Sewwasew bħalma xita f’waqtha li tinżel fuq ġnien bis-siġar tal-frott tikkontribwixxi għal ħsad tajjeb, l-ispirtu t’Alla jistaʼ jipproduċi kwalitajiet li l-Bibbja tiddeskrivihom bħala “l-frott taʼ l-Ispirtu” f’individwi li huma inklinati li jaċċettawh. (Galatin 5:22, 23) L-iktar importanti hija l-frotta taʼ l-imħabba. (1 Korintin 13:13) Imma kif nistgħu niksbu l-ispirtu t’Alla? Mod vitali hu permezz tat-talb. Jekk nitolbu għall-ispirtu t’Alla, hu se jagħtihulna. (Luqa 11:9-13, NW) Int ‘tibqaʼ’ titlob għall-ispirtu qaddis? Jekk iva, il-frott prezzjuż tiegħu, inkluż l-imħabba, għandu jibda jidher saħansitra iktar f’ħajtek.
Madankollu, hemm tip ieħor taʼ spirtu li jaħdem kontra l-ispirtu t’Alla. Il-Bibbja ssejjaħlu “l-ispirtu taʼ din id-dinja.” (1 Korintin 2:12; Efesin 2:2) Dan huwa influwenza ħażina, u s-sors tiegħu m’huwa ħadd ħlief Satana x-Xitan, “il-Prinċep taʼ din id-dinja” taʼ bnedmin li jinsabu ’l bogħod minn Alla. (Ġwanni 12:31) Bħar-riħ li jqajjem it-trab u l-ħmieġ, “l-ispirtu taʼ din id-dinja” jqanqal xewqat ħżiena li jeqirdu l-imħabba u jissodisfaw id-dgħjufijiet tal-ġisem.—Galatin 5:19-21.
In-nies jiġu influwenzati minn dan l-ispirtu ħażin meta jesponu ruħhom għal attitudnijiet materjalistiċi, egoistiċi, u vjolenti, u għal ħarsa mgħawġa u spiss imħawda taʼ l-imħabba li hija tant komuni fid-dinja. Jekk trid tkabbar l-imħabba ġenwina tiegħek, int trid tieħu waqfa soda kontra l-ispirtu tad-dinja. (Ġakbu 4:7) Madankollu, tafdax fis-saħħa tiegħek; sejjaħ lil Jehovah għall-għajnuna. L-ispirtu tiegħu—l-iktar forza qawwija fl-univers—jistaʼ jqawwik u jgħinek tirnexxi.—Salm 121:2.
Tgħallem l-Imħabba mill-Fratellanza Kristjana
Sewwasew bħalma t-tfal jitgħallmu juru l-imħabba għaliex jesperjenzawha d-dar, ilkoll kemm aħna—kbar u żgħar —nistgħu nkabbru l-imħabba billi nissieħbu maʼ Kristjani oħrajn. (Ġwanni 13:34, 35) Tabilħaqq, waħda mill-funzjonijiet fundamentali tal-kongregazzjoni Kristjana hija li tipprovdi ambjent fejn nistgħu “nħajjru lil xulxin għall-imħabba u għall-għemil tajjeb.”—Lhud 10:24.
Imħabba bħal din tiġi apprezzata iktar minn dawk li kienu “mdejjqa u mitluqa” fid-dinja nieqsa mill-imħabba taʼ madwarna. (Mattew 9:36) L-esperjenza wriet li relazzjonijiet kollhom imħabba bejn l-adulti jistgħu jgħinu biex jingħelbu l-effetti ħżiena taʼ tfulija nieqsa mill-imħabba. B’hekk, kemm huwa importanti li l-Kristjani dedikati kollha jagħtu merħba verament mill-qalb lill-ġodda li jibdew jissieħbu magħhom!
“L-Imħabba Ma Tintemm Qatt”
Il-Bibbja tgħid li “l-imħabba ma tintemm qatt.” (1 Korintin 13:8) Dan kif inhu possibbli? L-appostlu Pawlu jgħidilna: “L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba m’hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li m’hux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni.” (1 Korintin 13:4, 5) Jidher ċar li din l-imħabba m’hijiex xi idea immaġinarja jew xi sentiment superfiċjali. Anzi, bil-kontra—dawk li juruha jirrikonoxxu u jaċċettaw id-diżappunti u t-tbatijiet tal-ħajja, imma ma jħalluhomx jeqirdulhom l-imħabba li għandhom għal għajrhom. Verament, imħabba bħal din hija “l-qofol tal-perfezzjoni.”—Kolossin 3:12-14.
Ikkunsidra l-eżempju taʼ tfajla Kristjana taʼ 17-il sena fil-Korea. Meta bdiet taqdi lil Alla Jehovah, il-familja tagħha ma riduhiex tkompli u kellha titlaq mid-dar. Madankollu, minflok ma rrabjat, hi talbet dwar il-kwistjoni, u ħalliet il-Kelma u l-ispirtu t’Alla jsawrulha l-ħsieb tagħha. Minn dakinhar, hi baqgħet tikteb lill-familja tagħha spiss, u l-ittri mliethom bi kliem kollu affezzjoni tenera u ġenwina li kienet tħoss għalihom. Ir-riżultat taʼ dan kien li ħutha s-subien, li huma akbar minnha, bdew jistudjaw il-Bibbja u issa huma Kristjani dedikati. Ommha u ħuha ż-żgħir ukoll aċċettaw il-verità tal-Bibbja. Fl-aħħar missierha, li kien opponieha bl-aħrax, bidel il-ħarsa tiegħu. It-tfajla li hi Xhud kitbet: “Kollha żżewwiġna lil Kristjani sħabna fit-twemmin, u l-familja tagħna t’aduraturi magħqudin tammonta għal total taʼ 23 persuna.” X’rebħa għall-imħabba!
Tixtieq tikkultiva mħabba ġenwina u tgħin lill-oħrajn jagħmlu l-istess? Mela dur lejn Jehovah, is-Sors taʼ din il-kwalità prezzjuża. Iva, ħu l-Kelma tiegħu bis-serjetà, itlob għall-ispirtu qaddis, u issieħeb mal-fratellanza Kristjana regolarment. (Isaija 11:9; Mattew 5:5) Kemm iqawwilna qalbna l-fatt li nafu li dalwaqt il-ħżiena kollha se jispiċċaw u jibqgħu biss dawk li jipprattikaw l-imħabba Kristjana ġenwina! Verament, l-imħabba hija l-muftieħ għall-ferħ u l-ħajja.—Salm 37:10, 11; 1 Ġwanni 3:14.
[Stampi f’paġna 6]
It-talb u l-istudju tal-Kelma t’Alla se jgħinuna nikkultivaw l-imħabba ġenwina