Għala Ma Nistgħux Inkunu Indipendenti Għalkollox
“Tnejn min-nies aħjar minn wieħed waħdu . . . Jekk jaqaʼ wieħed, l-ieħor jistaʼ jqajjmu.”—Is-Sultan Salamun
IS-SULTAN SALAMUN taʼ Iżrael tal-qedem iddikjara: “Tnejn min-nies aħjar minn wieħed waħdu, għax fejda akbar ikollu xogħolhom. Jekk jaqaʼ wieħed, l-ieħor jistaʼ jqajjmu, imma miskin hu min hu waħdu, għax m’għandux min iqajjmu.” (Koħèlet 4:9, 10) Dan l-osservatur għaref taʼ l-imġiba tal-bnedmin b’dan il-mod jenfasizza l-bżonn tagħna li jkollna maʼ min nissieħbu kif ukoll kemm hu importanti li ma ninqatgħux għalina waħedna. Madankollu, din ma kinitx sempliċi opinjoni taʼ bniedem. L-istqarrija taʼ Salamun irriżultat minn għerf u ispirazzjoni divina.
M’huwiex għaqli li niżolaw lilna nfusna. In-nies għandhom bżonn lil xulxin. Ilkoll kemm aħna neħtieġu s-saħħa u l-għajnuna li nistgħu niksbu minn bnedmin oħra. Proverbju mill-Bibbja jgħid: “Min irid jinfired mill-oħrajn jara x’jaqlaʼ, u għal kull xejn jiġġieled.” (Proverbji 18:1) B’hekk, mhux taʼ b’xejn li x-xjenzati soċjali jinkuraġġixxu lil individwi biex jingħaqdu maʼ grupp u biex juru interess f’oħrajn.
Fost l-affarijiet li jirrikkmanda biex isir tiġdid fil-ħajja tal-komunità, il-Professur Robert Putnam isemmi li rridu “nsaħħu l-influwenza tal-fidi spiritwali.” Ix-Xhieda taʼ Jehovah jispikkaw f’dan għaliex huma jgawdu l-protezzjoni taʼ kongregazzjonijiet li qishom familji madwar id-dinja. Fi qbil mal-kliem taʼ l-appostlu Pietru, huma ‘jħobbu l-aħwa kollha,’ li għandhom ‘biżaʼ minn Alla’ b’rispett profond. (1 Pietru 2:17, Saydon) Ix-Xhieda jevitaw ukoll li jiżolaw ruħhom u l-effetti taʼ ħsara li dan iġib għax il-ħafna attivitajiet pożittivi li huma marbutin mal-qima vera jżommuhom involuti fl-għajnuna li jagħtu lill-ġirien tagħhom biex jitgħallmu l-verità li tinsab fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja.—2 Timotju 2:15.
L-Imħabba u s-Sħubija Biddlulhom Ħajjithom
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jifformaw komunità magħquda li fiha kull membru għandu sehem importanti. Per eżempju, ikkunsidra l-każ taʼ Miguel, Froylán, u Alma Ruth, tliet membri taʼ l-istess familja mill-Amerika Latina. Huma twieldu b’marda fl-għadam li ħalliethom nani. It-tlieta li huma jinsabu f’siġġu tar-roti. Is-sħubija max-Xhieda kif effettwatilhom ħajjithom?
Miguel jgħid: “Esperjenzajt perijodi taʼ kriżi, imma meta bdejt nassoċja mal-poplu taʼ Jehovah, ħajti nbidlet. Huwa verament perikoluż li tinqataʼ għalik waħdek. Is-sħubija maʼ sħabi fit-twemmin fil-laqgħat Kristjani, il-fatt li nkun magħhom kull ġimgħa, għenitni ħafna biex insib il-kuntentizza u s-sodisfazzjon.”
Alma Ruth iżżid: “Kont ngħaddi minn mumenti taʼ dipressjoni kbira; ħassejtni mnikkta ħafna. Imma meta tgħallimt dwar Jehovah, ħassejt li setaʼ jkolli relazzjoni mill-qrib miegħu. Din saret l-iktar ħaġa prezzjuża f’ħajti. Il-familja tiegħi appoġġatna ħafna, u dan għaqqadna iktar.”
Missier Miguel, bl-imħabba kollha għallmu jaqra u jikteb. Imbagħad, Miguel għen lil Froylán u lil Alma Ruth biex jitgħallmu wkoll. Dan kien essenzjali għall-ispiritwalità tagħhom. “Il-fatt li tgħallimna naqraw kien taʼ benefiċċju kbir għalina għax imbagħad stajna nissaħħu spiritwalment bil-qari tal-Bibbja u bil-pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja,” tgħid Alma Ruth.
Bħalissa, Miguel qed jaqdi bħala anzjan Kristjan. Froylán qara l-Bibbja kollha disaʼ darbiet. Alma Ruth żiedet fis-servizz tagħha lil Jehovah billi bdiet taqdi bħalha pijuniera, jew proklamatriċi full-time tas-Saltna, mill-1996 ’l hawn. Hi tgħid: “Bil-barka taʼ Jehovah ilħaqt din il-mira, peress li għandi l-appoġġ taʼ l-għeżież aħwa nisa li mhux biss jgħinuni nippriedka imma wkoll jgħinuni ngħallem meta nikkonduċi l-11-il studju tal-Bibbja li rnexxieli nibda.”
Eżempju mill-aqwa ieħor huwa dak taʼ Emelia, li minħabba aċċident li kellha, issa bilfors ikollha tuża siġġu tar-roti minħabba li weġġgħet saqajha u s-sinsla taʼ daharha. Ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-belt tal-Messiku studjaw il-Bibbja magħha, u hi tgħammdet fl-1996. Emelia tgħid: “Qabel ma sirt naf il-verità, ridt noqtol lili nnifsi; ma ridtx ngħix iktar. Ħassejt vojt kbir, waqt li kont nibki lejl u nhar. Imma meta assoċjajt mal-poplu taʼ Jehovah, ħassejt l-imħabba taʼ l-aħwa. L-interess persunali li juru fija inkuraġġieni. Wieħed mill-anzjani hu qisu ħija jew missieri. Hu u xi qaddejja ministerjali jiħduni l-laqgħat u fix-xogħol taʼ l-ippridkar bis-siġġu tar-roti.”
José, li tgħammed bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah fl-1992, jgħix waħdu. Għandu 70 sena u rtira mix-xogħol fl-1990. José kien ibati bid-dipressjoni, imma wara li ppridkalu wieħed mix-Xhieda, hu mill-ewwel beda jattendi l-laqgħat Kristjani. Dak li semaʼ u ra fihom għoġbu. Per eżempju, hu osserva s-sħubija taʼ l-aħwa u ħass kemm kienu verament interessati fih bħala persuna. Issa, l-anzjani u l-qaddejja ministerjali fil-kongregazzjoni tiegħu jieħdu ħsiebu. (Filippin 1:1; 1 Pietru 5:2) Dawn l-uħud li huma sħabu fit-twemmin huma “taʼ faraġ kbir” għalih. (Kolossin 4:11) Huma jiħduh għand it-tabib, iżuruh f’daru, u appoġġawh fl-erbaʼ operazzjonijiet li għamel. Hu jgħid: “Huma juru interess fija. Huma verament il-familja tiegħi. Nieħu pjaċir bis-sħubija tagħhom.”
Hemm Ferħ Veru fl-Għoti
Meta s-Sultan Salamun qal li “tnejn min-nies aħjar minn wieħed waħdu,” hu kien għadu kif tkellem dwar kemm hu fieragħ li wieħed jiddedika l-enerġija kollha tiegħu biex jakkwista l-għana materjali. (Koħèlet 4:7-9) Dan hu eżatt dak li ħafna jfittxu llum, avolja dan ifisser li jissagrifikaw relazzjonijiet umani kemm ġewwa u kemm barra l-familja.
Dan l-ispirtu taʼ regħba u egoiżmu wassal biex ħafna jiżolaw ruħhom. Dan la ġabilhom ferħ u lanqas sodisfazzjon f’ħajjithom, għax ġeneralment dawk li jaqgħu għal dan l-ispirtu jsiru frustrati u jaqtgħu qalbhom. B’kuntrast, ir-rakkonti li għadna kif semmejna juru l-effetti tajbin li tħalli s-sħubija maʼ dawk li jaqdu lil Jehovah u li huma mqanqlin mill-imħabba għalih u għal għajrhom. Il-preżenza regulari fil-laqgħat Kristjani, l-appoġġ u l-interess tal-Kristjani sħabna, u l-attività żeluża fil-ministeru kienu fatturi vitali li għenu lil dawn l-individwi biex jegħlbu s-sentimenti negattivi li l-iżolament iġib miegħu.—Proverbji 17:17; Lhud 10:24, 25.
Ladarba niddependu minn xulxin, huwa naturali li meta nagħmlu xi ħaġa għall-oħrajn inħossuna sodisfatti. Albert Einstein, li xogħlu bbenefika lil oħrajn, qal: “Il-valur taʼ raġel . . . għandu jidher f’dak li jagħti u mhux f’dak li jirnexxilu jieħu.” Dan hu fi qbil maʼ dal-kliem taʼ Sidna Ġesù Kristu: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) Għalhekk, waqt li huwa tajjeb li nirċievu l-imħabba, huwa verament taʼ ġid li nuru l-imħabba lil oħrajn.
Indokratur li jivvjaġġa, li għal snin sħaħ żar lill-kongregazzjonijiet biex joffri għajnuna spiritwali u għen fil-bini taʼ postijiet għal-laqgħat għal Kristjani li huma foqra, esprima s-sentimenti tiegħu b’dan il-mod: “Il-ferħ li nħoss, meta naqdi lil ħuti u nara wiċċhom jixgħel bl-apprezzament, iqanqalni biex nibqaʼ nfittex opportunitajiet biex ngħin. Mill-esperjenza naf li l-fatt li nuri interess persunali f’oħrajn huwa fundamentali għall-ferħ. U naf li bħala anzjani għandna nkunu ‘bħal ilqugħ għar-riħ . . . , bħal swieqi taʼ l-ilma f’art niexfa, bħal dell taʼ blata kbira fuq art imħeddla.’”—Isaija 32:2.
Kemm Hi Ħaġa Ħelwa li Ngħammru Flimkien!
Żgur li hemm benefiċċju kbir u ferħ veru meta tgħin lil oħrajn u tfittex is-sħubija taʼ dawk li jaqdu lil Jehovah. Is-salmista qal: “Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien!” (Salm 133:1) L-għaqda tal-familja hija vitali biex nappoġġaw lil xulxin, bħalma rajna fil-każ taʼ Miguel, Froylán, and Alma Ruth. U x’barka hi din li aħna magħqudin flimkien fil-qima vera! Wara li ta parir lill-Kristjani miżżewġin, l-appostlu Pietru kiteb: “Fl-aħħarnett ngħidilkom, kunu lkoll fehma waħda, ħossu għal xulxin, inħabbu bħal aħwa b’qalb ħanina u umli.”—1 Pietru 3:8.
Ħbiberija ġenwina ġġib benefiċċji kbar, kemm emozzjonali u kemm spiritwali. Meta indirizza lil sħabu fit-twemmin, l-appostlu Pawlu ħeġġiġhom biex ‘jagħmlu l-qalb lill-beżżiegħa, jgħinu lid-dgħajfa, jistabru b’kulħadd, ifittxu dejjem il-ġid taʼ xulxin u taʼ kulħadd.’—1 Tessalonikin 5:14, 15.
Għalhekk, fittex modi prattiċi biex tagħmel il-ġid m’oħrajn. ‘Agħmel il-ġid maʼ kulħadd l-iktar maʼ qrabatek fil-fidi’ għaliex dan se jagħmillek ħajtek iktar mimlija skop u se jgħinek tkun kuntent u sodisfatt. (Galatin 6:9, 10) Ġakbu, id-dixxiplu taʼ Ġesù, kiteb: “Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x’jilbsu u jonqoshom l-ikel taʼ kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom: ‘Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu,’ bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x’jiswa?” (Ġakbu 2:15, 16) It-tweġiba għal din il-mistoqsija hija ovvja. Ma rridux ‘infittxu li jaqblilna, imma li jaqbel lil ħaddieħor.’—Filippin 2:4.
Minbarra li jgħinu lil oħrajn materjalment meta jkun hemm bżonn speċjali jew meta jseħħ xi diżastru, ix-Xhieda taʼ Jehovah jinsabu okkupati ħafna f’dak li hu taʼ benefiċċju għall-bnedmin sħabhom b’mod importanti u vitali—billi jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Mattew 24:14) Is-sehem taʼ iktar minn 6,000,000 Xhud fil-proklamazzjoni taʼ dan il-messaġġ taʼ tama u faraġ huwa evidenza taʼ l-interess kollu mħabba u ġenwin li juru f’oħrajn. Imma l-għajnuna li jagħtu mill-Iskrittura Mqaddsa tgħin ukoll biex tissodisfa bżonn ieħor li għandhom il-bnedmin. Dan x’inhu?
Nissodisfaw Bżonn Vitali
Biex ingawdu ferħ ġenwin, irid ikollna relazzjoni kif suppost m’Alla. Ġieli kien hemm min qal: “Il-fatt li l-bniedem, kullimkien f’kull ħin, mill-bidu tal-ħolqien sa llum, ħass il-bżonn li jsejjaħ lil xi ħadd li hu emmen li huwa akbar u iktar qawwi minnu nnifsu, juri li r-reliġjon hija xi ħaġa naturali u għandha tiġi rikonoxxuta xjentifikament. . . . Għandna nuru biżaʼ, stagħġib u riverenza profonda meta naraw kif madwar id-dinja l-bniedem ifittex għal esseri suprem u jemmen fih.”—Man Does Not Stand Alone, minn A. Cressy Morrison.
Ġesù Kristu ddikjara: “Henjin huma dawk konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3, NW) Il-bnedmin ma jkampawx tajjeb meta jiżolaw ruħhom minn bnedmin oħra għal żmien twil. Madankollu, huwa ħafna agħar jekk niżolaw ruħna mill-Ħallieq tagħna. (Apokalissi 4:11) Il-fatt li nakkwistaw u napplikaw “it-tagħrif taʼ Alla” għandu jkun importanti f’ħajjitna. (Proverbji 2:1-5) Tabilħaqq, għandna nkunu determinati li nissodisfaw il-bżonn spiritwali tagħna, għaliex ma nistgħux inkunu indipendenti għalkollox u ’l bogħod minn Alla. Ħajja ferħana u verament premjanti tiddependi minn relazzjoni tajba maʼ Jehovah, “l-Għoli fuq l-art kollha.”—Salm 83:19 (83:18, NW).
[Stampa f’paġna 5]
Miguel: “Esperjenzajt perijodi taʼ kriżi, imma meta bdejt nassoċja mal-poplu taʼ Jehovah, ħajti nbidlet”
[Stampa f’paġna 5]
Alma Ruth: “Meta tgħallimt dwar Jehovah, ħassejt li setaʼ jkolli relazzjoni mill-qrib miegħu”
[Stampa f’paġna 6]
Emelia: “Qabel ma sirt naf il-verità, . . . ħassejt vojt kbir”
[Stampa f’paġna 7]
Is-sħubija maʼ qaddejja veri tgħinna nissodisfaw il-bżonn spiritwali tagħna